Uża l-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla—Biex tibda konversazzjoni
1. Liema ktejjeb ġdid irċivejna għall-ministeru?
1 Kif nistgħu nużaw il-ktejjeb il-ġdid Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla meta nippreparaw preżentazzjonijiet għall-ministeru? Ladarba dan il-ktejjeb jagħmel ġabra taʼ skritturi f’diversi suġġetti Bibliċi, simili għal kif inhu magħmul il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, jistaʼ jkun utli ħafna biex nibdew konversazzjonijiet.
2. Kif tistaʼ tuża l-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla fil-ministeru?
2 Għandu mnejn tibda b’mistoqsija 8, u tgħid: “Qed nagħmlu żjajjar qosra f’dawn l-inħawi għax ħafna jsaqsu, ‘Għandna nwaħħlu f’Alla għat-tbatija tal-bnedmin?’ [F’xi postijiet, ikun iktar effettiv meta turi l-mistoqsija lill-inkwilin.] X’inhi l-opinjoni tiegħek? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Bibbja tagħti tweġiba sodisfaċenti għal din il-mistoqsija.” Aqra direttament mill-Bibbja wieħed mill-versi kwotati jew iktar u ddiskutihom. Jekk l-inkwilin juri interess, tistaʼ turih l-20 mistoqsija li hemm fl-introduzzjoni u titolbu biex jagħżel waħda ħalli tiġi diskussa fiż-żjara li jkun imiss. Inkella tistaʼ toffri waħda mill-pubblikazzjonijiet għall-istudju li għandha iktar informazzjoni fuq is-suġġett li tkun għadek kif ikkunsidrajt.
3. Kif tistaʼ tuża l-ktejjeb Introduzzjoni għall-Kelma t’Alla biex tibda konversazzjoni maʼ nies li r-reliġjon tagħhom mhix Kristjana?
3 Mistoqsijiet 4 u 13 sa 17 għandhom mnejn ikunu t’għajnuna b’mod partikulari meta tipprietka lil dawk in-nies li r-reliġjon tagħhom mhix Kristjana. Pereżempju, tistaʼ tuża l-informazzjoni li hemm f’mistoqsija 17, u tgħid: “Qed nagħmlu żjajjar qosra bħala servizz pubbliku lill-familji. Taqbel li llum il-familji qed jiffaċċjaw ħafna sfidi? [Agħti ċans għal tweġiba.] Ħafna koppji sabu t’għajnuna dan il-kliem għaqli: ‘Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.’ [M’hemmx għalfejn tgħid li dan hu minn Efesin 5:33. Tistaʼ tikkwota l-kliem taʼ Efesin 5:28 f’każ li qed titkellem maʼ mara.] Taħseb li se jkun taʼ benefiċċju fil-ħajja miżżewġa jekk jiġi applikat dan il-parir?”
4. X’tistaʼ tagħmel fl-aħħar tal-konversazzjoni meta tkun qed titkellem maʼ xi ħadd li r-reliġjon tiegħu mhix Kristjana?
4 Fi tmiem il-konversazzjoni tiegħek, agħmel arranġamenti biex tkompli d-diskussjoni f’okkażjoni oħra. Forsi tistaʼ tiftiehem biex titkellem dwar waħda mill-iskritturi l-oħra li ssib fil-mistoqsija li użajt qabel. Fil-ħin addattat, għid lill-inkwilin li l-kliem għaqli li qed tgħidlu huwa mill-Bibbja. Skont id-diskussjonijiet li kellek qabel u skont kif l-individwu jqis il-Bibbja, offri pubblikazzjoni li taħseb li se togħġbu.—Ara l-insert tal-Ministeru tas-Saltna taʼ Diċembru 2013.