Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
4-10 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 ĠWANNI 1-5
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 862 ¶5
Maħfra
Huwa xieraq li titlob maħfra lil Alla għan-nom taʼ oħrajn, anke għall-kongregazzjoni sħiħa. Mosè għamel dan għan-nazzjon taʼ Iżrael, billi stqarr id-dnub tagħhom u talab maħfra, u Ġeħova laqaʼ t-talba tiegħu. (Nu 14:19, 20) Anke Salamun, fid-dedikazzjoni tat-tempju, talab biex Ġeħova jaħfer lin-nies tiegħu meta huma jidinbu u mbagħad jerġgħu lura mit-triq il-ħażina li jkunu qabdu. (1Sl 8:30, 33-40, 46-52) Esdra stqarr pubblikament id-dnubiet tal-Lhud li reġgħu marru lura Ġerusalemm wara l-eżilju. Permezz tat-talb mill-qalb u l-pariri tiegħu, in-nies ħadu azzjoni biex ikunu jistgħu jirċievu l-maħfra taʼ Ġeħova. (Esd 9:13–10:4, 10-19, 44) Ġakbu inkuraġġixxa lil min kien marid spiritwalment biex jitkellem mal-anzjani tal-kongregazzjoni ħalli jitolbu għalih, u “jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġk 5:14-16) Imma hemm “dnub li jġib il-mewt.” Dan hu dnub kontra l-ispirtu qaddis, jiġifieri dnub intenzjonat li m’hemmx maħfra għalih. Kristjan m’għandux jitlob għal dawk li jidinbu b’dan il-mod.—1Ġw 5:16; Mt 12:31; Eb 10:26, 27.
11-17 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 2 ĠWANNI 1– ĠUDA
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 279
Festi bejn l-aħwa
Il-Bibbja la tiddeskrivi dawn il-festi bejn l-aħwa u lanqas ma tindika kemm-il darba kienu jsiru. (Ġd 12) Dawn ma kinux kmandati minn Ġesù Kristu l-Mulej jew mill-appostli tiegħu, u milli jidher m’għandhomx ikunu kunsidrati obbligatorji jew permanenti. Xi wħud jgħidu li kienu okkażjonijiet meta Kristjani sinjuri materjalment kienu jagħmlu ikliet kbar fejn kienu jistiednu lill-Kristjani foqra. Flimkien, dawk bla missier, ir-romol, is-sinjuri, u dawk inqas fortunati kienu jaqsmu ikla tajba bi spirtu taʼ fratellanza.
it-2 816
Blata
Kelma oħra Griega, spi·lasʹ, milli jidher tirreferi għal blata jew sikka li tkun moħbija taħt l-ilma. Din intużat minn Ġuda biex iqabbilha maʼ xi rġiel li daħlu fil-kongregazzjoni Kristjana b’mottivi ħżiena. Bħalma l-blat moħbi kien taʼ periklu għall-vapuri, hekk ukoll dawn l-irġiel kienu taʼ periklu kbir għal oħrajn fil-kongregazzjoni. Rigward dawn l-irġiel hu jgħid: “Dawn huma l-blat moħbi taħt l-ilma fil-festi li tagħmlu bejn l-aħwa filwaqt li jiffesteġġaw magħkom.”—Ġd 12.
25 taʼ Novembru–1 taʼ Diċembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 4-6
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
re 76 ¶8
Il-kobor tat-tron ċelestjali taʼ Ġeħova
8 Ġwanni kien jaf li l-qassisin kienu maħturin biex iservu fit-tabernaklu tal-qedem. Għalhekk hu forsi baqaʼ sorpriż meta ra dan li se jiddeskrivi: “U madwar it-tron kien hemm erbgħa u għoxrin tron, u fuq dawn it-tronijiet rajt erbgħa u għoxrin anzjan bil-qiegħda lebsin ħwejjeġ bojod, u fuq rashom kellhom kuruni tad-deheb.” (Rivelazzjoni 4:4) Iva, minflok qassisin kien hemm 24 anzjan li ngħataw tron u ġew inkurunati bħala slaten. Min huma dawn l-anzjani? Dawn huma l-uħud midlukin tal-kongregazzjoni Kristjana li ġew irxoxtati u li qegħdin fis-sema fil-pożizzjoni li wegħedhom Ġeħova. Aħna kif nafu dan?
re 80 ¶19
Il-kobor tat-tron ċelestjali taʼ Ġeħova
19 Dawn il-ħlejjaq x’jirrappreżentaw? Viżjoni oħra minn profeta ieħor, Eżekjel, tgħinna nsibu t-tweġiba. Eżekjel ra lil Ġeħova fuq tron fuq karru ċelestjali u miegħu kien hemm ħlejjaq ħajjin li kellhom karatteristiki simili taʼ dawk li ddeskriva Ġwanni. (Eżekjel 1:5-11, 22-28) Iktar tard, Eżekjel reġaʼ ra l-ħlejjaq ħajjin mat-tron. Imma issa hu rrefera għal dawn il-ħlejjaq ħajjin bħala kerubini. (Eżekjel 10:9-15) L-erbaʼ ħlejjaq ħajjin li Ġwanni ra jirrappreżentaw il-ħafna kerubini t’Alla—ħlejjaq taʼ pożizzjoni għolja fl-organizzazzjoni spiritwali tiegħu. Għal Ġwanni ma kinitx xi ħaġa stramba li jara kerubini viċin ħafna taʼ Ġeħova. Dan minħabba li fl-arranġament tat-tabernaklu tal-qedem kien hemm żewġ kerubini tad-deheb fuq l-għatu tal-arka tal-patt u din kienet tirrappreżenta t-tron taʼ Ġeħova. Minn bejn dawn il-kerubini, leħen Ġeħova ta kmandamenti lin-nazzjon.—Eżodu 25:22; Salm 80:1.