LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 7/8 pp. 20-22
  • Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​“Mewġa Irreżistibbli Tal-​Materjaliżmu”
  • Determinati Li “Jistagħnu”
  • ‘Jintefgħu Fit-​Telfien’
  • Insibu Bilanċ
  • Huma l-Flus l-Għerq taʼ Kull Ħażen?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-flus
    Stenbaħ!—2014
  • Kif tqassmu l-flus
    Il-familja tiegħek tista’ tkun ferħana
  • Kif Tistaʼ Żżomm Ħarsa Bilanċjata Lejn il-Flus?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 7/8 pp. 20-22

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’hemm Ħażin F’li Taqlaʼ L-​flus?

“IL-​FLUS huma tassew l-​iktar ħaġa importanti fid-​dinja.” Hekk stqarr id-​drammaturgu Britanniku George Bernard Shaw. Taqbel miegħu int? Forsi iktar tħossok bħal Tanya li għandha 17-il sena, li tgħid: “Jien ma rridx inkun sinjura, kemm inkun komda finanzjarjament.” Iż-​żagħżugħ Avian bl-​istess mod iħares lejn il-​flus, mhux bħala l-​iktar ħaġa importanti fid-​dinja, imma bħala mezz utli biex jilħaq ċerti miri. Hu jgħid: “Il-​flus huma neċessarji għall-​bżonnijiet tiegħi, bħalma huma l-​ħwejjeġ u t-​trasport.”

Kont taf li l-​Bibbja tagħmel punt simili? F’Koħèlet 7:​12, din tgħid li “fihom kenn il-​flus.” Il-​faqar ġie deskritt bħala “għadu kbir taʼ l-​hena tal-​bniedem.” U li jkollok biżżejjed flus jistaʼ jipproteġik​—għall-​inqas sa ċertu punt—​mill-problemi li l-​faqar taʼ spiss iġib. Il-​flus jistgħu wkoll itaffu l-​effetti taʼ xi diżastri mhux mistennijin. “Il-​Bibbja tgħid li ‘f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi,’” tgħid iż-​żagħżugħa Phyllis. “Qatt ma nistgħu ngħidu meta se tinqalaʼ xi burraxka, allura hemm bżonn li jkollna xi flus imfaddlin.” (Koħèlet 9:​11) U fil-​waqt li l-​flus issa jistgħu jidhru importanti għalik, jistgħu jkollhom irwol saħansitra iktar importanti fil-​ġejjieni tiegħek.

Il-​“Mewġa Irreżistibbli Tal-​Materjaliżmu”

Imma fil-​waqt li ftit tħassib rigward li jkollok biżżejjed flus huwa normali u f’loku, għal xi żgħażagħ il-​flus saru kważi ossessjoni. Meta ’l fuq minn 160,000 żagħżugħ ġew mistoqsijin, “X’tixtieq l-​iktar fil-​ħajja?,” 22 fil-​mija qalu, “Li nkun sinjur.”

Bla dubju, din ix-​xenqa għall-​flus hija mqanqla minn dak li r-​rivista Newsweek sejħet bħala l-​“mewġa irreżistibbli tal-​materjaliżmu” li kaxkret lid-​dinja. “Jien bniedem materjalistiku ħafna u konxju ħafna taʼ l-​isem taʼ fuq it-​tikketti,” jgħid Martin li għandu 18-il sena. “Nemmen b’mod sod li tieħu skond dak li tħallas. B’hekk, nonfoq ħafna flus għall-​affarijiet li nkun irrid.” Martin m’huwiex l-​uniku żagħżugħ li ‘jonfoq ħafna flus.’ Il-​U.S.News & World Report jirrapporta: “Is-​sena l-​oħra kienet l-​iktar sena li fiha żgħażagħ taʼ bejn it-​12 u d-​19-il sena [fl-Istati Uniti] nefqu flus kemm felħu, b’total taʼ 109 biljun dollaru f’xiri taʼ oġġetti, żjieda taʼ 38 fil-​mija fuq l-​1990.”

Iż-żgħażagħ, iżda, minn fejn iġibu l-​flus għal dawk l-​ilbiesi ġodda, compact discs, u mekkaniżmi tal-​kompjuter kollha? Skond il-​ U.S.News & World Report: “Madwar nofs dawk kollha li għandhom bejn is-​16 u d-​19-il sena għandhom xogħol part-time.” Jekk jinżamm f’bilanċ, xogħol wara l-​iskola jistaʼ jkollu l-​benefiċċji tiegħu, bħal li jgħallem lil żagħżugħ ikun responsabbli. Madankollu, jidher ċar li xi żgħażagħ jaqbżu l-​limiti f’dan ir-​rigward. Ir-​rivista Newsweek tosserva: “Il-​psikologi u l-​għalliema jaraw it-​tensjoni li jkollhom studenti [li jaħdmu]. Dawn ikollhom ftit ħin għall-​homework, u l-​għalliema li regolarment jaraw studenti eżawriti jitħabtu biex ma jonogħsux, b’dispjaċir ħafna drabi jirreaġixxu billi jbaxxu l-​livelli mistennija.”

Minkejja dan, ftit li xejn miż-​żgħażagħ li jaħdmu huma lesti li jiċċaħħdu mis-​sorsi tagħhom taʼ dħul taʼ flus. “L-​iskola hi importanti,” tgħid iż-​żagħżugħa Vanessa, “imma hekk ukoll huma l-​flus. Bil-​homework ma titħallasx.” Kemm huwa importanti għalik li taqlaʼ l-​flus? Hija li taqlaʼ ħafna l-​mira prinċipali tiegħek fil-​ħajja?

Determinati Li “Jistagħnu”

Il-​Bibbja tittratta dawn l-​istess mistoqsijiet. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien. Għax ir-​rebgħa għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-​rebgħa li xi wħud ħarġu barra mit-​triq tal-​fidi u nfnew b’niket kbir.”​—1 Timotju 6:​9, 10.

Ċertament li Pawlu kien jaf fuq x’hiex kien qed jitkellem. Qabel ma sar Kristjan, kien wieħed mill-​mexxejja reliġjużi magħrufin bħala “l-​Fariżej,” li lilhom il-​Bibbja tiddeskrivi bħala li kellhom “rebgħa għall-​flus.” (Luqa 16:14) Minkejja dan, l-​appostlu ma kkundannax il-​qligħ innifsu tal-​flus. Minflok, hu ta twissija lil dawk li “jridu jistagħnu” jew, bħalma tpoġġiha traduzzjoni oħra, lil nies li “daħħluha f’qalbhom li jkunu għonja.” (Phillips) Imma x’hemm daqshekk ħażin f’li tagħmel dan?

Bħalma spjega Pawlu, uħud bħal dawn, “jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka.” Proverbji 28:20 jagħmel punt simili meta jgħid: “Kastig ikollu min irid jistagħna malajr.” Billi jaħsbu li m’għandhomx biżżejjed xi żgħażagħ jirrikorru għas-​serq.

Veru, il-​biċċa l-​kbira taż-​żgħażagħ ma jiġihomx f’moħħhom li jisirqu. Imma xi wħud għandhom mnejn jieħdu sehem f’imġiba daqstant riskjuża. Christianity Today tirrapporta: “Xi esperti jemmnu li l-​logħob taʼ l-​ażżard eċċessiv sar l-​iktar vizzju li qed jikber malajr fost l-​adolexxenti.” F’lokalità waħda fl-​Istati Uniti, “kważi 90 fil-​mija taʼ l-​adolexxenti kienu xtraw illegalment biljetti tal-​lotterija sa l-​aħħar sena skolastika tas-​sekondarja.” Xi żgħażagħ jirrikorru għal miżuri saħansitra iktar iddisprati. “Huwa diffiċli biex issib xogħol diċenti,” jgħid Matthew li għandu 16-il sena. “Għalhekk l-​iktar li naqlaʼ flus hu billi npartat u nixtri l-​affarijiet. . . . Minn żmien għal żmien [kont] inbigħ [id-droga].”

‘Jintefgħu Fit-​Telfien’

Veru, li jkollok il-​flus jistaʼ jagħti sens taʼ libertà. Imma bħalma jispjega Pawlu, fl-​aħħar mill-​aħħar, billi jsus wara l-​flus wieħed jistaʼ fil-​fatt isir skjav taʼ “ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien.” Iva, ladarba l-​imħabba tal-​flus trabbi l-​għeruq ġewwa fik, ir-​regħba, l-​għira qattiela, u xewqat oħrajn li jikkaġunaw uġigħ jistgħu jiddominawk. (Qabbel Kolossin 3:5.) Artiklu fir-​rivista ’Teen osserva li xi adolexxenti jistgħu tant isiru invidjużi għall-​karozzi u l-​ilbies li jippossiedu żgħażagħ oħrajn “li jiġu megħlubin minn din ix-​xewqa.” Invidja bħal din xi kultant “tiżviluppa f’mibegħda għalihom infushom,” iżid l-​artiklu, “u adolexxent ma jkun jistaʼ jaħseb fuq xejn ħlief fuq dak li hu [jew hi] m’għandux.”

Innota, mela, li mhux biss tistaʼ x-​xewqa għall-​għana ġġiegħel lil wieħed ‘jaqaʼ fit-​tiġrib’ imma tistaʼ wkoll iġġagħlu ‘jintefaʼ fil-​qerda u t-​telfien.’ Il-​kummentatur tal-​Bibbja Albert Barnes josserva: “L-​impressjoni hija dik taʼ nawfraġju, fejn vapur u dak kollu taʼ ġo fih, jegħrqu flimkien. Il-​qerda hija kompleta. Hemm rovina totali taʼ l-​hena, tal-​virtù, tar-​reputazzjoni, u tar-​ruħ.”​—Qabbel 1 Timotju 1:​19.

Bix-xieraq, mela, Pawlu jgħid li “r-​rebgħa [bla rażan] għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen.” Bħala riżultat taʼ dan, ħafna “ħarġu barra mit-​triq tal-​fidi u nfnew b’niket kbir.” Nieħdu, per eżempju, żagħżugħ li se nsejħulu Rory. Fl-​età taʼ 12-il sena beda jilgħabhom. “Kien mod biex inġib il-​flus mingħajr ma nagħmel xejn,” hu jiftakar. F’qasir żmien, kellu dejn taʼ mijiet taʼ dollari u ttraskura l-​ħbieb, il-​familja, u x-​xogħol taʼ l-​iskola. “Ipprovajt nieqaf,” jammetti hu, imma falla ripetutament. Hu kompla ‘jinfena b’niket kbir’ sakemm fittex l-​għajnuna fl-​età taʼ 19-il sena. Il-​kittieb Douglas Kennedy b’hekk m’huwiex qed jesaġera meta, fil-​ktieb tiegħu Chasing Mammon, isejjaħ il-​ġiri wara l-​flus “esperjenza trawmatizzanti.”

Insibu Bilanċ

Il-​parir taʼ Salamun b’hekk huwa relevanti issa daqs kemm kien sekli ilu: “Titħabatx biex tikseb il-​ġid, dan il-​ħsieb neħħih minn moħħok; kif titfaʼ għajnejk fuqu, ikun ġa għadda; għax żgur irabbi l-​ġwienaħ, u jtir bħal ajkla fl-​ajru.” (Proverbji 23:​4, 5) Rikkezzi materjali huma temporanji, mela tkun bluha li tagħmel il-​ġiri wara l-​għana l-​iskop prinċipali fil-​ħajja. “Jien ma rridx ninqabad fix-​xibka taʼ miri purament materjalistiċi,” tgħid żagħżugħa Kristjana li jisimha Maureen. “Biss jien naf,” tgħid hi, “li l-​ispiritwalità tiegħi se tkun il-​prezz li nħallas jekk nintilef biss fuq li naqlaʼ l-​flus.”

Veru, il-​flus huma neċessità. U li jkollok dħul adegwat se jippermettilek li tieħu ħsieb tal-​bżonnijiet tiegħek stess​—u possibbilment tgħin ukoll lil oħrajn materjalment minn żmien għal żmien. (Efesin 4:​28) Tgħallem aħdem iebes sabiex tkun tistaʼ taqlaʼ l-​flus onestament. Ukoll, tgħallem faddal, agħmel budget, u onfoq flusek b’mod intelliġenti. Imma qatt tagħmel il-​flus l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek. Ipprova li jkollok il-​ħarsa bilanċjata espressa mill-​kittieb taʼ Proverbji 30:8, li talab: “Tagħtinix la faqar u lanqas għana.” Billi żżomm interessi spiritwali fuq quddiem, se tkun tistaʼ tikseb l-​aqwa xorta taʼ rikkezzi. Bħalma jgħid Proverbji 10:22, “il-​barka tal-​Mulej iġġib l-​għana, u xejn ma jżid magħha t-​taħbit tagħna.”

[Stampa fʼpaġna 21]

Ħafna żgħażagħ iridu l-​flus biex ilaħħqu maʼ dawk taʼ mparhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja