Ejja Nuru l-Apprezzament Tagħna—It-Tifkira Se Tkun fis-17 t’April
1. Liema sentiment tas-salmista huwa tassew xieraq matul l-istaġun tat-Tifkira?
1 Imqanqal mill-ħafna għemejjel taʼ ħniena u ħelsien mingħand Ġeħova, is-salmista staqsa: “X’se nagħti lil Ġeħova għall-benefiċċji kollha li tani?” (Salm 116:12) Illum, il-qaddejja t’Alla għandhom saħansitra iktar raġunijiet biex ikunu grati. Sekli wara li nkiteb dan il-kliem imnebbaħ, Ġeħova ta lill-umanità l-akbar għotja—il-fidwa. Hekk kif nippreparaw biex nikkommemoraw il-mewt taʼ Kristu fis-17 t’April, għandna kull raġuni biex nuru li aħna grati.—Kol. 3:15.
2. X’inhuma xi raġunijiet għala napprezzaw il-fidwa?
2 Barkiet Minħabba l-Fidwa: Permezz tal-fidwa aħna nistgħu nirċievu “l-maħfra taʼ dnubietna.” (Kol. 1:13, 14) Dan jagħmilha possibbli għalina li nqimu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa. (Ebr. 9:13, 14) Nistgħu ngawdu l-libertà tal-kelma maʼ Ġeħova meta nduru lejh fit-talb. (Ebr. 4:14-16) Dawk li jeżerċitaw il-fidi fil-fidwa għandhom it-tama meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem!—Ġw. 3:16.
3. Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna lil Ġeħova għall-fidwa?
3 Uri l-Apprezzament: Mod wieħed kif nuru l-apprezzament profond tagħna hu billi nikkunsidraw il-qari tal-Bibbja tat-Tifkira kuljum u nimmeditaw fuqu. L-artiklu tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Frar, intitolat “Are You Prepared for the Most Important Day of the Year?” (Ippreparat Int għall-Iktar Ġurnata Importanti tas-Sena?) ġie mħejji għal dan l-għan. Ukoll, permezz taʼ talb mill-qalb nistgħu ngħidu lil Ġeħova kemm napprezzaw il-fidwa. (1 Tess. 5:17, 18) Il-fatt li nkunu preżenti għat-Tifkira, b’ubbidjenza għall-kmand taʼ Ġesù, juri li aħna grati. (1 Kor. 11:24, 25) Barra minn hekk, nistgħu nimitaw l-imħabba kbira taʼ Ġeħova u nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jattendu magħna. (Is. 55:1-3) Ukoll, se ssibha taʼ vantaġġ li tipprattika ż-żewġ għanjiet ġodda li se jintużaw fit-Tifkira, numru 8 u 109.
4. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
4 Qaddejja taʼ Ġeħova li japprezzaw mhumiex se jħarsu lejn it-Tifkira bħala sempliċement laqgħa oħra. Hija l-iktar laqgħa importanti tas-sena! Hekk kif toqrob it-Tifkira, jalla d-determinazzjoni tagħna tkun bħal dik tas-salmista li kiteb: “Bierek lil Ġeħova, O ruħi, u tinsiex kulma għamel.”—Salm 103:2.