Alla se jaħfirli lili?
It-tweġiba tal-Bibbja
Iva, Alla se jaħfer id-dnubiet tiegħek jekk int tieħu l-passi meħtieġa. Il-Bibbja tgħid li Alla ‘lest li jaħfer’ u li hu “jaħfer bil-kbir.” (Neħemija 9:17; Salm 86:5; Isaija 55:7) Meta jaħfrilna, hu jagħmel dan għalkollox. Dnubietna ‘jitħassrulna.’ (Atti 3:19) Alla jaħfer ukoll b’mod permanenti, għax hu qal: “Dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġeremija 31:34) Meta Alla jaħfrilna dnub, hu qatt mhu se jerġaʼ jakkużana b’dak id-dnub jew jikkastigana minħabba fih.
Madankollu, il-maħfra t’Alla mhijiex ibbażata fuq xi dgħufija jew sentiment. Hu qatt ma jbiddel il-livelli ġusti tiegħu. Huwa għalhekk li hu jirrifjuta li jaħfer xi dnubiet.—Ġożwè 24:19, 20.
Passi biex tikseb il-maħfra t’Alla
Irrikonoxxi li meta dnibt ksirt il-livelli t’Alla. Waqt li oħrajn għandhom mnejn weġġgħu b’dak li għamilt, l-ewwel għandek tifhem li d-dnub tiegħek hu offiża kontra Alla.—Salm 51:1, 4; Atti 24:16.
Stqarr id-dnub tiegħek lil Alla fit-talb.—Salm 32:5; 1 Ġwanni 1:9.
Għandu jiddispjaċik ħafna għal dak li għamilt. Dan “is-swied taʼ qalb” iwassal għall-indiema, jew għall-bidla fl-attitudni. (2 Korintin 7:10) Dan jinkludi li jiddispjaċik li ħadt passi ħżiena li wasslu għad-dnub.—Mattew 5:27, 28.
Biddel il-mod kif taġixxi, jew ‘dur lura.’ (Atti 3:19) Dan jistaʼ jfisser li tevita li terġaʼ tagħmel azzjoni jew prattika ħażina, jew jistaʼ jfisser li għandu mnejn ikollok tbiddel għalkollox il-mod kif taħseb jew taġixxi.—Efesin 4:23, 24.
Ħu passi biex tirranġa l-iżball li tkun għamilt jew il-ħsara li tkun saret. (Mattew 5:23, 24; 2 Korintin 7:11) Skuża ruħek maʼ dawk li batew minħabba dak li għamilt jew m’għamiltx, u rodd lura kemm jistaʼ jkun.—Luqa 19:7-10.
Itlob lil Alla biex jaħfirlek fuq il-bażi tal-fidwa taʼ Ġesù. (Efesin 1:7) Biex it-talb tiegħek jitwieġeb, int trid taħfer lil dawk li dinbu kontrik.—Mattew 6:14, 15.
Jekk id-dnub tiegħek hu wieħed serju, tkellem maʼ xi ħadd li hu kwalifikat biex jagħtik l-għajnuna spiritwali li għandek bżonn u li jistaʼ jitlob għan-nom tiegħek.—Ġakbu 5:14-16.
Ideat żbaljati dwar kif tikseb il-maħfra t’Alla
“Dnibt wisq biex niġi maħfur.”
Alla ħafer lil David id-dnub tal-adulterju u l-qtil
Aħna se niġu maħfurin jekk nagħmlu l-passi li Alla qalilna fil-Bibbja, għax l-abbiltà tiegħu li jaħfer hi akbar minn dnubietna. Hu jistaʼ jaħfer dnubiet serji kif ukoll dnubiet li saru kemm-il darba.—Isaija 1:18.
Pereżempju, is-Sultan David tal-Iżrael inħafirlu d-dnub tal-adulterju u l-qtil. (2 Samwel 12:7-13) L-appostlu Pawlu, li ħass li kien l-agħar midneb tad-dinja, ukoll ġie maħfur. (1 Timotju 1:15, 16) Anki l-Lhud tal-ewwel seklu li Alla żammhom responsabbli li qatlu lil Ġesù, il-Messija, ġew maħfura jekk biddlu l-mod kif kienu jaġixxu.—Atti 3:15, 19.
“Jekk ngħid dak li għamilt lil xi qassis, dnubieti jiġu maħfura.”
L-ebda bniedem illum m’għandu l-awtorità li jaħfer lil bniedem ieħor dnubiet li jkunu saru kontra Alla. Għalkemm li dak li jkun jistqarr dnubu maʼ xi ħadd ieħor jistaʼ jgħinu biex jirkupra, Alla biss jistaʼ jaħfer id-dnubiet.—Efesin 4:32; 1 Ġwanni 1:7, 9.
Jekk inhu hekk, allura Ġesù x’ried ifisser meta qal lill-appostli: “Jekk taħfru d-dnubiet taʼ xi ħadd, jinħafrulu; jekk iżżommu d-dnubiet taʼ xi ħadd, jibqgħu miżmumin”? (Ġwanni 20:23) Hu kien qed jiddeskrivi awtorità unika li kien se jagħti lill-appostli tiegħu meta jirċievu l-ispirtu qaddis.—Ġwanni 20:22.
Bħalma wiegħed, l-appostli rċivew din l-għotja meta tferraʼ l-ispirtu qaddis fis-sena 33 WK. (Atti 2:1-4) L-appostlu Pietru uża din l-awtorità meta ġġudika d-dixxipli Ananija u Safira. Pietru b’mod mirakoluż kien jaf bil-pjan qarrieq tagħhom, u l-ġudizzju tiegħu jindika li dnubhom mhux se jinħafer.—Atti 5:1-11.
Dik l-għotja mirakoluża tal-ispirtu qaddis, bħall-għotjiet l-oħrajn—bħal pereżempju l-għotja li jfejqu u jitkellmu bl-ilsna—waqfet wara l-mewt tal-appostli. (1 Korintin 13:8-10) B’hekk, illum l-ebda bniedem ma jistaʼ jeħles lil ħaddieħor mid-dnub.