KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni bl-Internet
26 TAʼ ĠUNJU 2020
Ħafna gvernijiet madwar id-dinja jridu li n-nies iżommu ċertu distanza minn xulxin u għamlu restrizzjonijiet biex ma jiltaqgħux ħafna nies flimkien. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jobdu lill-gvernijiet waqt li jkomplu l-laqgħat flimkien b’mod safe. Biex jagħmlu l-laqgħat, il-kongregazzjonijiet qed jużaw apps tal-video calls, bħal Zoom.
Sabiex ikollna l-laqgħat b’mod regolari, il-Ġemgħa li Tiggverna approvat li jintużaw xi donazzjonijiet biex il-kongregazzjonijiet jixtru account fuq Zoom. Dan għen lil xi kongregazzjonijiet li ma setgħux iħallsu l-15-il ewro jew iżjed għall-account. Dawn il-kongregazzjonijiet kienu qed jużaw apps b’xejn fejn ma setgħux iqabbdu ħafna nies fl-istess ħin u ma kinux secure biżżejjed. Imma issa, peress li dawn l-accounts qed jinxtraw, il-kongregazzjonijiet għandhom iżjed security u jistgħu jħallu iktar nies jaqbdu fl-istess ħin. Sal-lum, aktar minn 65,000 kongregazzjoni f’iżjed minn 170 pajjiż qed jużaw dawn l-accounts.
Il-Kongregazzjoni taʼ Kairagi f’Manado, North Sulawesi, l-Indoneżja, waqfet milli tuża l-app b’xejn u xtrat account fuq Zoom. Ħuna Hadi Santoso jispjega: “Anki l-aħwa li ma tantx jafu jużaw it-teknoloġija issa jistgħu jibbenefikaw mil-laqgħat, l-iktar għax ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jilloggjaw iżjed minn darba.”
Lester Jijón, Jr., anzjan fil-Kongregazzjoni taʼ Guayacanes Oeste fi Guayaquil, l-Ekwador, jgħid: “Peress li ħafna mill-aħwa ma tantx għandhom flus, kien se jkun impossibbli biex xi kongregazzjonijiet jixtru account fuq Zoom biex l-aħwa jattendu l-laqgħat fl-istess ħin. Issa, grazzi għall-organizzazzjoni, għandna account fuq Zoom li jagħmilha possibbli biex jaqbdu iżjed nies fl-istess ħin. Ukoll, issa nistgħu nistiednu lil kemm irridu nies għal-laqgħat, għax m’hemmx limitu.”
Johnson Mwanza, anzjan fil-Kongregazzjoni taʼ Ngwerere North f’Lusaka, iż-Żambja, qal: “Ħafna aħwa qalulna li permezz taʼ Zoom mhux biss qed iħossuhom eqreb taʼ xulxin imma qed jaraw kemm Ġeħova jħobbhom u jieħu ħsiebhom.”
Il-flus biex jinxtraw dawn l-accounts ittieħdu minn dawk li kienu mwarrbin għal f’każ taʼ diżastru. Il-flus jiġu minn donazzjonijiet volontarji għax-xogħol taʼ madwar id-dinja. Ħafna minn dawn id-donazzjonijiet jingħataw permezz taʼ donate.jw.org. Aħna nirringrazzjawkom għall-kontribuzzjonijiet kbar tagħkom.—2 Korintin 8:14.