LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w20 April pp. 20-25
  • “Sejjaħtilkom Ħbieb”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Sejjaħtilkom Ħbieb”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA GĦANDNA BŻONN INSIRU ĦBIEB TAʼ ĠESÙ?
  • KIF NIBNU ĦBIBERIJA MAʼ ĠESÙ
  • ĦBIEB MAʼ ĠESÙ GĦAL DEJJEM
  • “Intom Ħbiebi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • X’Tip taʼ Persuna Hu Ġesù?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Se Twieġeb Int Għall-Imħabba taʼ Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
w20 April pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17

“Sejjaħtilkom Ħbieb”

“Sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.”—ĠW. 15:15.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Kif tistaʼ tibni ħbiberija mill-​qrib maʼ xi ħadd?

SPISS, biex issir ħabib tajjeb taʼ xi ħadd, għandek bżonn tqattaʼ l-​ħin miegħu. Hekk kif titkellmu flimkien, taqsmu l-​ħsibijiet u l-​esperjenzi tagħkom, ser issiru ħbieb. Imma biex tibni ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù mhux faċli. Għala?

2. X’inhi l-​ewwel sfida li niffaċċjaw?

2 L-​ewwel sfida hi li aħna qatt ma ltqajna maʼ Ġesù. Ħafna Kristjani li għexu fi żmien l-​appostli, ukoll qatt ma ltaqgħu miegħu. Minkejja dan, l-​appostlu Pietru qal: “Għalkemm qatt ma rajtuh, tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh fil-​preżent, qed teżerċitaw il-​fidi fih.” (1 Pt. 1:8) Mela, huwa possibbli li ssir ħabib taʼ Ġesù anka jekk qatt ma ltqajt miegħu.

3. X’inhi t-​tieni sfida li niffaċċjaw?

3 It-​tieni sfida hi li aħna ma nistgħux nitkellmu maʼ Ġesù. Meta nitolbu, aħna nitkellmu direttament maʼ Ġeħova. Veru li nitolbu f’isem Ġesù, imma aħna ma nitkellmux direttament miegħu. Fil-​fatt, Ġesù ma jridniex nitolbu lilu. Għala le? Għax it-​talb huwa forma taʼ qima, u Ġeħova biss jistħoqqlu dan. (Mt. 4:10) Però, xorta nistgħu nuru li nħobbu lil Ġesù.

4. X’inhi t-​tielet sfida, u x’se nistudjaw f’dan l-​artiklu?

4 It-​tielet sfida hi li Ġesù jgħix fis-​sema, għalhekk ma nistgħux inqattgħu l-​ħin miegħu. Imma xorta waħda nistgħu nsiru nafu ħafna affarijiet dwar Ġesù mingħajr ma nkunu miegħu. Se nistudjaw erbaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-​ħbiberija tagħna miegħu. Imma, l-​ewwel ejja naraw għala huwa importanti li nibnu ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù.

GĦALA GĦANDNA BŻONN INSIRU ĦBIEB TAʼ ĠESÙ?

5. Għala rridu nkunu ħbieb maʼ Ġesù? (Ara wkoll il-​kaxxi “Ħbiberija maʼ Ġesù Twassal Għal Ħbiberija maʼ Ġeħova” u “Ħarsa Xierqa Lejn l-​Irwol taʼ Ġesù.”)

5 Aħna rridu nkunu ħbieb maʼ Ġesù jekk irridu li jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Għala? Ikkunsidra biss żewġ raġunijiet. L-​ewwel, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​Missier innifsu jurikom affezzjoni, għax lili wrejtuni affezzjoni.” (Ġw. 16:27) Hu qal ukoll: “Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6) Jekk tipprova tkun ħabib taʼ Ġeħova mingħajr ma tibni ħbiberija maʼ Ġesù, huwa bħallikieku qed tipprova tidħol f’dar mingħajr ma tuża l-​bieb. Ġesù uża tixbiha simili meta ddeskriva lilu nnifsu bħala “l-​bieb tan-​nagħaġ.” (Ġw. 10:7) It-​tieni raġuni hi li Ġesù imita perfettament il-​kwalitajiet taʼ Missieru. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) Għalhekk, mod importanti kif nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova huwa billi nistudjaw dwar il-​ħajja taʼ Ġesù. Iktar ma nitgħallmu dwar Ġesù, iktar se nsiru nħobbuh. U iktar ma nħobbu lil Ġesù, iktar se nħobbu lil Missieru.

Ħbiberija maʼ Ġesù Twassal Għal Ħbiberija maʼ Ġeħova

Minħabba li aħna imperfetti, għandna bżonn l-​għajnuna jekk irridu nkunu ħbieb maʼ Ġeħova. Mit-​twelid, aħna nkunu għedewwa t’Alla u mhux il-​ħbieb tiegħu. Allura, biex insiru l-​ħbieb tiegħu għandna bżonn nirranġaw il-​ħbiberija taʼ bejnietna. (Rum. 5:6-12) Ġeħova għamilha possibbli għalina biex inkunu l-​ħbieb tiegħu permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa tal-​Iben uniġenitu tiegħu. Billi jkollna l-​fidi f’Ġesù u nobdu l-​kmandamenti tiegħu, aħna nistgħu nsiru l-​ħbieb tiegħu. (Ġw. 3:16, 36; 15:14) Iktar minn hekk, meta jkollna l-​fidi f’Ġesù, nistgħu nsiru l-​ħbieb t’Alla. Għalhekk, ħbiberija maʼ Ġesù twassal għal ħbiberija maʼ Ġeħova.

Ħarsa Xierqa Lejn l-​Irwol taʼ Ġesù

L-​Istudenti tal-​Bibbja għamlu żball meta ffokaw l-​iktar fuq l-​imħabba tagħhom għal Ġesù minflok fuq l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova. Però, fil-​bidu tal-​1919, huma fehmu li l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti għall-​qima tagħhom. Aħna ferħanin li fhimna li l-​imħabba tagħna għal Ġesù hija importanti biex ikollna ħbiberija maʼ Ġeħova. Imma rridu noqogħdu attenti li ma nħobbux lil Ġesù iktar minn Missieru.—Ġw. 16:27.

6. X’raġuni oħra hemm, għala għandu jkollna ħbiberija maʼ Ġesù? Spjega.

6 Aħna jrid ikollna ħbiberija maʼ Ġesù biex it-​talb tagħna jkun jistaʼ jitwieġeb. Dan ifisser iktar milli sempliċiment nispiċċaw it-​talb tagħna bil-​kliem “f’isem Ġesù.” Aħna rridu nifhmu kif Ġeħova juża lil Ġesù biex iwieġeb it-​talb tagħna. Ġesù qal lill-​appostli: “Kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu.” (Ġw. 14:13) Minkejja li Ġeħova hu l-​wieħed li jismaʼ u jwieġeb it-​talb tagħna, Ġeħova ta l-​awtorità lil Ġesù biex jagħmel dak li jkun iddeċieda. (Mt. 28:18) Għalhekk, qabel Alla jwieġeb it-​talb tagħna, hu jara jekk applikajniex il-​parir li tana Ġesù. Pereżempju, Ġesù qal: “Għax jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll; filwaqt li jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.” (Mt. 6:14, 15) Għalhekk, kemm hu importanti li nittrattaw lil oħrajn bil-​mod kif Ġeħova u Ġesù jittrattaw lilna!

7. Min se jibbenefika mis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù?

7 Dawk biss li għandhom ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġesù se jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju tiegħu tal-​fidwa. Kif nafu dan? Ġesù qal li hu kien se “jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġw. 15:13) Nies li qdew lil Ġeħova u għexu qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, se jkollhom jitgħallmu dwar Ġesù u jsiru jħobbuh. Irġiel u nisa leali li se jiġu rxoxtati, bħal Abraham, Sara, Mosè, u Raħab, ukoll se jkollhom bżonn jibnu ħbiberija maʼ Ġesù biex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem.—Ġw. 17:3; Atti 24:15; Ebr. 11:8-12, 24-26, 31

8-9. Kif inhu spjegat fi Ġwanni 15:4, 5, jekk inkunu ħbieb taʼ Ġesù, x’se nkunu nistgħu nagħmlu, u dan għala huwa importanti?

8 Meta aħna nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna, inkunu qegħdin naħdmu maʼ Ġesù u dan jġibilna l-​ferħ. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu kien jgħallem. U minn meta mar lura fis-​sema, bħala kap tal-​kongregazzjoni, hu baqaʼ jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim. Hu jara u japprezza l-​isforzi tiegħek biex tgħin lil kemm jistaʼ jkun nies biex isiru jafu lilu u lil Missieru. Fil-​fatt, aħna nistgħu nagħmlu dan ix-​xogħol biss għax għandna l-​għajnuna taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù.—Aqra Ġwanni 15:4, 5.

9 Il-​Kelma t’Alla tgħallimna b’mod ċar li biex nogħġbu lil Ġeħova, irridu nħobbu u nsaħħu mħabbitna għal Ġesù. Għalhekk, ejja nikkunsidraw erbaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex insiru ħbieb taʼ Ġesù.

KIF NIBNU ĦBIBERIJA MAʼ ĠESÙ

Ġesù b’idu fuq spallejn tnejn mid-dixxipli tiegħu. Grupp taʼ stampi: Passi li nistgħu nagħmlu biex nibnu ħbiberija maʼ Ġesù. 1. Familja jagħmlu l-qima bħala familja. 2. F’Sala tas-Saltna, oħt qed tipprova tkellem lil oħt li tidher imweġġaʼ. 3. Koppja miżżewġa t-trolley flimkien. 4. Waqt laqgħa, anzjan qed juri lil kongregazzjoni fuq l-iscreen mappa tat-territorju tagħhom.

Aħna nsiru ħbieb maʼ Ġesù meta (1) insiru nafuh aħjar, (2) naħsbu u naġixxu bħalu, (3) nappoġġjaw lil ħutu l-​midlukin, u (4) nappoġġjaw id-​deċiżjonijiet tal-​kongregazzjoni (Ara paragrafi 10-14)b

10. X’inhi l-​ewwel ħaġa li rridu nagħmlu biex nibnu ħbiberija maʼ Ġesù?

10 (1) Insiru nafu lil Ġesù. Aħna nistgħu nagħmlu dan billi naqraw il-​kotba tal-​Bibbja taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Hekk kif nimmeditaw fuq ir-​rakkonti tal-​Bibbja dwar il-​ħajja taʼ Ġesù, aħna se nirrispettawh u nħobbuh iktar minħabba li hu tratta lin-​nies b’qalb tajba. Pereżempju, minkejja li hu kien is-​Sid tad-​dixxipli tiegħu, hu ma ttrattahomx bħala lsiera. Minflok, hu qalilhom dak li kien qed jaħseb u jħoss. (Ġw. 15:15) Meta huma kienu mdejqin, Ġesù ħassu mdejjaq u beka magħhom. (Ġw. 11:32-​36) Anka l-​għedewwa tiegħu setgħu jaraw li dawk li aċċettaw il-​messaġġ tiegħu saru ħbiebu. (Mt. 11:19) Meta nimitaw il-​mod kif Ġesù tratta lid-​dixxipli tiegħu, il-​ħbiberija tagħna m’oħrajn se titjieb, se nħossuna iktar kuntenti u ferħanin, u se jkollna iktar rispett u mħabba lejh.

11. X’inhi t-​tieni ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù, u dan għala hu importanti?

11 (2) Naħsbu u naġixxu bħal Ġesù. Iktar ma nsiru nafu u nimitaw il-​mod kif hu jaħseb, il-​ħbiberija tagħna miegħu se tikber. (1 Kor. 2:16) Kif nistgħu nagħmlu dan? Innota eżempju wieħed. Ġesù dejjem ħaseb kif se jgħin lil oħrajn u mhux kif se jogħġob lilu nnifsu. (Mt. 20:28; Rum. 15:1-​3) Minħabba li kellu din l-​attitudni mentali, Ġesù kien lest li jagħmel sagrifiċċji u jaħfer. Hu ma ħax għalih meta oħrajn tkellmu kontrih. (Ġw. 1:46, 47) U ma ħalliex żball li xi ħadd kien għamel fil-​passat jinfluwenza l-​mod kif jittrattah. (1 Tim. 1:12-​14) Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:35) Ikun tajjeb li tistaqsi lilek innifsek, “Qed nimita l-​eżempju taʼ Ġesù billi nagħmel dak kollu li nistaʼ biex inżomm il-​paċi maʼ ħuti?”

12. X’inhi t-​tielet ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù, u dan kif nistgħu nagħmluh?

12 (3) Nappoġġjaw lil ħut Kristu. Ġesù jqis dak li nagħmlu maʼ ħutu l-​midlukin daqslikieku qed nagħmluh miegħu. (Mt. 25:34-​40) L-​iktar mod importanti kif nappoġġjaw lill-​midlukin hu billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nippritkaw u ngħallmu lil oħrajn kif qalilna Ġesù. (Mt. 28:19, 20; Atti 10:42) Huwa biss bl-​għajnuna tan-​“nagħaġ oħrajn” li ħut Kristu jistgħu jwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha li qed isir illum. (Ġw. 10:16) Jekk int wieħed minn nagħaġ oħrajn, kull darba li tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar, int turi li tħobb lil ħut Kristu u lil Ġesù.

13. Kif nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Ġesù miktub f’​Luqa 16:9?

13 Aħna nsiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova u Ġesù billi nagħtu donazzjonijiet biex nappoġġjaw ix-​xogħol li huma qed imexxu. (Aqra Luqa 16:9.) Pereżempju, aħna nistgħu nagħtu donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja. Dawn id-​donazzjonijiet jintużaw biex jgħinu ħalli l-​aħbar tajba tkun tistaʼ tiġi pritkata f’territorji iżolati, għall-​bini u manutenzjoni tas-​Swali tas-​Saltna u faċilitajiet oħra, u biex jipprovdu għajnuna materjali lil dawk li jkunu għaddew minn xi diżastru. Nistgħu wkoll nagħtu donazzjonijiet taʼ flus għall-​ispejjeż tal-​kongregazzjoni tagħna, u biex ngħinu personalment lil dawk li nafu li għandhom bżonn. (Prov. 19:17) Dawn huma modi kif aħna nistgħu nappoġġjaw lil ħut Kristu.

14. Kif juri Efesin 4:15,16, x’inhi r-​rabaʼ ħaġa li rridu nagħmlu biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù?

14 (4) Nappoġġjaw id-​deċiżjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù, il-​kap tal-​kongregazzjoni, meta nikkooperaw maʼ dawk li ġew maħturin biex jieħdu ħsiebna. (Aqra Efesin 4:15, 16.) Pereżempju, aħna qed nipprovaw nużaw is-​Swali tas-​Saltna bl-​aħjar mod. Biex dan isir, xi kongregazzjonijiet ingħaqdu maʼ kongregazzjonijiet oħra, u xi territorji ġew aġġustati. B’dan il-​mod, l-​organizzazzjoni frankat ħafna flus. Imma minħabba dan, xi pubblikaturi kellhom jaġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda. Jistaʼ jagħti l-​każ li wħud minn dawn l-​aħwa leali kienu ilhom is-​snin jaqdu fl-​istess kongregazzjoni u kienu saru ħbieb kbar mal-​aħwa. Imma issa qed jiġu mitluba biex imorru jaqdu f’kongregazzjoni oħra. Min jaf kemm ikun ferħan Ġesù meta jara lil dawn id-​dixxipli leali jikkooperaw maʼ dawn id-​deċiżjonijiet!

ĦBIEB MAʼ ĠESÙ GĦAL DEJJEM

15. Il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù kif se tissaħħaħ fil-​futur?

15 Dawk li huma midlukin bl-​ispirtu qaddis għandhom it-​tama li jkunu maʼ Ġesù għal dejjem, u jmexxu miegħu fis-​Saltna t’Alla. Huma se jarawh, jitkellmu miegħu, u jqattgħu l-​ħin miegħu. (Ġw. 14:2, 3) Anka dawk bit-​tama li jgħixu fuq l-​art se jirċievu l-​imħabba u l-​attenzjoni taʼ Ġesù. Għalkemm dawn mhux se jaraw lil Ġesù, il-​ħbiberija tagħhom miegħu se tissaħħaħ u se jgawdu l-​ħajja li Ġesù u Missieru għamlu possibbli.—Is. 9:6, 7.

16. Liema barkiet nirċievu mill-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù?

16 Meta naċċettaw l-​istedina biex insiru ħbieb taʼ Ġesù, aħna nirċievu ħafna barkiet. Pereżempju, bħalissa qed nibbenefikaw mill-​imħabba u l-​appoġġ tiegħu. Għandna l-​opportunità li ngħixu għal dejjem. U l-​iktar ħaġa importanti, il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġesù, se tagħtina l-​iktar ħbiberija prezzjuża li qatt jistaʼ jkollna, li hi l-​ħbiberija personali maʼ Ġeħova. Xi privileġġ għandna li nkunu ħbieb maʼ Ġesù!

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala xi kultant jistaʼ jkun diffiċli biex inkunu ħbieb maʼ Ġesù?

  • Għala għandna bżonn insiru ħbieb taʼ Ġesù?

  • X’irridu nagħmlu biex nibnu ħbiberija maʼ Ġesù?

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

a L-​appostli qattgħu xi snin jaħdmu u jitkellmu maʼ Ġesù, u għalhekk huma saru ħbieb kbar. Ġesù jrid li aħna wkoll inkunu l-​ħbieb tiegħu, imma dan mhux faċli għalina bħalma kien għall-​appostli. Dan l-​artiklu se jiddiskuti xi sfidi li jagħmluha diffiċli għalina, u se jipprovdi pariri kif insiru u nibqgħu ħbieb taʼ Ġesù.

b X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: (1) Matul il-​qima bħala familja aħna nistgħu nistudjaw dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. (2) Fil-​kongregazzjoni, aħna nistgħu naħdmu iebes biex inżommu l-​paċi maʼ ħutna. (3) Billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu fil-​ministeru, aħna nappoġġjaw lil ħut Kristu. (4) Meta jingħaqdu l-​kongregazzjonijiet, aħna nistgħu nikkooperaw mad-​deċiżjonijiet tal-​anzjani.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja