LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w24 Awwissu pp. 26-31
  • Kif l-Anzjani Jgħinu lil Min Jitneħħa mill-Kongregazzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif l-Anzjani Jgħinu lil Min Jitneħħa mill-Kongregazzjoni
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “NEĦĦU LILL-PERSUNA ĦAŻINA”
  • KIF L-ANZJANI JGĦINU LIL DAWK LI TNEĦĦEW MILL-KONGREGAZZJONI
  • DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL IL-KONGREGAZZJONI
  • L-ANZJANI JIMITAW IL-ĦNIENA U L-QALB TAJBA TAʼ ĠEĦOVA
  • Kif l-Anzjani Juru Mħabba u Ħniena maʼ Dawk li Jidinbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Il-Kongregazzjoni Kif Timita lil Ġeħova Meta Xi Ħadd Jagħmel Dnub Serju?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jkeċċu lil Min Kien Jagħmel Parti mir-Reliġjon Tagħhom?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Tkellem mal-Anzjani Meta Jkollok Bżonn l-Għajnuna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
w24 Awwissu pp. 26-31

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku

Kif l-Anzjani Jgħinu lil Min Jitneħħa mill-Kongregazzjoni

“Ikun hemm iktar ferħ fis-sema minħabba li midneb wieħed jindem milli minħabba 99 tajbin li m’għandhomx bżonn jindmu.”—LUQA 15:7.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala jkun hemm bżonn li xi individwi jitneħħew mill-kongregazzjoni u kif l-anzjani jistgħu jgħinu lil dawn l-uħud jindmu u jerġgħu jersqu qrib taʼ Ġeħova.

1-2. (a) Ġeħova kif iħossu dwar dawk li jagħmlu dnub apposta? (b) Ġeħova x’jittama li jagħmlu dawk li jidinbu?

ĠEĦOVA mhuwiex Alla li jippermetti kollox; hu jobogħdu d-dnub. (Slm. 5:​4-6) Hu jistenna li aħna ngħixu skont il-livelli ġusti tiegħu li nsibuhom fil-Bibbja. Naturalment, Ġeħova ma jistenniex perfezzjoni min-nies imperfetti. (Slm. 130:​3, 4) Fl-istess ħin, hu ma jittollerax lil min ‘mhuwiex leali, li juża l-qalb tajba kbira tiegħu bħala skuża biex jaġixxi b’mod ħażin bla mistħija.’ (Ġuda 4) Infatti, il-Bibbja titkellem dwar “il-qerda taʼ nies mhux leali” fil-gwerra t’Alla f’Armageddon.—2 Pt. 3:7; Riv. 16:16.

2 Madankollu, Ġeħova ma jridx li xi ħadd jinqered. Bħalma ddiskutejna qabel f’din is-serje t’artikli, il-Bibbja tgħid b’mod ċar li Alla “jixtieq li kulħadd jindem.” (2 Pt. 3:9) L-anzjani jimitaw lil Ġeħova hekk kif bil-paċenzja jipprovaw jgħinu lil min għamel id-dnub biex jindem u biex jerġaʼ jersaq qrib taʼ Ġeħova. Madankollu, mhux kulħadd ikun jixtieq jindem. (Isa. 6:9) Xi wħud xorta jibqgħu jagħmlu l-ħażin avolja l-anzjani kemm-il darba jippruvaw jgħinuhom biex jindmu. X’għandu jsir meta jiġri hekk?

“NEĦĦU LILL-PERSUNA ĦAŻINA”

3. (a) Il-Bibbja x’tgħid li għandu jsir mill-midinbin li ma jindmux? (b) Għala nistgħu ngħidu li sa ċertu punt min jagħmel il-ħażin jagħżel li jitneħħa mill-kongregazzjoni?

3 Meta xi ħadd jagħmel dnub u ma jindimx, l-anzjani m’għandhomx għażla ħlief li jsegwu d-direzzjoni li hemm fl-​1 Korintin 5:13: “Neħħu lill-persuna ħażina mill-kongregazzjoni.” Sa ċertu punt, dak li jagħmel il-ħażin ikun qed jagħżel il-konsegwenzi; ikun qed jaħsad dak li hu żeraʼ. (Gal. 6:7) Għala nistgħu ngħidu hekk? Għax hu ma jkunx irid jinbidel, avolja l-anzjani jkunu ppruvaw jgħinuh ħafna drabi. (2 Slat. 17:​12-15) L-azzjonijiet tiegħu juru li hu ma jkunx irid jgħix fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova.—Dewt. 30:​19, 20.

4. Għala jsir avviż meta xi ħadd li ma jindimx jitneħħa mill-kongregazzjoni?

4 Meta xi ħadd li ma jindimx jitneħħa mill-kongregazzjoni, isir avviż biex jinforma lill-kongregazzjoni li hu m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.a L-iskop tal-avviż mhuwiex biex jumilja lill-persuna, imma biex l-aħwa fil-kongregazzjoni jobdu l-kmand tal-Bibbja u ‘ma jibqgħux jagħmluha’ maʼ persuna bħal din u ‘lanqas biss jieklu’ magħha. (1 Kor. 5:​9-11) Hemm raġunijiet tajbin għala Ġeħova ta dan il-kmand. L-appostlu Pawlu kiteb: ‘Ftit ħmira tinxtered mal-għaġina kollha.’ (1 Kor. 5:6) Jekk xi ħadd li ma jindimx ma jitneħħiex mill-kongregazzjoni, xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandhomx għalfejn jipprovaw jgħixu skont il-livelli ġusti taʼ Ġeħova.—Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33.

5. Kif għandna nqisu lil xi ħadd li tneħħa mill-kongregazzjoni, u għala?

5 Allura, kif għandna nqisu lil xi ħadd mill-aħwa li tneħħa mill-kongregazzjoni? Għalkemm ma nagħmluhiex miegħu, aħna nqisuh bħal nagħġa li ntilfet u mhux bħal xi ħadd li m’hemmx tama għalih. Nagħġa li tkun tbiegħdet mill-merħla tagħha tistaʼ terġaʼ lura. Ftakar li dan l-individwu kien iddedika lilu nnifsu lil Ġeħova. B’dispjaċir, bħalissa mhux qed jagħmel dak li jogħġob lil Ġeħova, u minħabba f’hekk qiegħed fil-periklu. (Eżek. 18:31) Minkejja dan, la għad hemm iż-żmien u Ġeħova hu lest li juri ħniena, aħna nittamaw li l-persuna tbiddel l-attitudni tagħha. Allura l-anzjani kif jistgħu jgħinu lil xi ħadd li għamel dnub u tneħħa mill-kongregazzjoni?

KIF L-ANZJANI JGĦINU LIL DAWK LI TNEĦĦEW MILL-KONGREGAZZJONI

6. L-anzjani x’jagħmlu biex jgħinu lil min tneħħa mill-kongregazzjoni?

6 Meta xi ħadd jitneħħa mill-kongregazzjoni, l-anzjani żgur li jkomplu jipprovaw jgħinuh biex jerġaʼ lura lejn Ġeħova. Meta jinformaw lil min ma jkunx nidem li se jitneħħa mill-kongregazzjoni, il-kumitat tal-anzjani jispjegawlu x’għandu jagħmel biex jerġaʼ lura fil-kongregazzjoni. Imma mhux hekk biss. Fil-biċċa l-kbira, huma jgħidulu li jkunu jixtiequ jiltaqgħu miegħu wara ftit xhur ħalli jaraw jekk ikunx biddel fehemtu. Jekk ikun lest li jiltaqaʼ magħhom, l-anzjani minn qalbhom se jinkuraġġuh biex jindem u jerġaʼ lura. Anke jekk sa dak iż-żmien hu jkun għadu bl-istess attitudni, l-anzjani minn żmien għal żmien se jipprovaw jagħmlu kuntatt miegħu u jinkuraġġuh biex jindem.

7. Meta xi ħadd jitneħħa mill-kongregazzjoni, l-anzjani kif jistgħu jimitaw il-ħniena taʼ Ġeħova? (Ġeremija 3:12)

7 L-anzjani jagħmlu l-almu tagħhom biex jimitaw lil Ġeħova u juru ħniena maʼ dawk li jkunu għamlu dnub serju u li tneħħew mill-kongregazzjoni. Pereżempju, Ġeħova ma qagħadx jistenna lill-poplu ribelluż tiegħu Iżrael biex jieħu l-ewwel pass. Minflok, hu ħa l-inizjattiva u bagħtilhom il-profeti, saħansitra qabel urew xi sinjal li kien iddispjaċiehom. Bħalma rajna fit-tieni artiklu taʼ din is-serje, Ġeħova wera kemm hi kbira l-ħniena tiegħu billi qal lil Ħosea biex jerġaʼ jieħu lura lill-mara tiegħu, avolja kienet għadha qed tidneb. (Ħos. 3:1; Mal. 3:7) Billi jimitaw lil Ġeħova, l-anzjani minn qalbhom jixtiequ li min jagħmel id-dnub jerġaʼ lura u ma jagħmluhilux diffiċli.—Aqra Ġeremija 3:12.

8. L-eżempju taʼ Ġesù tat-tifel mitluf kif jgħinna nifhmu aħjar kif iħossu Ġeħova dwar dawk li telquh? (Luqa 15:7)

8 Ftakar fl-eżempju tat-tifel mitluf li ddiskutejna fit-tieni artiklu taʼ din is-serje. Meta l-missier ra lil ibnu ġej lura, hu “ġera lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza.” (Luqa 15:20) Innota li l-missier ma qagħadx jistenna li ibnu jitolbu biex jaħfirlu. Minflok, hu ħa l-inizjattiva għax kien iħobbu. L-anzjani jagħmlu kulma jistgħu biex juru attitudni simili lejn dawk li tbiegħdu mill-kongregazzjoni. Huma jridu li dawn l-uħud li huma bħal nagħaġ mitlufin jerġgħu lura għand Ġeħova. (Luqa 15:​22-24, 32) Meta midneb jerġaʼ lura, ikun hemm il-ferħ fis-sema u jkun hemm il-ferħ fuq l-art ukoll!—Aqra Luqa 15:7.

9. Ġeħova xi jħeġġiġhom jagħmlu lil dawk li dinbu?

9 Minn dak li rajna s’issa, huwa ċar li Ġeħova ma jridx li min ma ddispjaċiehx għad-dnub li għamel jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Però, hu ma jagħtihomx dahru. Hu jridhom jerġgħu lura għandu. Ġeħova jesprimi kif iħossu dwar l-uħud li jindmu bil-kliem li nsibu f’​Ħosea 14:4: “Se nfejjaq in-nuqqas taʼ lealtà tagħhom. Se nħobbhom minn jeddi, għax m’għadnix irrabjat magħhom.” Peress li jafu kif iħossu Ġeħova, l-anzjani jfittxu kwalunkwe sinjal li juri li l-persuna beda jiddispjaċiha. U dan il-kliem żgur li jaċċerta lil dawk li telqu lil Ġeħova li hu jħobbhom u jridhom jiġu lura malajr.

10-11. L-anzjani kif se jipprovaw jgħinu lil dawk li tneħħew mill-kongregazzjoni fil-passat?

10 Xi ngħidu għal dawk l-uħud li tneħħew mill-kongregazzjoni fil-passat, forsi ħafna snin ilu. Jistaʼ jkun li dawn l-uħud m’għadhomx jagħmlu d-dnub li tneħħew minħabba fih. F’ċerti każi, huma jaf lanqas biss jiftakru għala tneħħew. Ilu kemm ilu, l-anzjani se jipprovaw isibu lil dawn l-uħud u jżuruhom. Matul dawn iż-żjajjar, l-anzjani se joffru li jitolbu magħhom u jinkuraġġuhom biex jerġgħu lura fil-kongregazzjoni. Ovvjament, jekk l-individwu jkun ilu ħafna snin li tbiegħed mill-kongregazzjoni, hu se jkollu bżonn jerġaʼ jsir jaf lil Ġeħova u l-veritajiet tal-Bibbja. Għalhekk, jekk hu juri li jixtieq jerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni, l-anzjani jistgħu jagħmlu arranġament biex xi ħadd jistudja l-Bibbja miegħu anki qabel ma jiġi aċċettat lura. Fil-każijiet kollha, ikunu l-anzjani li jirranġaw biex isir l-istudju.

11 L-anzjani jippruvaw jimitaw il-ħniena li Ġeħova għandu għan-nies. Għalhekk, huma jippruvaw jilħqu u jgħinu lil uħud li għamlu dnub biex jerġgħu lura għand Ġeħova u juruhom li l-bieb għadu miftuħ. Meta xi ħadd li jagħmel dnub juri li nidem u ma jibqax jagħmel il-ħażen, hu jistaʼ jiġi aċċettat lura bla dewmien.—2 Kor. 2:​6-8.

12. (a) L-anzjani f’liema sitwazzjonijiet għandhom joqogħdu speċjalment attenti? (b) Għala m’għandniex inħossu li Ġeħova qatt mhu se juri ħniena ma’ min għamel ċertu dnubiet? (Ara wkoll in-nota ta’ taħt.)

12 F’ċerti ċirkustanzi, l-anzjani għandhom joqogħdu speċjalment attenti qabel ma jaċċettaw lura lil xi ħadd. Pereżempju, huma jridu jagħmlu ċert li l-individwu verament nidem jekk qabel ikun instab ħati li abbuża mit-tfal, ħati t’apostasija, jew li ppjana li jtemm iż-żwieġ tiegħu. (Mal. 2:14; 2 Tim. 3:6) L-anzjani jridu jipproteġu lill-merħla. Fl-istess ħin, aħna nirrealizzaw li Ġeħova se jaċċetta lura lil kull min verament iddispjaċieh għad-dnub li għamel u ma jibqax jagħmel il-ħażin. Allura, għalkemm l-anzjani se joqogħdu attenti ħafna meta jittrattaw maʼ xi ħadd li jkun qarraq b’oħrajn, huma m’għandhomx jaħsbu li Ġeħova qatt mhu se jħenn għal persuna bħal din.b—1 Pt. 2:10.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL IL-KONGREGAZZJONI

13. Għala nittrattaw b’mod differenti lil xi ħadd li ġie kkoreġut mill-anzjani u lil xi ħadd li tneħħa mill-kongregazzjoni?

13 Bħalma rajna mill-artiklu taʼ qabel, xi kultant isir avviż li xi ħadd ġie kkoreġut. F’dan il-każ, aħna nistgħu nibqgħu nagħmluha miegħu għax hu jkun iddispjaċieh u m’għadux jagħmel il-ħażin. (1 Tim. 5:20) Hu għadu parti mill-kongregazzjoni u għandu bżonn l-inkuraġġiment mill-aħwa biex jibqaʼ jagħmel dak li hu tajjeb. (Lhud 10:​24, 25) Madankollu, is-sitwazzjoni hi differenti minn meta xi ħadd jitneħħa mill-kongregazzjoni. Aħna ma ‘nibqgħux nagħmluha miegħu’ u ‘lanqas biss nieklu miegħu.’—1 Kor. 5:11.

14. L-aħwa kif jistgħu jużaw il-kuxjenza ttrennjata fuq il-Bibbja meta jittrattaw maʼ min tneħħa mill-kongregazzjoni? (Ara l-istampa.)

14 Dan li għadna kif ikkunsidrajna, ifisser li għandna ninjoraw għalkollox persuna li tneħħiet mill-kongregazzjoni? Mhux bilfors. Ovvjament m’aħniex se nagħmluha magħha. Imma l-Kristjani għandhom jużaw il-kuxjenza tagħhom ittrennjata fuq il-Bibbja jekk jistidnux għal laqgħa lil xi ħadd li tneħħa mill-kongregazzjoni. Dan jistaʼ jkun xi ħadd li jiġi minnhom jew xi ħadd li qabel kien ħabib sew tagħhom. U jekk dan imbagħad jattendi, kif għandna nittrattawh? Fil-passat ma konniex insellmu lil individwu bħal dan. Għal darb’oħra, kull Kristjan għandu juża l-kuxjenza tiegħu ttrennjata fuq il-Bibbja f’din il-kwistjoni. Xi wħud iħossuhom komdi li jsellmu jew jilqgħu lill-individwu li jattendi l-laqgħa. Però, aħna mhux se jkollna konversazzjonijiet twal miegħu jew inqattgħu ħin miegħu nagħmlu affarijiet oħra.

Grupp taʼ stampi: 1. Oħt iċċempel mara li tneħħiet mill-kongregazzjoni u tistidinha għal laqgħa. 2. L-oħt u r-raġel tagħha jilqgħu mill-qalb il-mara meta tattendi.

Kristjan għandu jiddeċiedi b’mod personali jekk jistidinx għal laqgħa lil persuna li tneħħiet mill-kongregazzjoni jew jekk jilqagħhiex meta tiġi għal-laqgħa (Ara paragrafu 14)


15. It-​2 Ġwanni 9-11 dwar liema dnubiet qed jitkellem? (Ara wkoll il-kaxxa “Ġwanni u Pawlu Kienu Qed Jitkellmu Dwar l-Istess Tip taʼ Dnub?”)

15 Xi wħud forsi jistaqsu, ‘Il-Bibbja ma tgħidx li jekk Kristjan isellem individwu bħal dan ikun qed jappoġġa l-affarijiet ħżiena li qed jagħmel?’ (Aqra t-​2 Ġwanni 9-11.) Il-kuntest taʼ din l-iskrittura juri li kien qed jirreferi għall-apostati u għall-uħud li jħajru lil oħrajn biex jagħmlu dak li hu ħażin. (Riv. 2:20) Għalhekk, jekk persuna tkun qed ixxerred tagħlim apostat jew tħajjar lil ħaddieħor biex jagħmel dak li hu ħażin, l-anzjani mhux se jagħmlu arranġamenti biex iżuruha. Naturalment hemm tama li xi darba tiġi f’sensiha. Imma sakemm jiġri dan, aħna la ħa nsellmu lil persuna bħal din u lanqas ħa nistidnuha biex tattendi laqgħa tal-kongregazzjoni.

Ġwanni u Pawlu Kienu Qed Jitkellmu Dwar l-Istess Tip taʼ Dnub?

Fit-tieni ittra ispirata tiegħu, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jiġi għandkom u ma jgħallimx skont dak li għallem Kristu, taċċettawhx f’darkom u ssellmulux. Għax min isellimlu jkun qed jappoġġa l-affarijiet ħżiena li qed jagħmel.”—2 Ġw. 10, 11.

L-appostlu Pawlu, fl-​1 Korintin 5:11 qalilna biex ma ‘nibqgħux nagħmluha’ maʼ nies li tneħħew mill-kongregazzjoni. Kien Ġwanni qed iżid maʼ din id-direzzjoni meta qal li lanqas biss għandna ‘nsellmulhom’? Ġwanni u Pawlu kienu qed jitkellmu dwar l-istess tip taʼ dnub? Le.

L-appostli kienu qed jirreferu għal żewġ tipi taʼ dnubiet. Pawlu kien qed jikteb dwar raġel li kien qed jagħmel l-immoralità sesswali. Madwar 43 sena wara, Ġwanni kiteb dwar l-apostati u dwar dawk li kienu qed jgħallmu tagħlim falz u jħeġġu lil oħrajn biex jagħmlu dak li hu ħażin. Pereżempju, xi wħud kienu qed jgħallmu li Ġesù ma kienx il-Kristu.—1 Ġw. 2:22; 4:​2, 3.

Meta Ġwanni kiteb l-ittri tiegħu, l-apostasija kienet diġà nxterdet. Għalkemm kien jaf li ma setax iwaqqafha, hu għamel kulma setaʼ bħala appostlu biex ‘iżommha lura’ kemm jistaʼ jkun.—2 Tes. 2:7.

B’hekk, Ġwanni kien qed iwissi lill-aħwa biex joqogħdu attenti li ma jiġux imqarrqin minn dawn l-għalliema foloz. Hu qal lill-Kristjani li qatt m’għandhom jaċċettaw lil dawk l-uħud fi djarhom jew isellmulhom. Jekk kienu jsellmu lil xi ħadd minn dawn, kienu jkunu qed jagħtuh l-opportunità biex jitkellem dwar l-ideat foloz tiegħu. Illum tistaʼ tiġri xi ħaġa simili jekk persuna tikkummenta dwar xi ħaġa li jkun qal apostat fuq il-website jew is-social media tiegħu. Kull min isellem lil apostat “ikun qed jappoġġa l-affarijiet ħżiena li qed jagħmel.”

Imma Pawlu kien qed jikteb dwar xi ħaġa differenti. Bħalma juri l-​1 Korintin kapitlu 5, hu kien qed jikteb dwar raġel li kellu jitneħħa mill-kongregazzjoni għax kien qed jagħmel l-immoralità sesswali. Imma dan ir-raġel milli jidher ma kienx apostat u lanqas ma kien qed jgħid lil oħrajn biex jiksru l-livelli t’Alla. (Ara l-prinċipju f’​Rivelazzjoni 2:20.) Għalhekk, filwaqt li Pawlu ta direzzjoni lill-kongregazzjoni biex ma jibqgħux jagħmluha miegħu u lanqas jieklu miegħu, hu ma qalilhomx li ma setgħux isellmulu.

L-ANZJANI JIMITAW IL-ĦNIENA U L-QALB TAJBA TAʼ ĠEĦOVA

16-17. (a) Ġeħova xi jrid li jagħmel min jidneb? (Eżekjel 18:32) (b) L-anzjani kif jistgħu jaħdmu maʼ Ġeħova meta jgħinu lil min għamel dnub serju?

16 X’tgħallimna minn din ir-rivista? Ġeħova ma jrid li jinqered ħadd! (Aqra Eżekjel 18:32.) Hu jrid li dawk li għamlu dnub jerġgħu jagħmlu ħbieb miegħu. (2 Kor. 5:20) Hu għalhekk li matul l-istorja, Ġeħova għal darba wara l-oħra ħeġġeġ lill-poplu ribelluż tiegħu—kif ukoll lill-individwi ribellużi—biex jindmu u jerġgħu lura għandu. L-anzjani għandhom il-privileġġ li jaħdmu maʼ Ġeħova hekk kif jagħmlu kulma jistgħu ħalli jgħinu lil dawk li għamlu dnubiet serji biex jindmu.—Rum. 2:4; 1 Kor. 3:9.

17 Immaġina kemm ikun hemm ferħ fis-sema meta dawk li għamlu dnub jindmu! Missierna tas-sema, Ġeħova, iħossu ferħan ħafna kull darba li xi ħadd min-nagħaġ mitlufin tiegħu jmur lura lejn il-kongregazzjoni. L-imħabba tagħna għal Ġeħova se tkompli tissaħħaħ hekk kif nimmeditaw fuq il-ħniena, il-maħfra, u l-qalb tajba kbira tiegħu.—Luqa 1:78.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala jkun hemm bżonn li xi wħud jitneħħew mill-kongregazzjoni?

  • L-anzjani kif jistgħu jimitaw il-ħniena taʼ Ġeħova?

  • L-aħwa kif jistgħu jużaw il-kuxjenza ttrennjata fuq il-Bibbja meta jittrattaw maʼ min tneħħa mill-kongregazzjoni?

GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ

a Mhux se nibqgħu nirreferu għal dawn l-uħud bħala li ġew maqtugħin mis-sħubija. Fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu li nsibu fl-​1 Korintin 5:​13, issa se nibdew nirreferu għalihom bħala li tneħħew mill-kongregazzjoni.

b Skont il-Bibbja, dnub li ma jinħafirx mhuwiex xi dnub partikolari imma dnub li jsir minn uħud li jiddeċiedu li dejjem jopponu lil Alla. Jekk persuna tkunx għamlet dnub bħal dan jew le mhuwiex għalina li niġġudikaw, imma Ġeħova u Ġesù biss jistgħu.—Mrk. 3:29; Lhud 10:​26, 27.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja