LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 1/8 pp. 9-12
  • It-​taqlib Konness Maʼ L-​ikel X’jistaʼ Jgħin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-​taqlib Konness Maʼ L-​ikel X’jistaʼ Jgħin?
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Opinjoni Bilanċjata tad-​Dehra Fiżika
  • Sib “Ħabib” Veru
  • Meta Tkun Meħtieġa l-​Kura fl-​Isptar
  • Il-​Ħajja Mingħajr it-​Taqlib Konness maʼ l-​Ikel
  • X’Inhu Li Jikkaġuna T-​taqlib Konness Maʼ L-​ikel?
    Stenbaħ!—1999
  • Meta l-​Ikel Ikun L-​għadu Tiegħek
    Stenbaħ!—1999
  • L-​Anoreksija U L-​bulimija Il-​fatti, Il-​perikli
    Stenbaħ!—1999
  • Għala Jien Daqshekk Irqiq?
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 1/8 pp. 9-12

It-​taqlib Konness Maʼ L-​ikel X’jistaʼ Jgħin?

JEKK bintek tbati minn xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-​ikel, għandha bżonn l-​għajnuna. Toqgħodx tħalli l-​problema għal iktar tard għax tassumi li se tisparixxi waħedha. It-​taqlib konness maʼ l-​ikel huwa marda kkomplikata, li tinvolvi fatturi fiżiċi u emozzjonali.

M’għandniex xi ngħidu, l-​esperti pproponew għadd ġmielu taʼ kuri li jħalluk konfuż għall-​aħħar. Xi wħud jirrikkmandaw il-​mediċina. Oħrajn huma favur li tintuża l-​psikoterapija. Ħafna jgħidu li l-​iktar kura effettiva hija meta jintużaw dawn it-​tnejn flimkien. Imbagħad hemm il-​family counseling, li xi wħud jgħidu li hu vitali speċjalment jekk min ibati mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel għadu jgħix id-​dar.a

Għalkemm l-​esperti għandhom mnejn ikollhom metodi differenti kif jagħtu l-​kura, il-​biċċa l-​kbira jaqblu fuq għall-​inqas punt wieħed: It-​taqlib konness maʼ l-​ikel m’għandux x’jaqsam biss maʼ l-​ikel. Ejja neżaminaw xi ftit mill-​kwistjonijiet iktar profondi li tipikament ikun hemm bżonn li jiġu ttrattati meta xi ħadd ikun qed jingħata l-​għajnuna biex jirkupra mill-​anoreksija u l-​bulimija.

Opinjoni Bilanċjata tad-​Dehra Fiżika

“Waqaft għalkollox milli nixtri r-​rivisti tal-​moda meta kelli xi 24 sena,” tgħid waħda mara. “Meta kont noqgħod inqabbel lili nnifsi mal-​mudelli kien iħalli impatt qawwi u negattiv ħafna fuqi.” Bħalma diġà ddiskutejna, dak li naraw fl-​istampi jistaʼ jgħawweġ l-​opinjoni li tfajla jkollha taʼ dik li hi sbuħija. Tabilħaqq, waħda omm taʼ tifla li tbati mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel titkellem dwar “il-​pubbliċità li ma taqtaʼ xejn li ssir permezz tar-​reklami fil-​gazzetti u r-​rivisti tagħna u fuq it-​televixin biex inkunu rqaq, irqaq, irqaq.” Hi tgħid: “Kemm lili u kemm lil binti jogħġobna li nkunu żnelli, imma nħossu li dan l-​enfasi kontinwu fuq l-​irquqija jagħmilha tidher l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja, li tiġi qabel kollox.” Jidher ċar li biex wieħed jirkupra minn xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-​ikel għandu mnejn jirrikjedi li wieħed jadotta twemmin ġdid dwar x’inhi verament is-​sbuħija ġenwina.

Il-Bibbja tistaʼ tgħin f’dan ir-​rigward. L-​appostlu Kristjan Pietru kiteb: “Ħa tkun is-​sbuħija tagħkom mhux dik li tidher minn barra bħad-​dafra tax-​xagħar u t-​tiżjin tad-​deheb u l-​ilbies ilellex, imma dik li hi moħbija f’qalbkom, mlibbsa b’tiżjin li ma jitħassarx; hi l-​qalb ħelwa u twajba tagħkom; dan hu li Alla jgħożż ħafna.”​—1 Pietru 3:​3, 4.

Pietru qiegħed jgħid li għandna nkunu iktar ikkonċernati dwar kwalitajiet ġewwinija milli dwar dak li jidher minn barra. Tabilħaqq, il-​Bibbja tiżgurana: “Il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.” (1 Samwel 16:7) Dan huwa taʼ faraġ għalina, għaliex filwaqt li ma nistgħux inbiddlu ċerti aspetti taʼ suritna, dejjem nistgħu ntejbu x-​xorta taʼ persuna li aħna.​—Efesin 4:​22-24.

Ladarba t-​taqlib konness maʼ l-​ikel jistaʼ jiffjorixxi meta wieħed ikollu opinjoni baxxa tiegħu nnifsu, għandu mnejn ikun jeħtieġlek tqis lilek innifsek mill-​ġdid bħala persuna. Veru, il-​Bibbja tgħidilna biex ma naħsbux dwarna nfusna iktar milli hu neċessarju. (Rumani 12:3) Imma din tgħidilna wkoll li saħansitra għasfur tal-​bejt żgħir għandu valur f’għajnejn Alla, u żżid: “Intom aktar minn ħafna għasafar tal-​bejt tiswew.” (Luqa 12:​6, 7) Għalhekk, il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tiżviluppa l-​istima li għandu jkollok tiegħek innifsek. Apprezza lil ġismek, għax jekk tagħmel dan, se tieħu ħsiebu.​—Qabbel Efesin 5:29.

Imma xi ngħidu jekk veru għandek bżonn titlef mill-​piż? Forsi dieta tajba u programm t’eżerċizzju jistgħu jgħinuk. Il-​Bibbja fil-​fatt tgħid li ‘t-​taħriġ tal-​ġisem jiswa’ anki jekk sa ċertu limitu biss. (1 Timotju 4:8) Imma qatt m’għandek issir iffissata fuq il-​piż tiegħek. “Forsi l-​iktar korsa għaqlija,” kienet il-​konklużjoni taʼ stħarriġ dwar id-​dehra fiżika, “hi li tagħmel ħafna eżerċizzju​—u taċċetta lilek innifsek kif int pjuttost milli tipprova tibdel lilek innifsek fl-​ideal ristrett li deffist f’moħħok.” Waħda mara taʼ 33 sena mill-​Istati Uniti sabet li dan il-​metodu huwa t’għajnuna. “Dejjem kelli regola waħda sempliċi,” tgħid hi. “Aħdem fuq li ttejjeb dak li tistaʼ tbiddel b’mod realistiku, u toqgħodx taħli ż-​żmien tinkwieta fuq il-​bqija.”

Jekk jibda jkollok opinjoni pożittiva lejn il-​ħajja u maʼ dan iżżid dieta tajba u programm raġunevoli t’eżerċizzju, x’aktarx li l-​kilojiet li suppost titlef, titlifhom.

Sib “Ħabib” Veru

Wara li għamel studju fuq numru taʼ bulimiċi, il-​Professur James Pennebaker ikkonkluda li f’ħafna każi, iċ-​ċiklu tagħhom li jieklu kulma jaraw u mbagħad ineħħu dak li jieklu kien qed iġiegħel lil dawn in-​nisa jgħixu ħajja doppja. Hu jgħid: “Tistaʼ tgħid kull waħda minnhom minn jeddha ammettiet li kien jirrikjedi ammont eċċessiv taʼ ħin u sforz biex taħbi d-​drawwiet tagħha fl-​ikel mill-​ħbieb tal-​qalb u mill-​familja tagħha. Kollha kemm huma kienu qed jgħixu ħajja taʼ gideb u kienu ddiżgustati b’dak li kienu qed jagħmlu.”

Għalhekk, pass ewlieni biex tirkupra hu li ma tibqax siekta. Kemm l-​anoreksiċi u kemm il-​bulimiċi għandhom bżonn jitkellmu dwar il-​problema. Imma maʼ min? Proverbju mill-​Bibbja jgħid: “Il-​ħabib [“veru,” New World Translation] iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.” (Proverbji 17:17) Dan il-​“ħabib” veru jistaʼ jkun xi ħadd mill-​ġenituri jew xi adult matur ieħor. Xi wħud sabu li hu neċessarju wkoll li jiftħu qalbhom maʼ xi ħadd li għandu l-​esperjenza f’li jagħti l-​kura lil nies li jbatu mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom sors t’appoġġ ieħor​—l-​anzjani tal-​kongregazzjoni. Dawn l-​irġiel jistgħu jkunu “bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:​2) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani m’humiex tobba, u għalhekk, minbarra l-​pariri utli tagħhom, xorta għandu mnejn ikollok bżonn kura medika. Minkejja dan, dawn l-​irġiel ikkwalifikati spiritwalment jistgħu jappoġġawk b’mod taʼ l-​għaġeb int u tirkupra.b​—Ġakbu 5:​14, 15.

Madankollu, l-​iktar ħabib li miegħu tistaʼ tiftaħ qalbek jistaʼ jkun il-​Ħallieq tiegħek. Is-​salmista kiteb: “Ħalli xortik [“it-​tagħbija tiegħek,” Karm Żammit] f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.” (Salm 55:23 [55:​22, NW]) Iva, Alla Jehovah jinteressah minn uliedu fuq l-​art. Għalhekk, qatt tittraskura t-​talb tiegħek lilu dwar l-​akbar ansjetajiet tiegħek. Pietru jwiddibna: “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”​—1 Pietru 5:7.

Meta Tkun Meħtieġa l-​Kura fl-​Isptar

Li wieħed jidħol l-​isptar għall-​kura ma jfissirx li se jfiq. Madankollu, jekk tifla saret malnutrita minħabba każ serju taʼ anoreksija, għandu mnejn ikun neċessarju għaliha li tingħata kura speċjalizzata. Irridu nammettu li m’huwiex faċli għal xi ġenitur li jieħu dan il-​pass. Ħu l-​każ taʼ Emily, li bintha kellha tidħol l-​isptar għall-​kura wara li l-​ħajja saret, kif tpoġġiha Emily, “intollerabbli għaliha u għalina.” Hi żżid: “Li niħduha l-​isptar u nħalluha hemm, tibki u tolfoq, kienet l-​iktar ħaġa iebsa li qatt għaddejt minnha, l-​agħar ġurnata taʼ ħajti.” Elaine, li wkoll kellha ddaħħal lil bintha l-​isptar, għaddiet minn esperjenza simili. “Naħseb li l-​agħar mument li nistaʼ niftakar,” tgħid hi, “huwa meta kienet l-​isptar u rrifjutat li tiekol u kellhom jitimgħuha minn ġol-​vini permezz taʼ pajp. Ħassejt li kienu qerdulha r-​reżistenza.”

Li tidħol l-​isptar għall-​kura ma tantx hu ħsieb pjaċevoli, imma f’xi każi dan jistaʼ jkun neċessarju. Għal xi wħud minn dawk li jbatu mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel, dan iwitti t-​triq biex jirkupraw. Emily tgħid dwar bintha: “Veru kellha bżonn tidħol l-​isptar għall-​kura. Kienet il-​kura fl-​isptar li tassew għenitha biex tibda tfiq.”

Il-​Ħajja Mingħajr it-​Taqlib Konness maʼ l-​Ikel

Bħala parti mill-​proċess taʼ rkuprar, dawk li jbatu mill-​anoreksija jew mill-​bulimija għandhom bżonn jitgħallmu jgħixu mingħajr it-​taqlib konness maʼ l-​ikel. Dan jistaʼ jkun diffiċli. Kim, per eżempju, tikkalkula li fil-​fażi meta kienet tbati mill-​anoreksija, tilfet 18-il kilo f’għaxar xhur. Madankollu, biex terġaʼ ttellaʼ 16 minn dawk il-​kilojiet damet disaʼ snin! “B’diffikultà kbira,” tgħid Kim, “bil-​mod il-​mod tgħallimt nerġaʼ nibda niekol normali, mingħajr ma noqgħod ngħodd kull kalorija, inkejjel kemm kont se niekol, niekol biss ikel li fih ftit kaloriji, nippanikja jekk ma nkunx naf x’ingredjenti hemm f’xi casserole jew f’xi deżerta, jew niekol biss f’restoranti li jservu l-​insalata.”

Imma għal Kim, il-​proċess taʼ rkuprar kien jinkludi xi ħaġa oħra. “Tgħallimt nagħraf u nesprimi s-​sentimenti tiegħi bil-​kliem pjuttost milli bl-​azzjoni jew bl-​imġiba tiegħi f’konnessjoni maʼ l-​ikel,” tgħid hi. “Billi sirt konxja taʼ modi ġodda kif niffaċċja u nsolvi konflitti m’oħrajn infetaħli l-​bieb għal relazzjonijiet iktar mill-​qrib mal-​ħbieb u mal-​familja.”

Jidher ċar li huwa taʼ sfida biex wieħed jirkupra mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel, imma fl-​aħħar mill-​aħħar, dan jiswieh l-​isforz. Hekk taħseb Jean, li kkwotajnieha fl-​ewwel artiklu f’din is-​serje. “Li nerġaʼ lura għal li niekol bħalma kont meta kont marida,” tgħid hi, “ikun bħallikieku nerġaʼ lura ġo kamra tal-​lastku wara li nkun għext barra minnha għal xi żmien.”

[Noti taʼ taħt]

a Stenbaħ! ma japprovax xi tip partikulari taʼ kura. Il-​Kristjani għandhom jiddeċiedu għalihom infushom, billi jkunu ċerti li kwalunkwe tip taʼ kura li jieħdu ma tkunx f’konflitt maʼ prinċipji Bibliċi. Oħrajn m’għandhomx jikkritikaw jew jiġġudikaw dawn id-​deċiżjonijiet.

b Għal iktar informazzjoni dwar kif tistaʼ tgħin lill-​anoreksiċi u lill-​bulimiċi, ara l-​artiklu “Helping Those With Eating Disorders,” fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Frar, 1992 u s-​serje “Eating Disorders​—What Can Be Done?,” fil-​ħarġa tat-​22 taʼ Diċembru, 1990.

[Caption f’paġna 10]

Hemm bżonn li wieħed ikun paċenzjuż, komprensiv, u juri ħafna mħabba biex jgħin lil xi ħadd li jbati juri ħafna mħabba biex jgħin lil xi ħadd li jbati mit-​taqlib konness maʼ l-​ikel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja