mustafahacalaki/DigitalVision Vectors via Getty Images
IBQAʼ ATTENT!
L-Intelliġenza Artifiċjali Se Tgħinna Jew Se Tagħmlilna l-Ħsara?—X’Tgħid il-Bibbja?
Dan l-aħħar, gvernijiet u xjentisti tkellmu fuq il-qawwa li għandha l-intelliġenza artifiċjali (AI). Għalkemm ammettew li għandha t-tajjeb tagħha, huma inkwetati li tistaʼ tintuża b’mod ħażin.
“L-intelliġenza artifiċjali hi waħda mill-iktar teknoloġiji b’saħħithom li jeżistu llum u tistaʼ tagħmel il-ħajja tan-nies aħjar . . . Imma fl-istess ħin tistaʼ tnaqqas is-sigurtà, tiħdilna ċertu drittijiet u l-privatezza, u tagħmilha diffiċli għalina biex nafdaw il-mod kif imexxi l-gvern.”—Kamala Harris, viċi president tal-Istati Uniti, 4 taʼ Mejju 2023.
Fl-artiklu li ħareġ fid-9 taʼ Mejju 2023, fil-BMJ Global Health,a grupp taʼ tobba u esperti tas-saħħa internazzjonali mmexxijin minn Dr. Frederik Federspiel kitbu, “Għalkemm l-intelliġenza artifiċjali tistaʼ ttejjeb is-servizzi tas-saħħa, tistaʼ tagħmel ukoll il-ħsara lis-saħħa fiżika u emozzjonali tagħna.”
“In-nies diġà jistgħu jużaw l-intelliġenza artifiċjali biex ixerrdu informazzjoni li mhix vera. Daqt, ħafna nies jistgħu jispiċċaw bla xogħol minħabba fiha. Xi nies li jaħdmu fit-teknoloġija huma inkwetati ħafna li fil-futur, l-intelliġenza artifiċjali tistaʼ tkun taʼ periklu għan-nies.”—The New York Times, 1 taʼ Mejju 2023.
Maż-żmien se naraw jekk in-nies hux se jużaw l-intelliġenza artifiċjali għall-ġid jew biex jagħmlu l-ħsara lil oħrajn. X’tgħid il-Bibbja?
Għala l-isforz li jagħmel il-bniedem mhux dejjem ikun għall-ġid t’oħrajn?
Il-Bibbja turi għala l-avvanz fit-teknoloġija li jagħmel il-bniedem mhux dejjem ikun użat b’mod tajjeb.
1. Anki meta n-nies ikollhom intenzjonijiet tajbin, dak li jagħmlu jaf ikollu effetti negattivi.
“Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-mewt.”—Proverbji 14:12.
2. Persuna m’għandhiex kontroll fuq kif in-nies se jużaw ix-xogħol tagħha.
“Se nħalli [ix-xogħol tiegħi] għall-bniedem li jiġi warajja. U min jaf jekk dan hux se jkun għaref jew iblah? Imma minkejja dan, hu se jieħu taħt idejh ix-xogħol iebes kollu li jien tħabatt u wrejt l-għerf fih taħt ix-xemx.”—Ekkleżjasti 2:18, 19.
Inċertezzi bħal dawn juruna li għandna bżonn gwida mingħand Alla.
Lil min nistgħu nafdaw?
Il-Ħallieq tagħna jwegħedna li mhux se jħalli lin-nies jew it-teknoloġija li jagħmel il-bniedem teqred id-dinja.
“L-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Ekkleżjasti 1:4.
“In-nies sewwa se jirtu l-art, u jgħixu fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Permezz tal-Bibbja, Alla jagħtina gwida li tgħinna jkollna futur taʼ paċi. Biex tkun taf iktar dwar dak li tgħid il-Bibbja, aqra l-artikli “Is There a Reliable Guide to a Secure Future?” u “Tama Vera għal Futur Aħjar.”
a Mill-artiklu “Threats by Artificial Intelligence to Human Health and Human Existence,” miktub minn Frederik Federspiel, Ruth Mitchell, Asha Asokan, Carlos Umana, u David McCoy.