Min Se Jipproteġihom Lil Uliedna?
HUWA inkuraġġanti li tkun taf li l-abbuż fuq it-tfal issa huwa rikonoxxut bħala problema li tinsab madwar id-dinja kollha. Inizjattivi bħall-Kungress Kontra l-Isfruttar Sesswali u Kummerċjali tat-Tfal li sar fi Stokkolma, u li għalih attendew rappreżentanti minn 130 pajjiż, taw attenzjoni lil din il-problema.
Iżjed minn hekk, xi pajjiżi issa qed jgħaddu leġislazzjoni li tipprojbixxi t-turiżmu għas-sess u l-pornografija tat-tfal. Xi wħud saħansitra ħolqu reġistru taʼ pedofili magħrufin, biex ma jħalluhomx ikollhom aċċess faċli għat-tfal.
Imbagħad hemm dawk li jfittxu ħajja aħjar għal uliedhom billi jgħaddu leġislazzjoni sabiex jipproteġuhom. U ftit pajjiżi u individwi oħrajn qed jirrifjutaw li jixtru prodotti magħmulin permezz tax-xogħol mill-minorenni.
Waqt li aħna lkoll ċertament infaħħru sforzi bħal dawn sabiex is-soċjetà tinħeles minn dawk li jagħmlu abbuż fuq it-tfal, irridu nkunu realistiċi u nirrikonoxxu li l-abbuż fuq it-tfal għandu għeruq fondi ħafna fis-soċjetà umana. Ma nkunux realistiċi jekk naħsbu li xi soluzzjoni sempliċi, bħal xi leġislazzjoni, se tipprovdi protezzjoni kompleta għal uliedna. Diġà għaddew ħafna liġijiet, u l-problema xorta għadha hemm. Id-delinkwenza taʼ l-adulti fid-dinja tidher ċar mill-fatt tal-biki li d-dritt naturali tat-tfal ikollu jiġi protett minn numru vast taʼ liġijiet.
Il-liġijiet m’humiex l-aqwa protezzjoni għat-tfal. Biżżejjed inħarsu lejn ir-riżultati taʼ leġislazzjoni formidabbli bħal dik tal-Konvenzjoni tal-ĠM dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ħafna gvernijiet huma firmatarji tagħha. Hemm ħafna dokumenti li jgħidu li saħansitra ħafna minn dawn il-gvernijiet, minħabba l-limiti ekonomiċi, mhux qed jaħdmu biżżejjed sabiex iwaqqfu l-isfruttament taʼ wliedhom. L-abbuż fuq it-tfal jibqaʼ jkun problema kbira internazzjonali.
Il-Ġenituri Jistgħu Jagħmlu Ħafna
Biex tkun ġenitur li jirnexxi jirrikjedi ħafna xogħol. Jitlob sagrifiċċju. Imma ġenituri li jimpurtahom iridu jaċċertaw ruħhom li ma jkunux uliedhom li jsofru. Ir-rivista Maclean’s tinnota li taʼ spiss “li tkun ġenitur huwa meqjus bħala delizzju.” Ġugarell jistaʼ jitwarrab u delizzju jistaʼ ma jitkompliex, imma li tkun ġenitur huwa responsabbiltà mogħtija minn Alla.
Li tkun ġenitur tajjeb huwa waħda mill-iktar għotjiet prezzjużi li tistaʼ tagħti lit-tifel tiegħek, għaliex dan se jgħinu jkollu tfulija hienja u fis-sigurtà. Sigurtà bħal din ma tiddependix fuq stat soċjali jew status ekonomiku fil-ħajja. It-tifel tiegħek għandu bżonn lilek—l-imħabba u l-affezzjoni tiegħek, l-assigurazzjonijiet tiegħek meta jħossu mhedded, kif ukoll il-ħin tiegħek. It-tifel tiegħek ikun irid jismaʼ l-vuċi tiegħek tirrakkontalu l-istejjer, iridek bħala mudell li jkun jistaʼ jimitah, u jrid id-dixxiplina kollha mħabba tiegħek.
Inkwantu għas-suġġett taʼ l-immoralità sesswali—ġenituri, mexxu r-relazzjonijiet tal-familja tagħkom bil-modestja u r-rispett għall-imħuħ u l-iġsma taʼ wliedkom. It-tfal jitgħallmu malajr liema azzjonijiet jaqbżu l-limiti morali li l-ġenituri jistabbilixxu magħhom. Huma għandhom bżonn jiġu mgħallmin kif iġibu ruħhom kemm ġewwa kif ukoll barra mid-dar. Jekk tonqos li tagħmel dan, xi ħaddieħor se jagħmel dan flokok, u forsi r-riżultat ma jkunx jogħġbok. Għallem lit-tfal kif għandhom jirreaġixxu jekk xi darba jiġu mheddin moralment. Għarrafhom għalxiex qegħdin il-partijiet privati taʼ ġisimhom, u għallimhom li dawn ħadd m’għandu jmisshomlhom. Għidilhom kif għandhom jirreaġixxu jekk xi ħadd javviċinahom u jkun irid japprofitta ruħu minnhom.
Dejjem kun af uliedek fejn qegħdin u maʼ min qegħdin. Min huma l-ħbieb intimi tat-tifel tiegħek? Min huma dawk li jieħdu ħsieb it-tifel tiegħek waqt li ma tkunx miegħu? Huma taʼ min jafdahom? M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li ġenitur għandu jissuspetta f’kulħadd. Għamel stima tajba taʼ l-adulti li hemm fil-ħajja tat-tifel tiegħek, billi ma tħarisx biss lejn l-apparenzi taʼ barra.
Aħseb dwar l-uġigħ taʼ qalb li għaddew minnu ġenituri li skoprew, meta kien tard wisq, li uliedhom kienu ġew abbużati minn membri tal-kleru, għalliema, jew saħansitra minn familjari li kienu jafdawhom. Ikun tajjeb għalik bħala ġenitur li tistaqsi lilek innifsek, ‘Il-knisja tiegħi tittollerah jew tgħattih l-abbuż fuq it-tfal? Ir-reliġjon tiegħi żżomm sod maʼ prinċipji morali għoljin?’ It-tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn jistgħu jgħinuk tagħmel deċiżjonijiet għaqlin sabiex tipproteġi lil uliedek.
Imma fuq kollox, ipprova għinhom isiru jafu u jħobbu l-prinċipji tal-Ħallieq, li se jipproteġuhom mill-ħsara. Meta t-tfal jaraw ir-rispett tal-ġenituri tagħhom għall-prinċipji morali għoljin, huma se jkunu iktar lesti li jsegwu dan l-eżempju tajjeb.
L-Unika Vera Soluzzjoni
M’għandniex xi ngħidu, la l-liġijiet u lanqas sentenzi twal fil-ħabs ma se jipproteġu lil uliedna. Hu l-Ħallieq innifsu permezz tal-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja, li jistaʼ b’mod effettiv joħloq kondotta safja, billi jbiddel il-ħsieb taʼ nies qishom annimali f’dak taʼ membri morali u kollhom imħabba fi kwalunkwe komunità.
Diġà ntwera li dan hu possibbli. Hemm ħafna li abbandunaw l-istili taʼ ħajja li kellhom qabel u ma baqgħux mogħtijin għas-sess. Issa qed jagħtu prova ħajja tal-qawwa tal-Kelma t’Alla. Imma waqt li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba, il-maġġuranza tal-ħżiena mħassrin moralment m’humiex se jinbidlu. Din hi r-raġuni għala Alla Jehovah wiegħed li dawk kollha li jisfruttaw lil uliedna dalwaqt se jitneħħew minn fuq l-art—flimkien mal-filosofiji, ix-xenqiet għall-pjaċiri, u r-regħba tagħhom.—1 Ġwann 2:15-17.
Imbagħad, fid-dinja ġdida t’Alla, meta ma jkunx hawn iktar faqar, it-tfal kollha se jgawdu tfulija komda u mingħajr inkwiet, u dan hu d-dritt tagħhom mogħti minn Alla. Dan ma jfissirx biss it-tmiem taʼ l-abbuż fuq it-tfal imma wkoll it-tmiem tal-memorji kollhom uġigħ li jħassru l-ħajjiet tan-nies illum: “Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.”—Isaija 65:17.
B’hekk, fid-dinja ġdida t’Alla, il-kliem taʼ Ġesù Kristu se jieħu t-tifsir veru tiegħu b’mod grandjuż: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax taʼ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet [li se taħkem fuq l-art kollha, id-dar bħal Ġenna taʼ l-umanità].”—Mattew 19:14.
[Stampa f’paġna 9]
Bit-tattika, għallem lit-tfal tiegħek kif għandhom jirreaġixxu jekk jiġu mheddin sesswalment
[Stampa f’paġna 9]
Li tkun ġenitur tajjeb huwa għotja prezzjuża għat-tfal tiegħek
[Stampa f’paġna 9]
Għin lil uliedek jitgħallmu l-iskopijiet u l-prinċipji tal-Ħallieq
[Stampi f’paġna 10]
Fid-dinja ġdida t’Alla, it-tfal kollha se jgawdu t-tfulija tagħhom bis-sħiħ