L-Anoreksija U L-bulimija Il-fatti, Il-perikli
“L-ikel iġorr piż emozzjonali li huwa ferm itqal minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ titkejjel bil-kaloriji jew bil-grammi.”—Janet Greeson, awtriċi.
L-ANOREKSIJA u l-bulimija huma l-iktar żewġ tipi komuni taʼ taqlib konness maʼ l-ikel. Kull waħda minnhom għandha l-karatteristiċi uniċi tagħha. Madankollu, bħalma se naraw, it-tnejn li huma jistgħu jkunu perikolużi—saħansitra qattiela.
L-Anoreksija—Kif Toqtol Lilek Innifsek bil-Ġuħ
Dawk li jbatu bl-anoreksija, l-anoreksiċi, jew jirrifjutaw li jieklu jew inkella jieklu ammonti tant żgħar taʼ ikel li jsiru malnutriti. Ikkunsidra l-każ taʼ Antoinette, tfajla taʼ 17-il sena, li tgħid li f’ċertu punt il-piż tagħha setaʼ niżel għal 37 kilo—li hu ftit wisq għal adolexxenta twila 1.7 metri. “Ma kontx niekol iktar minn 250 kalorija kuljum u kont inżomm ktieb apposta li fih kont nikteb dak kollu li kont niekol,” tgħid hi.
L-anoreksiċi huma ffissati fuq l-ikel, u jagħmlu minn kollox biex jevitaw li jżidu fil-piż. “Bdejt nobżoq l-ikel f’sarvetta tal-karti, taparsi qed nimsaħ ħalqi,” tgħid Heather. Susan kienet tagħmel ħafna eżerċizzju biex ma tiżdiedx fil-piż. “Kważi kuljum,” tgħid hi, “kont niġri 12-il kilometru, jew nagħmel siegħa ngħum, għax inkella kont inħossni ansjuża u ħatja ħafna. U kull fil-għodu kont nieħu gost, ħaġa li normalment kienet tkun l-unika waħda li kont nieħu gost nagħmel, nitlaʼ fuq il-miżien biex nikkonferma li l-piż tiegħi kien ferm inqas minn 45 kilo.”
Ironikament, xi anoreksiċi jsiru koki eċċellenti u jservu ikliet skwiżiti li huma nfushom jirrifjutaw li jduquhom. “Meta kont verament fl-agħar tiegħi,” tgħid Antoinette, “l-ikliet fid-dar kollha jien kont nippreparahom u l-ħobż taʼ l-iskola dejjem jien kont nagħmilhulhom lil ħuti ż-żgħar. Ma kontx inħallihom jersqu lejn il-friġġ. Kont inħoss li l-kċina kienet tiegħi biss.”
Skond il-ktieb A Parent’s Guide to Anorexia and Bulimia, xi anoreksiċi “jsiru ffissati fuq li jżommu d-dar pulita u għandhom mnejn ikunu jridu lill-familja kollha timxi mal-livelli tagħhom li xejn ma jkunu realistiċi u jkun ferm diffiċli li żżommhom. Ebda rivista jew papoċċ jew kikkra tal-kafè ma tkun tistaʼ titħalla fin-nofs, lanqas għal mument wieħed biss. Jistgħu jsiru ffissati wkoll, jew saħansitra iktar, fuq l-iġjène u l-apparenza persunali, u jibdew iqattgħu sigħat sħaħ quddiem il-mera bil-bieb imsakkar u ma jħallux lill-oħrajn jidħlu biex ilestu għall-iskola jew għax-xogħol.”
Dan it-taqlib mhux tas-soltu msejjaħ anoreksija kif jiżviluppa? Tipikament, l-adolexxent jew adult żagħżugħ—li fil-biċċa l-kbira tkun mara—tibda billi jkollha l-mira li titlef ċertu ammont taʼ piż. Madankollu, meta tilħaq il-mira tagħha, ma tkunx sodisfatta. Meta tħares fil-mera, xorta tibqaʼ tara lilha nfisha ħoxna, u allura tiddeċiedi li jekk tnaqqas xi ftit iktar piż, dan ikun jerġaʼ aħjar. Dan iċ-ċiklu jkompli sa ma l-piż taʼ dik li tkun qed tagħmel id-dieta jinżel għal 15 fil-mija jew iktar taħt dak li hu kkunsidrat normali għat-tul tagħha.
F’dan il-punt, il-ħbieb u l-membri tal-familja jibdew jesprimu t-tħassib tagħhom li dik li tkun qed tagħmel id-dieta tkun saret tidher irqiqa żżejjed, saħansitra għadma u ġilda. Imma l-anoreksiċi jaraw l-affarijiet mod ieħor. “Ma kontx naħseb li kont nidher magħlub ħafna,” jgħid Alan, anoreksiku li hu twil 1.75 metri u li l-piż tiegħu f’ċertu punt niżel għal 33 kilo. “Iktar ma titlef piż,” jgħid hu, “iktar moħħok ma jibdiex jaħdem tajjeb u ma tkunx tistaʼ tara lilek innifsek sew.”a
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, l-anoreksija tistaʼ twassal għal problemi serji tas-saħħa, li jinkludu l-osteoporosi u ħsara lill-kliewi. Tistaʼ saħansitra twassal għall-mewt. “It-tabib tiegħi qalli li kont ċaħħadt lil ġismi minn tant nutrijenti illi kieku domt xahrejn oħra bid-drawwiet tiegħi fl-ikel kont immut kaġun taʼ nuqqas taʼ nutriment,” tgħid Heather. The Harvard Mental Health Letter tirrapporta li matul perijodu taʼ għaxar snin, madwar 5 fil-mija tan-nisa li jinstabu li huma anoreksiċi jmutu.
Il-Bulimija—Tiekol Kulma Tara u Tneħħi Kulma Tiekol
It-tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel magħruf bħala bulimia nervosa huwa kkaratterizzat milli wieħed jiekol kulma jara (jiblaʼ f’salt ammonti kbar taʼ ikel, forsi sa 5,000 kalorija jew iktar, drawwa magħrufa bħala bingeing) u mbagħad ineħħih (jiżvojta l-istonku, taʼ spiss billi jirremetti jew juża l-purganti).b
B’kuntrast maʼ l-anoreksija, il-bulimija mhux għalkemm wieħed jinduna biha. Dik li tbati minnha għandha mnejn ma tkunx irqiqa iktar min-normal, u d-drawwiet tagħha fl-ikel għandhom mnejn jidhru pjuttost normali—għall-inqas għall-oħrajn. Imma għall-bulimiċi, il-ħajja hija kollox minbarra normali. Tabilħaqq, dawn tant ikunu ffissati fuq l-ikel li ebda ħaġa oħra ma tkun importanti għalihom. “Iktar ma kont niffanga u nirremettih, inqas kien jimpurtani minn affarijiet jew nies oħrajn,” tgħid Melinda, li għandha 16-il sena. “Fil-fatt insejt kif niddeverti maʼ sħabi.”
Geneen Roth, kittieba u għalliema fil-qasam tat-taqlib konness maʼ l-ikel, tiddeskrivi okkażjoni meta wieħed jiffanga (binge) bħala “ferneżija taʼ nofs siegħa, mawra sa l-infern.” Hi tgħid li dak il-ħin “ma jkun jimpurtak minn xejn iktar—la mill-ħbieb, la mill-familja . . . Ma jkun jimpurtak minn xejn ħlief mill-ikel.” Tfajla oħra li tbati minnha, li jisimha Lydia u għandha 17-il sena, tiddeskrivi l-kundizzjoni tagħha permezz t’analoġija ħajja. “Inħossni qisni trakk taż-żibel,” tgħid hi. “Waddab ġewwa, għaffeġ, u armi ’il barra. Għal darba wara l-oħra, tibqaʼ tagħmel l-istess.”
Il-bulimiċi jkunu ddisprati biex jevitaw iż-żjieda fil-piż li tirriżulta normalment mill-ikel li jieklu bla kontroll. Għalhekk, immedjatament wara l-iffangar, jew iġegħlu lilhom infushom jirremettu jew inkella jieħdu l-purganti biex jeliminaw l-ikel qabel ma dan ikun jistaʼ jinbidel f’xaħam.c Filwaqt li s-sempliċi idea taʼ dan tistaʼ timbottak, il-bulimiċi taʼ l-esperjenza ma jħarsux lejha b’dan il-mod. “Iktar ma tiekol kulma tara u tneħħi kulma tiekol, iktar dan isir faċli għalik,” tispjega s-social worker Nancy Kolodny. “Għalkemm għall-ewwel tħoss li dan kollu jimbottak jew anki tħossok beżgħana, malajr tibda tħoss li ma tistax iżżomm lilek innifsek milli tirrepeti dawn id-drawwiet bulimiċi.”
Il-bulimija hi perikoluża għall-aħħar. Per eżempju, meta wieħed ineħħi dak li jiekol ripetutament billi jirremetti, ħalqu jibda jkun espost għal aċidi korrużivi taʼ l-istonku, li jistgħu jġegħlu lis-snien tal-bulimiċil jitilfu l-enamel tagħhom. Din il-prattika tistaʼ wkoll tagħmel ħsara lill-esofagu, lill-fwied, lill-pulmuni u lill-qalb taʼ dak li jkun. F’każi estremi, l-irremettar jistaʼ jikkaġuna ftuq fl-istonku u saħansitra l-mewt. L-użu eċċessiv tal-purganti wkoll jistaʼ jkun riskjuż. Dan jistaʼ jeqred il-funzjoni taʼ l-imsaren u jistaʼ jwassal ukoll għal li wieħed jibda jkollu d-dijaréa kontinwament u jkollu tnixxija taʼ demm mir-rektum. L-istess bħar-remettar ripetut, l-abbuż mill-purganti, f’każi estremi, jistaʼ jwassal għall-mewt.
Skond in-National Institute of Mental Health, il-każi taʼ taqlib konness maʼ l-ikel qegħdin jiżdiedu b’mod konsistenti. X’inhu dak li jqanqal lil żagħżugħa biex tilgħab mal-mewt billi toqtol lilha nfisha bil-ġuħ? Oħra għaliex issir daqshekk iffissata fuq l-ikel li tibda tiekol kulma tara u mbagħad issir tant iffissata fuq il-piż tagħha li tħossha mġegħla tneħħi dak li tkun kielet? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu analizzati fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Xi esperti jgħidu li jekk wieħed jitlef minn 20 sa 25 fil-mija tal-piż totali tiegħu, dan jistaʼ jipproduċi bidliet kimiċi fil-moħħ li għandhom mnejn jikkaġunaw tibdil fis-sens tiegħu taʼ perċezzjoni, u jġegħluh jara l-ħxuna fejn fil-fatt ma jkunx hemm.
b Li wieħed jiekol bla kontroll mingħajr ma jneħħi dak li jkun kiel ukoll huwa kkunsidrat minn xi wħud bħala tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel.
c Biex ma jiżdidux fil-piż, ħafna bulimiċi jagħmlu ħafna eżerċizzju kuljum. Xi wħud minnhom tant jirnexxilhom jitilfu l-piż li wara xi żmien isiru anoreksiċi, u wara dan għandhom mnejn daqqa jaġixxu t’anoreksiċi u daqqa taʼ bulimiċi.