X’Inhi l-Magħmudija?
It-tweġiba tal-Bibbja
Biex persuna titgħammed trid tinżel kompletament taħt l-ilma.a Il-Bibbja ssemmi ħafna nies li tgħammdu. (Atti 2:41) Magħmudija minnhom hi taʼ Ġesù li saret fix-Xmara Ġordan. (Mattew 3:13, 16) Snin wara, raġel Etjopjan tgħammed ġo “post fejn kien hemm l-ilma” fejn kien qed jivvjaġġa.—Atti 8:36-40.
Ġesù għallem li l-magħmudija hi xi ħaġa li jridu jagħmlu d-dixxipli tiegħu. (Mattew 28:19, 20) L-appostlu Pietru wkoll qal l-istess ħaġa.—1 Pietru 3:21.
F’dan l-artiklu
Xi tfisser il-magħmudija?
Meta persuna titgħammed, tkun qed turi lill-oħrajn li vera ddispjaċieha għad-dnubiet tagħha. Ukoll, tkun qed turi li wiegħdet lil Alla li se tagħmel dak li jixtieq hu. Dan ifisser li dejjem tobdi lil Alla u lil Ġesù. Dawk li jitgħammdu jridu jkomplu jgħixu skont kif irid Alla biex jgħixu għal dejjem.
Il-magħmudija permezz tal-ilma hi simbolu tal-bidla li tagħmel persuna f’ħajjitha. B’liema mod? Il-Bibbja tqabbel il-magħmudija maʼ difna. (Rumani 6:4; Kolossin 2:12) Billi tinżel taħt l-ilma, persuna tkun qed turi li b’mod figurattiv mietet il-ħajja li kellha qabel. Meta titlaʼ mill-ilma tkun qed tibda ħajja ġdida bħala Kristjana dedikata.
Il-Bibbja x’tgħid dwar il-magħmudija tat-trabi?
Il-Bibbja ma ssemmix il-magħmudija tat-trabi u lanqas tgħallem li t-trabi għandhom jiġu mgħammdin.
Il-magħmudija tat-trabi ma taqbilx maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Fil-fatt, il-Bibbja tgħallem li hemm xi affarijiet li persuna trid tagħmel qabel titgħammed. Pereżempju, trid tifhem it-tagħlim bażiku tal-Kelma t’Alla u tobdi dak li titgħallem. Irid jiddispjaċiha għad-dnubiet li tkun għamlet qabel u tieqaf tagħmilhom. Trid ukoll tiddedika ħajjitha lil Alla b’talba. (Atti 2:38, 41; 8:12) It-trabi mhumiex kapaċi jagħmlu dawn l-affarijiet.
Xi tfisser il-magħmudija fl-isem tal-Missier, tal-Iben, u tal-ispirtu qaddis?
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru u għallmu n-nies . . . biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis. U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom.” (Mattew 28:19, 20) “Fl-isem” ifisser li dak li se jitgħammed jifhem u jaċċetta l-awtorità u l-pożizzjoni tal-Missier u tal-Iben, u l-irwol tal-ispirtu qaddis t’Alla. Bħala eżempju: L-appostlu Pietru qal lil raġel li twieled zopp: “Ngħidlek f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, imxi!” (Atti 3:6) Hu ċar li Pietru fehem u aċċetta l-awtorità taʼ Kristu u qal li kien permezz tas-saħħa taʼ Kristu li fejqu b’miraklu.
“Il-Missier” hu Alla Ġeħova.b Bħala l-Ħallieq, il-Wieħed li Jagħti l-Ħajja, u l-Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova għandu l-awtorità fuq kollox.—Ġenesi 17:1; Rivelazzjoni 4:11.
“L-Iben” hu Ġesù Kristu, li ta ħajtu għalina. (Rumani 6:23) Biex insalvaw irridu nifhmu u naċċettaw l-irwol importanti li għandu Ġesù fl-iskop t’Alla għan-nies.—Ġwanni 14:6; 20:31; Atti 4:8-12.
“L-ispirtu qaddis” hu l-forza attiva t’Alla, jiġifieri meta juża l-qawwa tiegħu.c Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex joħloq l-affarijiet kollha, biex jagħti l-ħajja, biex jagħti messaġġi lill-profeti tiegħu u oħrajn, u biex jagħtihom il-qawwa ħalli jagħmlu r-rieda tiegħu. (Ġenesi 1:2; Ġob 33:4; Rumani 15:18, 19) Alla uża wkoll l-ispirtu qaddis biex jispira lill-kittieba tal-Bibbja biex jiktbu l-ħsibijiet tiegħu.—2 Pietru 1:21.
Hu dnub li terġaʼ titgħammed?
Ħafna nies jiddeċiedu li jbiddlu r-reliġjon tagħhom. Imma x’jiġri jekk huma diġà mgħammdin fil-knisja tagħhom? Jagħmlu dnub jekk jerġgħu jitgħammdu? Xi wħud jgħidu iva minħabba dak li jgħid Efesin 4:5: “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.” Imma dan il-vers mhux qed jgħid li persuna ma tistax terġaʼ titgħammed. Għala?
Il-Kuntest. Il-kuntest t’Efesin 4:5 juri li l-appostlu Pawlu kien qed juri kemm hu importanti li l-Kristjani veri jkunu magħqudin f’dak li jemmnu. (Efesin 4:1-3, 16) Għaqda bħal din hi possibbli biss jekk iqimu l-istess Alla, jemmnu l-istess affarijiet mill-Bibbja, u jobdu dak li l-Bibbja tgħid li hemm bżonn għall-magħmudija.
L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil xi wħud li kienu mgħammdin biex jerġgħu jitgħammdu. Dan għax meta tgħammdu ma kinux fehmu t-tagħlim Kristjan kollu.—Atti 19:1-5.
Magħmudija li jaċċetta Alla. Biex Alla jaċċetta l-magħmudija taʼ xi ħadd, irid ikollu għarfien eżatt tal-verità tal-Bibbja. (1 Timotju 2:3, 4) Alla ma jaċċettax magħmudija taʼ persuna li t-tagħlim tagħha ma jkunx jaqbel mal-Bibbja. (Ġwanni 4:23, 24) Forsi l-persuna ħasbet li kienet qed tagħmel xi ħaġa tajba, imma ma tgħammditx għax ‘fehmet verament xi jrid Alla.’ (Rumani 10:2) Biex hi togħġob lil Alla, trid titgħallem il-verità mill-Bibbja, tgħix skont dak li tgħallmet, tiddedika ħajjitha lil Alla, u terġaʼ titgħammed. F’dan il-każ, jekk terġaʼ titgħammed ma tkunx qed tagħmel dnub. Anzi, tkun qed tagħmel sew.
Magħmudijiet oħra li ssemmi l-Bibbja
Il-Bibbja ssemmi magħmudijiet oħra. Dawn kienu jfissru xi ħaġa oħra mill-magħmudija tad-dixxipli taʼ Ġesù. Ara xi eżempji.
Meta kien jgħammed Ġwanni l-Battista.d Ġwanni għammed lill-Lhud u lil dawk li kkonvertew għall-Ġudaiżmu biex huma juru li ddispjaċiehom għad-dnubiet li kienu għamlu kontra l-Liġi taʼ Mosè. Il-Liġi taʼ Mosè hi l-Liġi li Alla ta lill-Iżraelin permezz taʼ Mosè. Meta Ġwanni għammed lin-nies hu kien qed jippreparahom biex jagħrfu li Ġesù taʼ Nazaret kien il-Messija, u biex jaċċettawh.—Luqa 1:13-17; 3:2, 3; Atti 19:4.
Il-magħmudija taʼ Ġesù. Il-magħmudija taʼ Ġesù minn Ġwanni l-Battista kienet differenti minn kwalunkwe magħmudija oħra. Ġesù kien raġel perfett u ma kien għamel l-ebda dnub. (1 Pietru 2:21, 22) Għalhekk, hu ma tgħammidx għax ddispjaċieh għad-dnubiet jew għax kien qed jitlob lil Alla għal kuxjenza nadifa. (1 Pietru 3:21) Minflok, il-magħmudija tiegħu wriet li kien qed jagħti lilu nnifsu lil Alla. B’hekk, bħala l-Messija, jew Kristu, imwiegħed kien se jagħmel li jrid Alla. Dan kien jinkludi li jmut għalina.—Ebrej 10:7-10.
Il-magħmudija bl-ispirtu qaddis. Kemm Ġwanni l-Battista u anki Ġesù Kristu tkellmu dwar il-magħmudija bl-ispirtu qaddis. (Mattew 3:11; Luqa 3:16; Atti 1:1-5) Din il-magħmudija hi differenti mill-magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis. (Mattew 28:19) Kif?
Ftit biss mid-dixxipli taʼ Ġesù se jitgħammdu bl-ispirtu qaddis. Dawn id-dixxipli huma midlukin bl-ispirtu qaddis għax intgħażlu biex jaqdu maʼ Kristu fis-sema biex imexxu bħala slaten u qassisin għal fuq l-art.e (1 Pietru 1:3, 4; Rivelazzjoni 5:9, 10) Huma se jmexxu fuq il-miljuni taʼ dixxipli taʼ Ġesù li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art.—Mattew 5:5; Luqa 23:43.
Il-magħmudija fi Kristu Ġesù u fil-mewt tiegħu. Dawk li jitgħammdu bl-ispirtu qaddis ‘jitgħammdu u jingħaqdu maʼ Kristu Ġesù.’ (Rumani 6:3) Għalhekk, id-dixxipli taʼ Ġesù li tgħammdu b’dan il-mod huma d-dixxipli midlukin li se jmexxu miegħu fis-sema. Billi jitgħammdu f’Ġesù jsiru parti mill-kongregazzjoni, jew grupp, tiegħu taʼ midlukin. Hu r-Ras, u huma l-ġisem.—1 Korintin 12:12, 13, 27; Kolossin 1:18.
Il-Kristjani midlukin jitgħammdu wkoll ‘fil-mewt taʼ Ġesù.’ (Rumani 6:3, 4) Bħal Ġesù l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom hi li jobdu lil Alla minflok ma jagħmlu dak li jridu huma. U bħal Ġesù, jafu li mhux se jgħixu għal dejjem fuq l-art. Il-magħmudija tagħhom fil-mewt taʼ Ġesù tispiċċa meta jmutu u jirxoxtaw fis-sema bħala ħlejjaq spirti.—Rumani 6:5; 1 Korintin 15:42-44.
Il-magħmudija bin-nar. Ġwanni l-Battista qal: “Hu [Ġesù] se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar. F’idu għandu għodda li tneħħi l-qoxra minn mal-qamħ, u hu jnaddaf il-post fejn jagħmel dan. Il-qamħ jiġbru fil-maħżen, imma l-qoxra jaħraqha b’nar li ma jintefiex.” (Mattew 3:11, 12) Innota li l-magħmudija bin-nar hi differenti mill-magħmudija bl-ispirtu qaddis. Ġwanni x’ried ifisser b’din it-tixbiha?
Il-qamħ jirrappreżenta lil dawk li jobdu lil Ġesù. Huma għandhom l-opportunità li jitgħammdu bl-ispirtu qaddis. Il-qoxra tirrappreżenta lil dawk li ma jobdux lil Ġesù. Huma se jitgħammdu bin-nar, jiġifieri se jinqerdu għal dejjem.—Mattew 3:7-12; Luqa 3:16, 17.
a Skont Vine’s Complete Expository Dictionary of Old and New Testament Words, il-kelma Griega għal “magħmudija” tfisser li “tidħol fl-ilma, tkun kollok kemm int taħt l-ilma, u mbagħad toħroġ mill-ilma.”
b Ġeħova hu l-isem persunali t’Alla. (Salm 83:18) Ara l-artiklu “Min hu Ġeħova?”
c Ara l-artiklu “X’inhu l-ispirtu qaddis?”
d Ara l-artiklu “Who Was John the Baptist?”
e Ara l-artiklu “Min imur is-sema?”