LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 4/15 p. 7
  • Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Sottitli
  • Ħutkom,
  • Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova
Il-Ministeru tas-Saltna—2015
km 4/15 p. 7

Ittra mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna

Għeżież ħutna rġiel u nisa:

“Aħna dejjem irroddu ħajr lil Alla meta nsemmukom ilkoll fit-​talb tagħna, għax bla waqfien inżommu f’moħħna l-​għemil tagħkom li ġej mill-​fidi u t-​taħbit tagħkom bl-​imħabba u s-​sabar tagħkom minħabba t-​tama tagħkom fil-​Mulej tagħna Ġesù Kristu quddiem Alla u Missierna.” (1 Tess. 1:2, 3) Kemm hu sabiħ dan il-​kliem li hu fi qbil maʼ kif inħossu għalikom! Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li għandna lilkom u għax-​xogħol tajjeb li tagħmlu. Għala ngħidu hekk?

Matul is-​sena li għaddiet, intom kontu okkupati f’li twettqu l-​‘għemil li ġej mill-​fidi’ u ‘t-​taħbit bl-​imħabba’ li għandhom x’jaqsmu mal-​attivitajiet tas-​Saltna. Ħafna minnkom fittixtu modi kif tistgħu tkabbru l-​ministeru tagħkom. Xi wħud marru biex jaqdu fi nħawi, jew saħansitra f’pajjiżi oħra, fejn hemm bżonn kbir taʼ evanġelizzaturi tas-​Saltna. Oħrajn kabbru l-​ministeru tagħhom billi ħadu sehem fi ppritkar f’postijiet pubbliċi. Ħafna kienu mqanqlin biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji fl-​istaġun tat-​Tifkira, matul ix-​xahar taż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, jew matul il-​kampanja speċjali f’Awwissu tal-​2014. Għalkemm iċ-​ċirkustanzi tagħkom huma differenti, aħna naraw li qed taħdmu b’ruħkom kollha għal Ġeħova, u aħna nfaħħrukom taʼ dan. (Kol. 3:23, 24) L-​‘għemil li ġej mill-​fidi’ tagħkom hu fil-​fatt raġuni għalina biex nirringrazzjaw lil Ġeħova!

Aħna napprezzaw ħafna “t-​taħbit tagħkom bl-​imħabba” li għandu x’jaqsam mal-​kostruzzjoni taʼ diversi faċilitajiet teokratiċi madwar id-​dinja. Għandna bżonn faċilitajiet bħal dawn b’mod urġenti, għax l-​għadd tan-​nies taʼ Ġeħova qed ikompli jiżdied. (Is. 60:22) Immaġina ftit, il-​quċċata taʼ pubblikaturi għas-​sena li għaddiet kienet 8,201,545, waqt li l-​medja taʼ studji tal-​Bibbja kienet 9,499,933 kull xahar. Minħabba ż-​żieda, ħafna uffiċċji tal-​fergħa għandhom bżonn jespandu jew jiġu rinnovati. M’għandniex xi ngħidu, dan ifisser ukoll li għandna bżonn taʼ iktar Swali tas-​Saltna! Fl-​istess ħin, hemm bżonn taʼ uffiċċji tat-​traduzzjoni f’ħafna postijiet tad-​dinja ħalli t-​tradutturi jkunu jistgħu jgħixu u jaħdmu fl-​inħawi fejn il-​lingwa tagħhom tiġi mitkellma.

Għaldaqstant, nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘X’nistaʼ nagħmel biex nappoġġa l-​kostruzzjoni taʼ dawn il-​faċilitajiet?’ Xi wħud minna għandhom mnejn ikunu jistgħu joffru ruħhom b’mod volontarju biex jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​kostruzzjoni. U, kemm jekk għandna abbiltajiet tal-​kostruzzjoni u kemm jekk le, ilkoll għandna l-​privileġġ li nikkontribwixxu l-​affarijiet prezzjużi tagħna għal dawn il-​proġetti importanti. (Prov. 3:9, 10) Waqt il-​kostruzzjoni tat-​tabernaklu, l-​Iżraelin tant kemm kienu ġenerużi li kellu jsir avviż biex ma jibqgħux jagħtu iżjed. (Eżo. 36:5-7) Bla dubju, eżempji Skritturali bħal dawn imissulna qalbna u jimmotivawna. “It-​taħbit tagħkom bl-​imħabba” f’dawn l-​oqsma importanti taʼ servizz sagru hu raġuni oħra għalina biex nirringrazzjaw lil Ġeħova!

Għandna raġuni speċjali biex nifirħu hekk kif naraw kemm ħutna baqgħu sodi f’li jissaportu. Pereżempju, ikkunsidra lil ħutna għeżież fil-​Korea t’Isfel. Mill-​1950, l-​aħwa rġiel żgħażagħ f’dan il-​pajjiż intbagħtu l-​ħabs minħabba li riedu jżommu n-​newtralità Kristjana tagħhom. Mhux kulħadd weħel l-​istess ammont taʼ żmien il-​ħabs. Ġenerazzjoni wara oħra taʼ aħwa ssaportew dan it-​tip taʼ trattament, mingħajr ma ċedew. L-​eżempju tagħhom taʼ kemm issaportew, isaħħilna l-​fidi tagħna!

Fl-​Eritrea, tlieta minn ħutna ilhom iktar minn 20 sena l-​ħabs. Oħrajn, inkluż ħutna nisa u t-​tfal tagħhom, intbagħtu l-​ħabs għal perijodi iqsar. Saru ħafna sforzi biex jinħelsu, imma s’issa ebda minn dawn l-​isforzi ma kien taʼ suċċess. Ħutna m’għamlux kompromess. Huma żammew l-​integrità tagħhom avolja kellhom ċirkustanzi gravi ħafna. Aħna ma ninsewx dawn l-​uħud leali fit-​talb tagħna.—Rum. 1:8, 9.

Naturalment, il-​maġġorparti minnkom ma ġejtux mibgħutin il-​ħabs minħabba l-​fidi tagħkom. Però, ħafna minnkom qed tkampaw maʼ età avvanzata, problemi serji taʼ saħħa, oppożizzjoni mill-​imseħbin fiż-​żwieġ jew qraba li m’għandhomx l-​istess twemmin, u kif ukoll sfidi personali oħra li forsi tkunu tafu bihom intom biss. Minkejja dan, tkomplu taqdu lil Ġeħova b’lealtà! (Ġak. 1:12) U aħna nfaħħrukom taʼ dan. Li tibqgħu sodi fil-​fidi hi raġuni oħra għalina biex nirringrazzjaw lil Ġeħova.

Iva, l-​għemil tagħkom li ġej mill-​fidi, it-​taħbit tagħkom bl-​imħabba, u s-​sabar tagħkom jipprovdu raġunijiet sbieħ għalina biex ‘nirringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb.’ (Salm 106:1) Aħna verament inħobbukom kollha kemm intom, u nitolbu li Ġeħova jsaħħaħkom, isostnikom, u jberikkom ħalli tkunu tistgħu taqduh għal dejjem.

Ħutkom,

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja