Nesprimu Gratitudni għall-Akbar Għotja Mingħand Alla
1. Aħna għala grati speċjalment lejn Ġeħova?
1 Mill-ħafna ‘għotjiet tajbin’ taʼ Ġeħova, il-fidwa li pprovda l-għażiż Ibnu hija l-akbar. (Ġak. 1:17) Permezz tagħha jistaʼ jkollna ħafna barkiet, fosthom il-maħfra taʼ dnubietna. (Efes. 1:7) Għal dan, aħna dejjem grati. Matul l-istaġun tat-Tifkira, aħna nieħdu l-ħin b’mod partikulari biex nimmeditaw fuq din l-għotja prezzjuża.
2. Kif nistgħu nibnu l-apprezzament għall-fidwa fil-familja tagħna u fina nfusna?
2 Ibni l-Apprezzament: Sabiex tibni l-apprezzament tal-familja tiegħek, fil-ġimgħat taʼ qabel it-Tifkira li se ssir fit-30 taʼ Marzu, għala ma tużax ftit ħin matul il-lejla tal-Qima tal-Familja biex tirrivedi informazzjoni dwar il-fidwa? Ikkunsidra wkoll il-qari tal-Bibbja speċjali għat-Tifkira kuljum bħala familja. B’mod persunali rrifletti dwar kif il-fidwa kienet taʼ benefiċċju għalik u kif effettwat il-ħarsa tiegħek lejn Ġeħova, lejk innifsek, lejn oħrajn, u lejn il-futur.—Salm 77:12.
3. Kif nistgħu nesprimu l-gratitudni tagħna?
3 Espressjonijiet taʼ Gratitudni: L-apprezzament għall-fidwa jqanqalna biex ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova u l-imħabba kbira tiegħu meta bagħat lil Ibnu. (Salm 145:2-7) Matul Marzu, April, u Mejju, xi familji jesprimu l-gratitudni tagħhom billi jagħmlu arranġamenti biex minn tal-inqas membru wieħed mill-familja jaqdi bħala pijunier awżiljarju. Jekk dan mhuwiex possibbli, tistaʼ int tixtri l-ħin biex tkabbar is-sehem tiegħek fil-ministeru? (Efes. 5:16) Il-gratitudni se timmotivana wkoll biex ngħinu lil oħrajn jattendu għat-Tifkira magħna. (Riv. 22:17) Ibda ħejji lista taʼ żjajjar lura, studenti tal-Bibbja, qraba, sħabek tax-xogħol, u ġirien biex tistidinhom, u mbagħad kun ċert li tieħu sehem bis-sħiħ fil-kampanja tal-invit speċjali għat-Tifkira.
4. B’liema modi nistgħu nużaw l-istaġun tat-Tifkira b’mod għaqli?
4 L-istaġun tat-Tifkira jipprovdi opportunitajiet ġodda biex nuru lil Ġeħova kemm napprezzaw l-għotja li hu ta lill-umanità. Jalla nużaw dan iż-żmien biex nibnu u nesprimu l-gratitudni tagħna għall-fidwa u għar-“rikkezzi bla tarf tal-Kristu.”—Efes. 3:8.