IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinni?—L-1 parti: Skopri x’hemm fil-Bibbja tiegħek
“Provajt naqra l-Bibbja, imma meta nara kemm fiha paġni, naqtaʼ qalbi!”—Briana, 15-il sena.
Jekk int tħossok hekk, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek!
Għala għandi naqra l-Bibbja?
Tqisha xi ħaġa tad-dwejjaq li taqra l-Bibbja? Jekk iva, m’intix waħdek. Forsi tqis li l-Bibbja hi sempliċi ktieb b’iktar minn elf paġna b’kitba rqiqa u mingħajr stampi—m’għandhiex x’taqsam mat-televixin u l-vidjows!
Imma aħseb dwarha b’dal-mod: Kieku kellek issib kaxxa kbira antika b’teżor ġo fiha, ma tkunx int kurjuż biex tara x’hemm ġewwa?
Il-Bibbja hi eżatt bħal dan it-teżor. Fiha ħafna għarfien li hu bħal ġawhar prezzjuż. Dan jistaʼ jgħinek biex:
Tieħu deċiżjonijiet tajbin
Tmur tajjeb mal-ġenituri
Issib l-aqwa tip taʼ ħbieb
Tkampa mal-istress
Kif jistaʼ ktieb antik bħal dan japplika għalina llum? Dan hu possibbli għax “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Dan ifisser li l-pariri li hemm fil-Bibbja ġejjin mill-aqwa Sors possibbli.
Il-Bibbja hi bħal teżor għax fiha għerf li hu bħal ġawhar prezzjuż
Kif għandi naqra l-Bibbja?
Mod wieħed hu billi taqra l-Bibbja minn qoxra sa qoxra. B’hekk se jkollok idea dwar x’inhu l-messaġġ tal-Bibbja. Hemm ħafna modi kif tistaʼ taqra l-Bibbja. Ikkunsidra żewġ eżempji:
Tistaʼ taqra s-66 ktieb tal-Bibbja bl-ordni kif jidhru, minn Ġenesi sa Rivelazzjoni.
Tistaʼ taqra l-Bibbja b’mod kronoloġiku—jiġifieri, bil-mod kif seħħew l-affarijiet wara xulxin.
Suġġeriment: Fil-ktejjeb Gwida għall-istudju tal-Kelma t’Alla taqsima 4, se ssib lista kronoloġika tal-ġrajjiet prinċipali fil-ħajja taʼ Ġesù.
Mod ieħor kif taqra l-Bibbja hu billi tagħżel rakkont li għandu x’jaqsam maʼ problema li qed taffaċċja. Pereżempju:
Tixtieq issib ħbieb taʼ min jafdahom? Aqra l-istorja taʼ Ġonatan u David. (1 Samwel, kapitli 18-20) Imbagħad ara l-artiklu “Għandi nagħmel ħbieb ġodda?” għal punti prattiċi.
Tixtieq tkun iktar kapaċi tirreżisti t-tentazzjoni? Aqra l-istorja taʼ Ġużeppi u nnota kif irreżista t-tentazzjoni. (Ġenesi, kapitlu 39) Imbagħad uża l-attivitajiet “Kif Tirreżisti t-Tentazzjoni . . . Ġużeppi—L-ewwel parti” u “Akkużat b’Mod Falz! Ġużeppi—It-tieni parti” biex titgħallem lezzjonijiet prattiċi minn dan ir-rakkont.
Tixtieq issir taf kif it-talb jistaʼ jgħinek? Aqra l-esperjenza taʼ Neħemija. (Neħemija, kapitlu 2) Imbagħad uża l-attività “Alla Wieġeb it-Talba Tiegħu” biex titgħallem lezzjonijiet prattiċi minn dan ir-rakkont.
Suġġeriment: Meta taqra l-Bibbja, agħmel ċert li tkun f’post għal kwiet ħalli tkun tistaʼ tikkonċentra.
Terġaʼ mod ieħor kif taqra l-Bibbja hu billi tagħżel rakkont jew salm, taqrah, u mbagħad tara kif tistaʼ tapplikah f’ħajtek. Wara li taqra, ikkunsidra mistoqsijiet bħal:
Ġeħova għala niżżel dan fil-Bibbja?
Dan x’jurini dwar il-personalità taʼ Ġeħova jew il-mod kif jagħmel l-affarijiet?
Kif nistaʼ napplika dan f’ħajti?
Suġġeriment: Għala ma tagħmilx mira? Niżżel id-data taʼ meta tixtieq tibda l-iskeda personali taʼ qari tal-Bibbja.