X’Inhu Li Jikkaġuna T-taqlib Konness Maʼ L-ikel?
“It-taqlib konness maʼ l-ikel ma jiġix f’daqqa waħda, mix-xejn. Huwa sintomu, sinjal li hemm xi ħaġa ħażina fil-ħajja taʼ persuna.”—Nancy Kolodny, social worker.
IT-TAQLIB konness maʼ l-ikel m’huwiex xi ħaġa ġdida. L-ewwel dijanjosi formali taʼ l-anorexia nervosa saret fl-1873, u r-rapporti juru li s-sintomi ilhom jiġu osservati minn xi 300 sena ilu. Madankollu, mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, in-numru t’anoreksiċi jidher li żdied b’mod drammatiku. Is-sitwazzjoni hija simili fil-każ tal-bulimija. Din il-kundizzjoni ilha magħrufa għal sekli sħaħ, imma fi snin reċenti, bħalma jpoġġiha wieħed mill-kotba dwar dan is-suġġett, din “splodiet fix-xena.”
X’inhu li jikkaġuna t-taqlib konness maʼ l-ikel? Huwa dan xi ħaġa li tintiret, jew huwa xi reazzjoni mhux tas-soltu għal kultura li tigglorifika l-irquqija? Liema parti jilgħab l-ambjent tal-familja? Dawn il-mistoqsijiet mhux faċli li jitwieġbu. Bħalma tgħid is-social worker Nancy Kolodny, li wieħed jagħti definizzjoni taʼ xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel “m’huwiex xi ħaġa li faċli taqbad tarf tagħha, bħal meta tagħmel dijanjosi taʼ kundizzjoni medika bħall-ħożba jew il-ġidri r-riħ, fejn it-tabib ikun jaf eżatt x’inhu l-kaġun, kif taqbdek, kemm se ddum biex tfiq, u liema hi l-aħjar kura.”
Minkejja dan, xi riċerkaturi jindikaw li hemm għadd taʼ fatturi li għandhom mnejn jikkontribwixxu biex jiżviluppa t-taqlib konness maʼ l-ikel. Ejja nikkunsidraw xi ftit minnhom.
Il-Kultura taʼ l-Irquqija
F’pajjiżi sinjuri, l-industrija tal-moda tippreżenta fuq il-palk mudelli nexfin qishom aringa quddiem udjenza żagħżugħa li faċli timpressjona ruħha, u b’hekk iddeffsilhom f’moħħhom l-idea li tfajla hija sabiħa biss jekk tkun irqiqa. Dan il-messaġġ qarrieqi jġiegħel lil ħafna nisa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ikollhom piż li huwa kemm ħażin għal saħħithom kif ukoll, m’huwiex realistiku. Dr. Christine Davies tosserva: “It-tul medju taʼ mara huwa 1.65 metri, u l-piż medju huwa taʼ 66 kilo. It-tul medju taʼ mudella huwa 1.8 metri u l-piż medju 50 kilo. Ħamsa u disgħin fil-mija minna m’għandhomx qisien li jħabbtuha maʼ dawn, u qatt ma se jkollhom.”
Minkejja dan il-fatt, xi nisa jmorru fl-estrem biex jiksbu dak li jaħsbu li hu l-ġisem ideali. Per eżempju, fi stħarriġ li sar fl-1997 taʼ 3,452 mara, 24 fil-mija qalu li kienu lesti li jissagrifikaw tliet snin minn ħajjithom biex jilħqu l-mira tagħhom fil-piż. Għal minoranza sinjifikanti, l-istħarriġ kien jgħid, “il-ħajja jkun jiswa li tgħixha biss jekk tkun irqiqa.” Ladarba 22 fil-mija taʼ dawk mistħarrġin qalu li l-mudelli taʼ fuq ir-rivisti tal-moda influwenzaw id-dehra fiżika tagħhom meta kienu għadhom żgħar, ir-rapport ikkonkluda: “Ma nistgħux niċħdu iktar il-fatt li d-dehra fiżika tal-mudelli li jidhru fuq l-istampi għandha effett terribbli fuq il-mod kif in-nisa jaraw lilhom infushom.”
M’għandniex xi ngħidu, dawk li l-iktar qegħdin fil-periklu li jisfaw vittmi taʼ l-ideal artifiċjali taʼ fuq l-istampi huma dawk li l-ewwelnett, ma jħossuhomx tajjeb dwarhom infushom. Bħalma tgħid Ilene Fishman, li hija social worker li taħdem fi klinika, “kollox jiddependi fuq l-istima li wieħed ikollu tiegħu nnifsu.” Ġie nnotat li dawk li jaċċettaw id-dehra fiżika tagħhom rari jiżviluppaw fissazzjonijiet fuq l-ikel.
L-Ikel u l-Emozzjonijiet
Ħafna esperti jgħidu li hemm iktar involut f’li wieħed ikun ibati minn xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel milli l-ikel innifsu. “It-taqlib konness maʼ l-ikel huwa bandiera ħamra,” tgħid is-social worker Nancy Kolodny, “li tkun qed tgħidlek li hemm bżonn li tagħti attenzjoni lil xi sitwazzjoni f’ħajtek li qed tinjoraha jew tevitaha. It-taqlib konness maʼ l-ikel huwa tfakkira li int qed iżżomm mistur dak kollu li jwassal għall-istress u l-frustrazzjonijiet li qed tgħaddi minnhom.”
Liema tip taʼ stress u frustrazzjonijiet? Għal xi wħud, dan jistaʼ jinvolvi xi inkwiet fil-familja. Per eżempju, Geneen Roth tiftakar li fi tfulitha, l-ikel—b’mod partikulari, il-ħelu—kien sar “id-difiża tagħha meta jibdew jinstabtu l-bibien u jinstemgħu l-ilħna rrabjati.” Hi tgħid: “Meta kont ninduna li ġejja xi ġlieda bejn il-ġenituri tiegħi, kont indawwar il-konċentrazzjoni tiegħi, li għalija kien ħafif daqs li ndawwar l-istazzjon tat-TV, milli noqgħod naħseb li m’għandi ebda mod kif nipproteġi lili nnifsi minn ommi u missieri għal li nħossni f’dinja fejn xejn ma jeżisti ħliefi u l-ħlewwa li kelli ġo ħalqi.”
Xi kultant, it-taqlib konness maʼ l-ikel ikollu għeruq jerġaʼ iktar fondi. Per eżempju, The New Teenage Body Book josserva: “L-istudji juru li dawk li jkollhom trawma sesswali (abbuż jew molestar) għandhom mnejn li mingħajr ma jkunu jafu, jipprovaw jipproteġu lilhom infushom billi jagħmlu lil ġisimhom jidher mhux attraenti sesswalment u billi jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq xi ħaġa bla periklu, bħall-ikel.” M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex naqbdu u nikkonkludu li xi ħadd li jbati minn xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel ġie mmolestat sesswalment.
It-taqlib konness maʼ l-ikel jistaʼ jibda jiżviluppa meta kollox ikun jidher li hu ward u żahar. Tabilħaqq, waħda mill-kandidati ideali għall-anoreksija tistaʼ tkun tifla li tgħix f’ambjent li fih m’hijiex ħielsa li tagħmel id-deċiżjonijiet li trid jew li tesprimi s-sentimenti negattivi tagħha. Minn barra, tkun tidher li din tikkoopera; imma minn ġewwa tħossha mħawda u li m’għandhiex kontroll fuq ħajjitha. Billi m’għandhiex il-kuraġġ li tirribella bil-miftuħ, hi tiffoka fuq l-unika parti minn ħajjitha li tistaʼ tikkontrolla—ġisimha.
Madankollu, irid jiġi nnotat li t-taqlib konness maʼ l-ikel m’huwiex dejjem ir-riżultat taʼ xi inkwiet fil-familja jew taʼ trawma sesswali. Xi wħud jiżviluppaw xi tip taʼ taqlib konness maʼ l-ikel sempliċement għaliex il-piż ikun fattur dominanti fil-familja. Forsi xi ħadd mill-ġenituri jiżen iktar milli suppost jew ikun dejjem bid-dieta u joħloq attitudni taʼ li wieħed irid joqgħod attent iżżejjed mill-ikel—jew saħansitra attitudni taʼ biżaʼ. Għal oħrajn, il-bidu tal-pubertà nnifsu jkun fattur. Il-bidliet fil-ġisem li huma parti integrali mill-proċess taʼ transizzjoni lejn l-istat taʼ adult jistgħu jġegħlu lit-tifla taħseb li hi ħoxna—speċjalment jekk timmatura qabel sħabha. Għandha mnejn tuża metodi estremi biex tevita li jkollha l-kurvi taʼ mara jekk issib li din il-bidla tbeżżagħha.
Minbarra li jsemmu fatturi emozzjonali, xi riċerkaturi jgħidu li jistaʼ jkun hemm fatturi fiżiċi involuti. Per eżempju, huma jġibu għall-attenzjoni li l-bulimija għandha mnejn ikollha l-għeruq tagħha fil-proċessi kimiċi taʼ moħħ min ikun ibati minnha. Huma jsostnu li hemm involuta dik il-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-burdati u l-aptit u li dan jistaʼ jispjega għala l-antidepressants xi drabi jkunu effettivi f’li jtaffu s-sintomi tal-bulimiċi.
Hu x’inhu l-każ, huwa diffiċli għar-riċerkaturi li jiddeterminaw bi preċiżjoni xi fattur wieħed li jikkaġuna l-anoreksija u l-bulimija. Imma x’jistaʼ jsir biex tingħata għajnuna lil dawk li qegħdin jiġġieldu maʼ dawn it-tipi taʼ taqlib konness maʼ l-ikel?
[Stampa f’paġna 7]
L-anoreksiċi taʼ spiss ikollhom opinjoni mgħawġa dwar l-apparenza tagħhom
[stampa f’paġna 8]
Dak li naraw fl-istampi jippromwovi l-idea li biex tkun sabiħa trid tkun irqiqa