L-Użu Tas-Slielem Dawn l-Affarijiet Tiċċekkjahom għas-Sigurtà?
Minn korrispondent taʼ STENBAĦ! fl-Irlanda
PAUL ried jibdel bozza maqtugħa fil-fanal taʼ barra tad-dar tiegħu. Ried ukoll inaddaf it-twieqi taʼ fuq minn barra—martu kienet ilha tgħidlu bihom. Imma Paul baqaʼ jħalli dan ix-xogħol għal ġurnata oħra. Għala? Għax kellu juża s-sellum.
Wieħed jistaʼ jifhem il-biżaʼ tiegħu. Kien jaf li l-inċidenti li jinvolvu s-slielem jistgħu jikkaġunaw ġrieħi serji u anki fatali. Dawn taʼ spiss jiġru għaliex il-ħaddiem ma jkunx ħaseb biżżejjed dwar kif għandu juża s-sellum kif suppost.
Qabel ma medd idejh għal dan ix-xogħol, Paul x’kellu bżonn iqis dwar is-slielem? Dawn huma għaxar suġġerimenti li lil Paul għenuh biex jagħmel l-affarijiet sew ħalli ma jweġġax.
Huwa s-Sellum kif Għandu Jkun?
1 Uża sellum addattat. X’aktarx li jkollok tiġġebbed iżżejjed jekk is-sellum ikun qasir wisq. Forsi jkollok tpoġġih f’angolu perikoluż jekk ikun twil iżżejjed. Evita li tuża forċi biex titlaʼ fuq ir-raff. Waħħal sellum addattat mar-raff tiegħek, jew inkella uża sellum normali li sserrħu maʼ xi mkien.
2 Ifli s-sellum tiegħek bir-reqqa. Is-sellum kien miżmum barra? Is-slielem taʼ l-injam jisimnu meta jixxarrbu u jogħlbu meta jinxfu. Maż-żmien, l-iskaluni jistgħu jillaxkaw, u s-sellum ma jibqax sod. Hemm xi skaluni taʼ l-injam xpakkati, jew forsi qegħdin juru xi sinjali taʼ tmermir? Ħafna drabi, taħt kull skaluna taʼ l-injam ikun hemm virga tal-ħadid bħala appoġġ. Qegħda din f’postha u mwaħħla sew? Il-viti u l-boltijiet li ntużaw biex iwaħħlu l-iskaluni tal-ħadid mal-waqqafiet inkisru jew issaddu? Slielem akbar li jitwalu jistgħu jkollhom it-taljoli u l-ħbula. It-taljoli jaħdmu sew? Il-ħabel juri sinjali taʼ ħafna użu, u għadu twil biżżejjed? Agħmel it-tiswijiet u t-tibdiliet kollha minnufih.
L-iskaluni taʼ spiss ikollhom kanali mnaqqxin fihom biex dak li jkun ma jiżloqx. Kun ċert li tneħħi kwalunkwe ħmieġ li jinġabar fil-kanali. Is-slielem kollha għandu jkollhom għata mas-saqajn biex is-sellum ma jiżloqx. Iċċekkja li dawn qegħdin hemm u li m’humiex mgħarrqin iżżejjed.
3 Ittrasporta s-slielem bla periklu. Meta niġu għal karozza, orbot is-sellum maʼ carrier apposta għas-slielem, jew għallinqas orbtu minn żewġ bnadi maʼ karru rmonkat mill-karozza. Sellum twil abbli jibqagħlu biċċa ħierġa ’l barra minn wara l-karozza, għalhekk orbot biċċa drapp mat-tarf sabiex dak li jkun qed isuq warajk jinduna bih faċilment.
Ikun inqas perikoluż jekk sellum twil jinġarr minn tnejn min-nies. Imma jekk ikollok iġġorr wieħed waħdek u tagħżel li ġġorru mimdud, żomm is-sellum sod fuq spalltek b’id waħda, filwaqt li tuża l-id l-oħra biex iżżommlu l-bilanċ. Sabiex tevita li tolqot lil xi ħadd, żomm il-parti taʼ quddiem għolja iktar minn tul taʼ bniedem. Ftakar, iżda, li wara għandek l-istess tul taʼ sellum li għandek quddiemek! Il-kummidjanti jagħmluha tidher tad-daħq meta xi ħadd jintlaqat minn sellum. Fil-verità, iżda, din qatt m’hija xi ħaġa tad-daħq—speċjalment jekk int tkun il-wieħed li jweġġaʼ.
Meta s-sellum iġġorru wieqaf, itfaʼ l-piż fuq il-parti taʼ fuq taʼ ġismek, billi tuża id waħda biex iġġorru u l-id l-oħra, mgħollija ’l fuq minn spalltek, biex tibbilanċjah. Oqgħod attent għal xi wajers għaddejjin ’il fuq minn rasek, fanali tad-dawl, u tabelli!
4 Poġġi s-sellum sew. Għas-sigurtà, is-sellum m’għandux ikun immejjel fuq ġenb u għandu jserraħ mal-ħajt f’angolu taʼ 75 grad minn maʼ l-art.
5 Ipprovdi appoġġ għal fuq u għal isfel. Oqgħod attent fejn isserraħ il-parti taʼ fuq tas-sellum. Kun ċert li l-wiċċ taʼ fuq taʼ fejn se jserraħ is-sellum huwa sod u ma jiżloqx. Qatt m’għandek isserraħ is-sellum mal-ħġieġ jew mal-plastik. Fejn ikun possibbli, orbtu sew maʼ xi mkien, u l-ponta tas-sellum għandha tkun madwar metru ogħla minfejn qed iserraħ is-sellum mal-ħajt.
Oqgħod attent b’mod partikulari li meta titlaʼ fuq is-sellum għall-ewwel darba, torbtu min-naħa taʼ fuq. Is-sellum mhux se jkun sod l-ewwel darba li titilgħu, u lanqas ma se jkun sod l-aħħar darba li tinżlu, wara li tkun ħallejtu minn fuq. Biex is-sellum ikun sod l-ewwel darba u l-aħħar darba li tużah, qabbad lil xi ħadd iżommlok is-sellum minn isfel sakemm titlaʼ jew tinżel. Madankollu, dan huwa effettiv biss meta s-sellum ma jkunx itwal minn 5 metri.
Jekk l-art taʼ ħdejn il-bini hija mżerżqa, poġġi xi ħaġa tqila ħdejn il-bażi tas-sellum jew orbot waħda mill-iskaluni taʼ isfel maʼ xi ħaġa. Jekk l-art m’hijiex indaqs imma solida, uża feles biex tillivella l-art. Uża tavla taʼ l-injam jew xi ħaġa simili biex toħloq bażi soda jekk l-art tkun ratba jew ramlija.
Jekk se tuża forċi, qis li l-erbaʼ saqajn ikunu qegħdin imissu sew maʼ l-art, biż-żewġ naħiet miftuħin sew u li kwalunkwe lukketti jkunu maqfulin sew f’posthom.
Int Protett?
6 Iċċekkja ż-żarbun tiegħek. Qabel ma tuża sellum, qis li l-qiegħ taż-żarbun tiegħek ikun niexef. Neħħi kwalunkwe ħaġa, bħalma huwa t-tajn, li tistaʼ tiżloq bih.
7 Ġorr l-affarijiet bil-galbu. Sabiex ikollok idejk it-tnejn liberi waqt li tuża s-sellum, jekk ikun possibbli, ġorr l-għodda ġo barżakka li tkun imqabbda maċ-ċintorin. Ipprova sib metodi oħra taʼ kif iġġorr oġġetti goffi, imma jekk ikollok tuża sellum, żomm l-id il-vojta f’kuntatt mas-sellum il-ħin kollu billi sserraħha mal-ġenb tas-sellum int u tielaʼ jew nieżel. Ħudha bil-mod u imxi pass pass, u m’għandekx għalfejn tgħaġġel.
Jekk se tuża għodod li jaħdmu bid-dawl, qatt m’għandek tuża idejk it-tnejn biex tħaddimhom. Per eżempju, driller jistaʼ f’daqqa waħda jeħel jew jiżloq, u minħabba f’hekk titlef il-bilanċ u taqaʼ. Qatt m’għandek tissettja l-għodod fuq l-on; dawn jistgħu jaqgħulek waqt li jkunu għadhom mixgħulin.
8 Aħseb f’ħaddieħor. Jekk qed taħdem f’post pubbliku, poġġi s-sellum fejn jistaʼ jarah kulħadd u, jekk ikun possibbli, dawwar is-sellum b’xi ħaġa sabiex in-nies ma jersqux lejh. Jekk ikollok iddur maʼ kantuniera bis-sellum, żomm f’moħħok li ħaddieħor jistaʼ ma jkunx jaf bik. Għid x’bi ħsiebek tagħmel biex twissi lin-nies, u iċċekkja li t-triq hija vojta.
Meta jkollok l-għodda miegħek fuq is-sellum, ftakar li anki daqsxejn taʼ tornavit jistaʼ jweġġaʼ lil xi ħadd meta jaqaʼ mill-għoli. Jekk ikollok tillarga għal xi raġuni u ma rnexxilekx torbot is-sellum, ġib lil xi ħadd biex joqgħodlok għassa jew poġġi s-sellum bil-galbu maʼ l-art sakemm terġaʼ tiġi. Tħallix is-sellum waħdu.
9 Iċċekkja l-istat taʼ saħħtek. Peress li l-użu tas-slielem huwa primarjament kwistjoni taʼ bilanċ u ritmu, tużahx jekk tħossok ma tiflaħx jew imdardar jew jekk tbati mill-istordamenti.
10 Użah kif suppost. F’kull ħin u f’kull mument, kun konxju tas-sigurtà. Qatt m’għandek tħalli tnejn min-nies jew iktar jitilgħu fuq is-sellum fl-istess ħin. Qatt m’għandek tużah meta jkun hemm il-buffuri tar-riħ. Qatt m’għandek titlaʼ sa l-iskaluna taʼ fuq tal-forċi jew ’il fuq iktar mir-rabaʼ skaluna minn fuq taʼ sellum twil. Qatt m’għandek tiftaħ iżżejjed sellum li jitwal; dejjem ħalli minn taʼ l-inqas tliet skaluni mrikkbin fuq xulxin. Qatt m’għandek tiġġebbed iżżejjed. Jekk tiġġebbed iżżejjed waqt li tkun fuq sellum, ikun faċli li titlef il-bilanċ u taqaʼ. Minflok ma tirriskja li tweġġaʼ, ċaqlaq is-sellum, anki jekk dan ifisser li ddum iktar biex tlesti x-xogħol. Meta tkun tielaʼ, ħares dritt quddiemek.
Tieħu kemm tieħu prekawzjonijiet, xi periklu dejjem se jkun hemm meta tuża sellum. Forsi tistaʼ tnaqqashom bl-għajnuna taʼ dawn is-suġġerimenti. Lil Paul għenuh. Billi segwiehom, irnexxielu jwaħħal mingħajr periklu l-bozza li kellu fil-fanal taʼ barra. U t-tindif tat-twieqi? U iva, jagħmilhom darb’oħra . . . forsi!
[Stampi f’paġna 19, 20]
1 Uża sellum addattat
2 Ifli s-sellum tiegħek bir-reqqa
3 Ittrasporta s-slielem bla periklu
4Poġġi s-sellum sew
5 Ipprovdi appoġġ għal fuq u għal isfel
6 ż-żarbun tiegħek
7 Ġorr l-affarijiet bil-galbu
8 Aħseb f’ħaddieħor
9 Iċċekkja l-istat taʼ saħħtek
10 Użah kif suppost