Manuel Reino Berengui/DeFodi Images via Getty Images
IBQAʼ ATTENT!
Tistaʼ l-World Cup Vera Tgħaqqad lin-Nies Flimkien?—X’Tgħid il-Bibbja?
Huwa stmat li xi ħames biljun persuna se jaraw il-FIFA World Cup bejn l-20 taʼ Novembru u t-18 taʼ Diċembru 2022. Ħafna jħossu li dawn l-avvenimenti sportivi jistgħu jagħmlu iktar milli jgħaqqdu lin-nies flimkien.
“L-isport għandu l-qawwa li jibdel id-dinja. Għandu l-qawwa li jimmotiva lin-nies. Għandu l-qawwa li jgħaqqad lin-nies b’mod uniku.”—Nelson Mandela, ex-president tal-Afrika t’Isfel.
“Il-futbol . . . jgħaqqad lin-nies billi jagħtihom tama, ferħ, entużjażmu, imħabba, u varjetà.”—Gianni Infantino, president tal-FIFA.a
Tistaʼ l-World Cup jew xi avveniment sportiv ieħor jilħaq miri daqshekk sbieħ? Hemm tama li qatt se ngawdu l-paċi u l-unità?
Il-World Cup vera tgħaqqad lin-nies?
Din is-sena, il-World Cup ma kinitx biss dwar il-futbol. Il-logħob qajjem diskussjonijiet dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi li jinvolvu d-drittijiet umani, ir-razziżmu, u l-iżbilanċ ekonomiku.
Xorta waħda, ħafna nies jieħdu pjaċir jaraw avvenimenti sportivi internazzjonali bħall-World Cup. Għalkemm in-nies jixtiequ li dawn l-avvenimenti jġibu unità li tibqaʼ, dan mhux possibbli. Minflok, spiss jispikkaw l-attitudnijiet u l-azzjonijiet taʼ firda li l-Bibbja tgħid li n-nies kellhom juru “fl-aħħar jiem.”—2 Timotju 3:1-5.
Tama vera li d-dinja kollha se tkun magħquda
Il-Bibbja tagħti tama vera li n-nies kollha fid-dinja se jkunu magħqudin. Din twiegħed li kulħadd se jkun magħqud flimkien taħt gvern li jmexxi mis-sema msejjaħ is-“Saltna t’Alla.”—Luqa 4:43; Mattew 6:10.
Ir-Re taʼ din is-Saltna, Ġesù Kristu, se jġib il-paċi madwar id-dinja. Il-Bibbja tgħid:
“Il-ġusti se jirnexxu, u l-paċi se tibqaʼ tiżdied.”—Salm 72:7.
“Se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna . . . Se jeħlishom mill-moħqrija u mill-vjolenza.”—Salm 72:12, 14.
Anki llum, it-tagħlim taʼ Ġesù diġà għaqqad miljuni taʼ nies f’239 pajjiż. Huma tgħallmu kif ma jibqgħux jobogħdu lil min hu differenti minnhom. Biex tkun taf iktar, aqra s-serje t’artikli bit-titlu “Int Tistaʼ Tegħleb il-Mibegħda.”
a Fédération Internationale de Football Association, il-ġemgħa internazzjonali li tmexxi l-assoċjazzjoni tal-futbol.