Għin lil Oħrajn Jibbenefikaw mill-Fidwa
It-Tifkira tal-Mewt taʼ Kristu Se Tiġi Osservata fit-12 t’April
1. X’inhu mod wieħed kif il-poplu t’Alla jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-fidwa?
1 “Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.” (2 Kor. 9:15) Dan il-kliem jesprimi sew kif inħossuna dwar it-tjubija u l-qalb tajba bl-imħabba li Alla jesprimi għall-poplu tiegħu permezz tal-fidwa taʼ Ġesù Kristu, Ibnu. Apprezzament bħal dan se jidher b’mod speċjali hekk kif niltaqgħu flimkien fit-12 t’April biex nosservaw it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu.
2. Min jattendi l-osservanza tat-Tifkira flimkien mal-qaddejja taʼ Ġeħova, u xi jridu jagħmlu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-fidwa?
2 Flimkien mal-qaddejja taʼ Ġeħova, madwar għaxar miljun persuna oħra jattendu l-osservanza tat-Tifkira kull sena. Meta jagħmlu hekk, huma sa ċertu punt juru li japprezzaw is-sagrifiċċju taʼ Kristu. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-fidwa, huma jridu jeżerċitaw fidi fiha. (Ġw. 3:16, 36) Kif nistgħu ngħinuhom jiżviluppaw fidi bħal din? Matul dan l-istaġun tat-Tifkira, aħna nistgħu ninkuraġġuhom biex jibdew studju persunali tal-Bibbja u biex jattendu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa. Ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin.
3. Kif nistgħu nibdew studju tal-Bibbja meta nkunu qed nistiednu lil xi ħadd għat-Tifkira?
3 Studji tal-Bibbja: Meta tistieden għat-Tifkira lil dawk li juru interess, għala ma tipprovax tibda studju tal-Bibbja magħhom permezz tal-ktieb X’Tgħallem il-Bibbja? Ipprova spjega lil dak li jkun dwar l-osservanza tat-Tifkira billi tiftaħ paġni 206-8 u ikkunsidra s-suġġett “L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Ċelebrazzjoni li Tonora lil Alla.” Għandek mnejn tkun tistaʼ tikkunsidra din l-informazzjoni fi żjara jew tnejn, forsi billi tikkonduċih bħala studju tal-Bibbja fil-bieb. Meta tkun lestejt dan il-materjal, l-individwu għandu mnejn ikun lest li jiddiskuti kapitlu 5, “Il-Fidwa—L-Aqwa Rigal Mingħand Alla.” Meta jirnexxilek tistabbilixxi studju tal-Bibbja regulari, mur lura fil-bidu u ikkunsidra l-ewwel erbaʼ kapitli tal-ktieb.
4. Maʼ min nistgħu nibdew studju tal-Bibbja waqt dan l-istaġun tat-Tifkira?
4 Maʼ min nistgħu nibdew studju tal-Bibbja billi nużaw dan il-metodu? Forsi lil xi ħadd minn sħabek tax-xogħol jew taʼ l-iskola, jew lil xi ħadd mill-ġirien li jaċċetta li jkollu dawn id-diskussjonijiet. L-aħwa rġiel jistgħu javviċinaw lil dawk l-irġiel li ma jemmnux u li jkunu miżżewġin lill-aħwa nisa fil-kongregazzjoni. U tinsiex lill-membri tal-familja tiegħek li m’humiex Xhieda. Iktar minn hekk, irridu nagħmlu sforz speċjali biex nistiednu għat-Tifkira lil dawk li xi darba kienu jassoċjaw b’mod attiv mal-kongregazzjoni. (Lq. 15:3-7) Jalla nfittxu li ngħinu lil dawn kollha biex jibbenefikaw mill-fidwa.
5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lill-istudenti tal-Bibbja u lil oħrajn li juru interess biex jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa?
5 Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni: It-Tifkira hija l-ewwel laqgħa li għaliha jattendu ħafna studenti tal-Bibbja u oħrajn li juru interess. Madankollu, kif nistgħu ninkuraġġuhom jibbenefikaw mil-laqgħat l-oħra li għandna tal-kongregazzjoni? Il-Ministeru tas-Saltna t’April 2005, f’paġna 8, joffri s-suġġerimenti li ġejjin: “Semmilhom it-titlu tat-taħdita pubblika li jkun imiss. Urihom il-materjal li se jiġi kunsidrat fl-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa u fl-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Spjegalhom xi jsir fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u fil-Laqgħa tas-Servizz. Meta jkollok inkarigu fl-iskola, forsi tistaʼ tipprattikah magħhom minn qabel. Aqsam magħhom punti li jkunu spikkaw fil-laqgħat. Uża r-ritratti fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex tgħinhom jieħdu stampa taʼ kif isiru l-affarijiet.” Stidinhom jattendu mill-ewwel studju li tikkonduċi int.
6. B’liema żewġ modi nistgħu ngħinu lil dawk taʼ qalb onesta jibbenefikaw mill-fidwa?
6 Meta dawk taʼ qalb onesta jkollhom studju regulari tal-Bibbja u jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni regolarment, ħafna drabi dawn jagħmlu progress spiritwali mgħaġġel. Għalhekk, jalla ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jieħdu vantaġġ minn dawn il-provvedimenti u jibbenefikaw mill-aqwa rigal mingħand Alla—il-fidwa.