Esplojtazzjoni Sesswali Taʼ Tfal Problema Mad-Dinja Kollha
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-ISVEZJA
Is-soċjetà umana tinsab mheżhża b’għamla li tqażżek t’abbuż mit-tfal li l-firxa u n-natura tiegħu ħarġu fil-beraħ biss f’dawn l-aħħar snin. Biex jaraw x’jistaʼ jsir dwar dan, rappreżentanti minn 130 pajjiż iltaqgħu fi Stokkolma, l-Isvezja, għall-Ewwel Kungress Dinji Kontra L-Esplojtazzjoni Sesswali u Kummerċjali Taʼ Tfal. Kien hemm ukoll korrispondent taʼ Stenbaħ! fl-Isvezja.
META Magdalen kellha 14-il sena, ġiet imħajra taħdem bħala “hostess” f’ħanut tax-xorb ġewwa Manila, fil-Filippini. Attwalment, xogħolha kien jinvolvi li tieħu klijenti rġiel f’kamra żgħira u hemmhekk tinżaʼ ħwejjiġha biex huma jużawha sesswalment—madwar 15-il raġel kull fil-għaxija u 30 nhar taʼ Sibt. Xi drabi, meta kienet tgħid li ma setgħetx tiflaħ iktar, dak li kien iħaddimha kien iġagħalha tkompli. Spiss kienet tispiċċa mix-xogħol fl-erbgħa taʼ fil-għodu, mifnija, qalbha sewda, u mifluġa.
Sareoun kien tifel iltim jiġġerra fit-toroq taʼ Phnom Penh, fil-Kambodja. Kien marid bis-sifilis u magħruf li kien ‘imur’ mal-barranin. Ngħata post fejn joqgħod ġewwa pagoda, fejn kellu ‘jieħu ħsiebu’ wieħed li darba kien patri. Dar-raġel, iżda, abbuża mit-tifel sesswalment u ġagħlu jagħmel atti sesswali mal-barranin. Meta twaqqgħet il-pagoda fejn kien joqgħod Sareoun, hu beda jgħix maʼ zitu imma xorta ġie mġiegħel jaħdem bħala prostitut.
Dawn huma biss żewġ eżempji tal-problema terribbli li ġiet ittrattata tard is-sena l-oħra fil-Kungress Dinji Kontra L-Esplojtazzjoni Sesswali u Kummerċjali Taʼ Tfal. Kemm hi mifruxa din il-prattika? Hemm involuti mijiet t’eluf taʼ tfal—xi wħud saħansitra jgħidu li miljuni. Waħda mid-delegati ġabret fil-qosor il-problema: “It-tfal jinxtraw u jinbiegħu bħala oġġetti sesswali u taʼ kummerċ. Jiġu ttraffikati fil-pajjiż u minn pajjiż għall-ieħor bħala kuntrabandu, maqfulin fi briedel u mġagħlin joqogħdu għal għadd kbir taʼ nies li jesplojtawhom sesswalment.”
Fid-diskors tiegħu hekk kif fetaħ il-laqgħa, il-prim ministru taʼ l-Isvezja, Göran Persson, ittimbra din l-esplojtazzjoni bħala “dik il-kategorija taʼ kriminalità l-iktar brutali, l-iktar salvaġġa u moqżieża.” Rappreżentanta tal-Ġnus Magħquda qalet li hija “attakk sfrenat fuq it-tfal . . . , għalkollox viljakk u l-akbar vjolazzjoni mistmerra tad-drittijiet umani li wieħed qatt jistaʼ jimmaġina.” Il-kelliema lissnu bosta espressjonijiet simili taʼ korla kontra l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal matul il-kungress kollu hekk kif dawn qiesu l-firxa, in-natura, il-kawża, u l-effett taʼ dan kollu.
“Mifruxa fost ħafna pajjiżi u tolqot ġenerazzjoni wara l-oħra,” poġġieha sors wieħed. Ieħor stqarr: “Huwa stmat li mal-miljun tifel u tifla jidħlu fis-suq illegali tas-sess kull sena biex iqallgħu ħafna biljuni taʼ dollari.” U dan x’effett iħalli? “Jiġi mminat is-sens taʼ dinjità, identità u stima tagħhom infushom u t-tfal ma jibqgħux jafu jafdaw. Is-saħħa fiżika u emozzjonali tagħhom titqiegħed fil-periklu, id-drittijiet tagħhom imkasbrin u l-futur tagħhom mhedded.”
Xi Wħud Mill-Kawżi
X’inhuma xi wħud mill-kawżi li wasslu biex din il-problema kibret b’tant ħeffa? Intqal li xi tfal jiġu “mbottati għall-prostituzzjoni minħabba ċ-ċirkostanzi, bħala mod kif jibqgħu ħajjin fit-toroq, biex imantnu ’l-familji tagħhom, jew biex iħallsu għall-ħwejjeġ u affarijiet oħrajn. Oħrajn jiġu mħajrin mill-bumbardament taʼ xbihat konsumisti mid-dinja tar-riklami.” Jerġaʼ oħrajn jinħatfu minn djarhom u jiġu mġagħlin jidħlu fil-prostituzzjoni. It-tnaqqir tal-valuri morali li dejjem qed jikber maʼ kullimkien, flimkien maʼ sens ġenerali taʼ disperazzjoni, issemmew fost il-kawżi.
Ħafna bniet u subjien isiru involuti fin-negozju tas-sess minħabba abbuż fil-familja—vjolenza u inċest fid-dar iwassluhom għal li jmorru jgħixu fit-toroq. Hemmhekk ikunu f’riskju li jiġu abbużati minn pedofili u oħrajn, saħansitra, milli jidher, minn xi pulizija. Rapport dwar il-problema, intitolat Kids for Hire (Tfal għall-Kiri), jgħidilna dwar Katia, tifla taʼ sitt snin fil-Brażil. Meta nqabdet minn wieħed pulizija, dan ġagħalha twettaq atti indiċenti u heddidha li joqtol lill-familja tagħha jekk tgħid lill-kap tiegħu. L-għada reġaʼ ġie maʼ ħamest irġiel oħra, u lkoll kemm huma riduha twettaq l-istess servizz sesswali għalihom.
L-Ombudsman tat-Tfal, li huwa istituzzjoni Svediża, qal lid-delegati: “Wara li saru studji dwar x’jikkaġuna l-prostituzzjoni tat-tfal, m’hemm l-ebda dubju li t-turiżmu [għas-sess] huwa waħda mill-kawżi ewlenin.” Rapport minnhom qal: “Iż-żjieda inkredibbli fil-prostituzzjoni tat-tfal matul dawn l-aħħar għaxar snin hija kkawżata direttament min-negozju turistiku. Il-prostituzzjoni tat-tfal hija l-iktar attrazzjoni turistika ġdida offruta mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.” “Vjaġġi għas-sess” mill-Ewropa, mill-Istati Uniti, mill-Ġappun, u minn postijiet oħra joħolqu domanda kbira għal prostituti tfal mad-dinja kollha. Waħda mil-linji taʼ l-ajru fl-Ewropa wżat karikatura taʼ tifel f’qagħda sesswali sfaċċata biex tbigħ il-vjaġġi għas-sess. Aġenziji taʼ l-ivvjaġġar jorganizzaw vjaġġi għas-sess għal eluf kull sena.
Il-lista twila taʼ kawżi tinkludi wkoll il-promozzjoni internazzjonali taʼ l-industrija tas-sess fuq it-tfal permezz taʼ teknoloġija ġdida. L-Internet, flimkien maʼ teknoloġiji oħrajn relatati mal-kompjuter, jingħad li waħdu huwa l-akbar sors taʼ pornografija. Tagħmir irħis tal-video bl-istess mod għamel iktar faċli l-produzzjoni taʼ pornografija bit-tfal.
Min Huma?
Ħafna mill-adulti li jabbużaw mit-tfal sesswalment huma pedofili. Wieħed pedofil ikollu ġibda sesswali perverta lejn it-tfal. Skond l-Ombudsman tat-Tfal fl-Isvezja, “dawn m’humiex bilfors irġiel xjuħ u żmattati lebsin inċirata jew nies vjolenti li jaħsbu li huma xi ħaġa. Pedofil tipiku huwa raġel taʼ mezz’età li jaf l-iskola, taʼ spiss wieħed li jaħdem mat-tfal bħala għalliem, tabib, social-worker jew qassis.”
Il-grupp Svediż ġab l-eżempju taʼ Rosario, tifla taʼ 12-il sena mill-Filippini li ġiet abbużata sesswalment minn turist għas-sess, tabib mill-Awstrija. L-abbuż tiegħu wassal għall-mewt tagħha.
Carol Bellamy, direttriċi eżekuttiva taʼ l-UNICEF (United Nations Children’s Fund) f’Ġinevra, stqarret hekk rigward it-tifla taʼ 12-il sena mill-Filippini: “Huma taʼ spiss l-istess adulti fdati bil-kura u l-protezzjoni tat-tfal li jippermettu u jipperpetwaw din il-prattika intollerabbli. Hemm għalliema, professjonisti fil-qasam tas-saħħa, pulizija, politikanti, u membri tal-kleru li jużaw il-prestiġju u l-awtorità tagħhom biex jesplojtaw lit-tfal sesswalment.”
Ir-Reliġjon Involuta
Delegat tal-Knisja Kattolika Rumana fil-kungress taʼ Stokkolma ddikjara li l-esplojtazzjoni tat-tfal hija “l-iktar delitt faħxi” u hija “riżultat taʼ taħwid profond u tifrik taʼ valuri.” Madankollu, il-Knisja Kattolika ġiet effettwata ferm minn prattiċi bħal dawn fost il-kleru tagħha stess.
Fil-ħarġa taʼ Newsweek tas-16 t’Awissu, 1993, artiklu intitolat “Qassisin u Abbuż” irrapporta dwar “l-agħar skandlu klerikali fl-istorja moderna tal-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti.” Dan stqarr: “Waqt li saru allegazzjonijiet kontra madwar 400 qassis mill-1982 ’l hawn, xi uffiċjali tal-knisja jaħsbu li hemm maʼ l-2,500 qassis li mmolestaw lil tfal jew żgħażagħ. . . . Apparti l-flus, l-iskandlu sewa lill-knisja mistħija kbira—u xi ftit mill-awtorità morali tagħha.” Reliġjonijiet oħra madwar id-dinja qegħdin fl-istess sitwazzjoni.
Ray Wyre, konsulent dwar il-kriminalità sesswali fir-Renju Unit, qal lill-kungress taʼ Stokkolma dwar żewġ subjien li kienu ġew abbużati sesswalment b’mod sadistiku minn qassis. Wieħed mit-tfal qiegħed issa jmexxi aġenzija li tieħu ħsieb il-vittmi t’abbuż fuq it-tfal minn qassisin, u l-ieħor sar huwa stess wieħed li jabbuża.
Mettanando Bhikkhu, studjuż Buddist mit-Tajlandja, irrapporta li “ċerti tipi taʼ prattika Buddista għandhom sehem mir-responsabbiltà għall-esplojtazzjoni kummerċjali tat-tfal bis-sess fit-Tajlandja fuq bosta livelli. F’xi rħula lokali fit-Tajlandja hemm patrijiet li xi drabi bbenefikaw minn flus li ġew lura fil-komunità minn tfal li ġew imġagħlin jagħmlu l-prostituzzjoni.”
X’Jistaʼ Jsir?
Dr. Julia O’Connell Davidson, taʼ l-Università taʼ Leicester fir-Renju Unit, stiednet lill-kungress biex jisfida lil dawk li jesplojtaw meta jiġġustifikaw l-imġiba tagħhom. Dawk li jabbużaw iħobbu jiffokaw taʼ spiss fuq dik li jsostnu li hi l-laxkezza sesswali u l-immoralità tat-tfal, billi jargumentaw li t-tifel ikun diġà maħmuġ u mħassar. Oħrajn li jesplojtaw jużaw l-allegazzjoni perverta u falza li ma ssir ebda ħsara mill-atti tagħhom u li t-tifel jibbenefika.
Panel li studja l-problema tat-turiżmu għas-sess irrakkomanda li wieħed għandu jikkumbattiha permezz taʼ l-edukazzjoni fl-iskejjel. Flimkien maʼ dan, informazzjoni kontra l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal għandha tilħaq lill-vjaġġaturi matul il-vjaġġ kollu—qabel it-tluq, matul l-ivvjaġġar, u mal-wasla fid-destinazzjoni.
Rigward it-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni, panel ieħor issuġġerixxa li l-ġnus għandhom jingħataw linji taʼ gwida biex jiġi eliminat kull materjal li jesplojta lit-tfal. Ġie kkunsidrat jekk għandhiex titwaqqaf aġenzija internazzjonali waħda biex tikkoordina l-attività f’dan il-qasam. Jerġaʼ panel ieħor irrakkomanda li l-pornografija bit-tfal iġġenerata bil-kompjuter u l-pussess taʼ kull pornografija bit-tfal għandhom jitqiesu bħala offiżi kriminali f’kull pajjiż, b’kastigi preskritti mil-liġi.
X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri? Panel li ttratta l-irwol tal-mezzi taʼ komunikazzjoni ssuġġerixxa li l-ġenituri għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jipproteġu lil uliedhom. Dan stqarr: “Il-ġenituri ma jistgħux jiggwidaw biss lit-tfal hekk kif dawn jiżviluppaw bħala konsumaturi tal-mezzi taʼ komunikazzjoni imma għandhom jipprovdu tagħrif ieħor, spjegazzjonijiet u sorsi diversi taʼ informazzjoni biex jibbilanċjaw kontra l-impatt tal-mezzi taʼ komunikazzjoni u jgħinu lit-tifel jikber fil-fehma tiegħu.”
Programm fuq it-TV Svediż li rrapporta dwar il-kungress saħaq fuq il-ħtieġa tal-ġenituri li jħarsu ’l uliedhom aħjar u jiftħulhom għajnejhom għall-perikli. Madankollu, ta dan il-parir: “Twissux lit-tfal biss kontra ‘rġiel xjuħ maħmuġin,’ għax inkella t-tfal jaħsbu li jridu joqogħdu għassa biss kontra rġiel xjuħ u żmattati, waqt li wieħed li jikkommetti atti kriminali bħal dawn jistaʼ sew ikun liebes xi uniformi jew libsa pulita. Mela, wissuhom kontra stranġieri li jieħdu interess mhux tas-soltu fihom.” M’għandniex xi ngħidu, it-tfal għandhom ukoll jiġu mwissijin dwar—u mħeġġin jirrapportaw lill-awtoritajiet—kwalunkwe persuna li tagħmel avvanzi mhux xierqa lejhom, inklużi nies li jafuhom.
L-Unika Soluzzjoni
Dak li l-kungress taʼ Stokkolma ma setax jissuġġerixxi kien dwar kif setgħu jingħelbu l-kawżi li jwasslu għall-esplojtazzjoni sesswali taʼ tfal. Dawn jinkludu l-fatt li l-valuri morali qegħdin jitmermru maʼ kullimkien; iż-żjieda fl-egoiżmu u fix-xenqa għal affarijiet materjali; in-nuqqas li dejjem jikber taʼ rispett lejn il-liġijiet li jsiru biex jipproteġu lin-nies mill-inġustizzja; il-fatt li dejjem iktar n-nies qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-benesseri, mid-dinjità u mill-ħajja t’oħrajn; it-tifrik b’mod mgħaġġel taʼ l-arranġament tal-familja; il-faqar kbir li hawn maʼ kullimkien minħabba l-popolazzjoni żejda, il-qgħad, ir-rassa fl-ibliet, u l-immigrazzjoni; iż-żjieda fir-razziżmu kontra nies barranin u refuġjati; il-produzzjoni u t-traffikar tad-drogi li dejjem qed jikbru; u fehmiet, prattiċi, u tradizzjonijiet reliġjużi degradanti.
Għalkemm l-esplojtazzjoni tat-tfal hija xi ħaġa li taħsdek, ħażen bħal dan m’huwiex taʼ sorpriża għal min jaqra l-Bibbja bir-reqqa. Dan għala? Għaliex qegħdin issa ngħixu f’dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar tad-dinja” (“l-aħħar jiem,” Saydon u Karm Żammit) u, skond il-Kelma t’Alla, ninsabu fi “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1-5, 13) Mela mhux taʼ b’xejn li l-morali marru mill-ħażin għall-agħar!
Madankollu, il-Bibbja tipponta lejn l-unika soluzzjoni għall-problemi tant kbar tad-dinja—tindifa sħiħa minn Alla li Jistaʼ Kollox. Dalwaqt se juri l-qawwa tiegħu u jneħħi lil dawk kollha fuq l-art li mhux qed jimxu mal-prinċipji u l-liġijiet taʼ tjieba tiegħu: “It-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:21, 22; 2 Tessalonikin 1:6-9.
Dawk li “jitqaċċtu” se jinkludu lil dawk kollha li jġagħlu lil tfal isiru prostituti u nies korrotti li jużaw lit-tfal ħażin. Il-Kelma t’Alla tistqarr: “La żienja . . . la adulteri . . . la om[o]sesswali [“dawk li jħobbu s-subjien,” Saydon (1965) u KŻ] . . . ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:9, 10) Iżżid ukoll li ‘dawk taʼ ħajja mħassra u ż-żienja’ se jieħdu t-“tieni mewt”—qerda eterna.—Apokalissi 21:8.
Alla se jnaddaf l-art u jdaħħal sistema t’affarijiet għalkollox ġdida u ġusta, “smewwiet ġodda u art ġdida.” (2 Pietru 3:13) Imbagħad, f’dik id-dinja l-ġdida magħmula minnu, nies korrotti u perverti qatt ma se jerġgħu jieħdu vantaġġ minn uħud innoċenti. U l-innoċenti qatt iktar ma se jkollhom għalfejn jibżgħu li jkunu vvittimizzati, għax “ma jkunx hemm min iwerwirhom.”—Mikea 4:4.
[Kumment fʼpaġna 12]
“Il-kategorija taʼ kriminalità . . . l-iktar salvaġġa u moqżieża.”—Il-prim ministru taʼ l-Isvezja
[Kumment fʼpaġna 13]
“Kull ġimgħa, bejn 10 miljuni u 12-il miljun raġel iżur prostituti żgħar.”—The Economist, Londra
[Kumment fʼpaġna 14]
It-turiżmu għas-sess huwa wieħed mill-kawżi ewlenin għall-esplojtazzjoni taʼ tfal f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw
[Kaxxa fʼpaġna 13]
Turiżmu Għas-Sess—Għala?
(Xi wħud mir-raġunijiet għala turisti jagħmlu s-sess mat-tfal)
(1) L-anonimità li jgawdi t-turist teħilsu mill-irbit soċjali taʼ fejn joqgħod
(2) Peress li ftit li xejn jifhmu l-lingwa lokali, huwa faċli li turist jiġi mqarraq biex jaħseb li l-ħlas għal sess mat-tfal huwa xi ħaġa aċċettata jew li huwa mod taʼ kif wieħed jgħin lit-tfal joħorġu mill-faqar
(3) Attitudnijiet razzisti jġagħlu lill-viżitaturi jesplojtaw lil oħrajn li huma jqisuhom bħala inferjuri
(4) It-turisti jħossuhom sinjuri meta jaraw li servizzi sesswali jistgħu jinkisbu bl-irħis f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw
[Kaxxa fʼpaġna 15]
Il-Firxa Tal-Problema Mad-Dinja Kollha
(Dawn li ġejjin huma stimi mogħtijin minn diversi awtoritajiet governattivi u organizzazzjonijiet oħra)
Brażil: Minn taʼ l-inqas 250,000 tifel u tifla prostituti
Kanada: Eluf taʼ tfajliet taħt l-għoxrin sena qed jitħaddmu minn gruppi organizzati għall-prostituzzjoni
Ċina: Minn 200,000 sa 500,000 tifel u tifla prostituti. F’dawn l-aħħar snin madwar 5,000 tifla Ċiniża ġew imħajrin jaqsmu l-fruntiera u nbigħu bħala prostituti fi Mjanma
Kolumbja: L-għadd taʼ tfal esplojtati sesswalment fit-toroq taʼ Bogotá żdied b’ħames darbiet f’dawn l-aħħar sebaʼ snin
Ewropa tal-Lvant: 100,000 tifel u tifla tat-toroq. Ħafna minnhom jintbagħtu fi briedel fl-Ewropa tal-Punent
Indja: 400,000 tifel u tifla involuti fl-industrija tas-sess
Możambik: Aġenziji li jagħtu l-għajnuna akkużaw lit-truppi tal-ĠM għaż-żamma tal-paċi li esplojtaw lit-tfal sesswalment
Mjanma: 10,000 tfal bniet u nisa jittieħdu fi briedel fit-Tajlandja kull sena
Filippini: Hemm involuti 40,000 tifel u tifla
Sri Lanka: 10,000 tifel u tifla taʼ bejn is-6 u l-14-il sena mjassrin fi briedel u 5,000 t’etajiet bejn l-10 u t-18-il sena qegħdin jaħdmu għal rashom f’postijiet turistiċi
Tajwan: Hemm involuti mat-30,000 tifel u tifla
Tajlandja: Hemm involuti mat-300,000 tifel u tifla
Stati Uniti: Sorsi uffiċjali jgħidu li hemm involuti iktar minn 100,000 tifel u tifla