Il-Ħarsa tal-Bibbja
Ħarsa Bilanċjata Lejn Drawwiet Popolari
“M’HEMM L-EBDA TIP TAʼ KONDOTTA LI MA ĠIETX F’XI ŻMIEN JEW POST KUNDANNATA, U LI F’XI ŻMIEN JEW POST IEĦOR ĠIET ORDNATA LI SSIR BĦALA DMIR.”
B’DIN l-osservazzjoni, l-istudjuż Irlandiż taʼ l-istorja William Lecky jiġbor in-natura xejn soda tal-bniedem. Il-kummenti tiegħu jistgħu japplikaw ukoll għad-drawwiet u t-tradizzjonijiet taʼ matul l-istorja. Tabilħaqq, ħafna prattiċi li kienu jitħarsu bħala parti essenzjali mill-ħajja taʼ kuljum ġew kundannati meta għadda ż-żmien. Dan ma jissorprendiniex, għax bħalma l-appostlu Kristjan Pawlu nnota, “is-sura taʼ din id-dinja [“qegħda tinbidel,” NW].”—1 Korintin 7:31.
Iva, is-soċjetà umana hija fi stat taʼ tibdil li ma jaqtaʼ qatt. Dan huwa taʼ spiss rifless fil-bidliet kbar li jsiru fl-attitudnijiet u fid-drawwiet soċjali. Il-Kristjani m’għandhom ikunu l-“ebda parti mid-dinja”—jiġifieri, huma jibqgħu separati mis-soċjetà umana li hija mbegħda minn Alla. Xorta waħda, il-Bibbja tirrikonoxxi li l-Kristjani huma “fid-dinja,” u ma tikkmandahomx biex ikunu eremiti. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jkollna ħarsa bilanċjata lejn id-drawwiet.—Ġwann 17:11, 14-16, NW; 2 Korintin 6:14-17; Efesin 4:17-19; 2 Pietru 2:20.
Id-Drawwiet x’Inhuma?
Id-drawwiet huma prattiċi li japplikaw għall-ħajja soċjali u huma komuni għal xi post jew klassi partikulari taʼ nies. Għandu mnejn li xi drawwiet, bħall-manjieri taʼ waqt ħin l-ikel, kif ukoll l-etikett, kellhom isiru minħabba l-bżonn li tiġi regolata l-imġiba tan-nies meta jkunu f’attivitajiet bħala grupp. Dan għen biex dawn ikunu jistgħu jassoċjaw bejniethom b’mod ċivili u rispettabbli. F’każi bħal dawn, il-manjieri soċjali jistgħu jitqiesu bħallikieku kienu żejt, peress li huma jillubrikaw ir-roti tar-relazzjonijiet umani.
Id-drawwiet ġew influwenzati profondament mir-reliġjon. Fil-fatt, ħafna minnhom ġew minn superstizzjonijiet antiki u ideat reliġjużi mhux Bibliċi. Per eżempju, l-għoti taʼ fjuri meta jiġi nieqes xi ħadd jistaʼ jkun li oriġina minn superstizzjoni reliġjuża.a Flimkien maʼ dan, il-kulur blu—taʼ spiss assoċjat maʼ trabi subien—kien maħsub li jbeżżaʼ lix-xjaten. Il-maskara kienet isservi bħala protezzjoni kontra min jgħajjen, waqt li l-lipstik kien jintuża biex jiskuraġġixxi lix-xjaten milli jidħlu f’ħalq in-nisa u jippussessawhom. Saħansitra drawwa insinjifikanti bħal li tgħatti ħalqek meta tittewweb jistaʼ jkun li ħarġet mill-idea li r-ruħ taʼ dak li jkun tistaʼ taħrab minn ħalq miftuħ beraħ. Mas-snin, madankollu, il-konnessjonijiet reliġjużi spiċċaw fix-xejn, u llum dawn il-prattiċi u d-drawwiet m’għandhom l-ebda sinjifikat reliġjuż.
Dak li Jikkonċerna lill-Kristjani
Meta Kristjan ikollu jiddeċiedi jekk jiħux sehem f’xi drawwa partikulari jew le, għandu jikkonċerna ruħu primarjament minn dan, X’inhi l-ħarsa t’Alla kif murija fil-Bibbja? Fil-passat Alla kkundanna ċerti prattiċi li forsi kienu tollerati f’xi komunitajiet. Dawn inkludew s-sagrifiċċji tat-tfal, l-użu ħażin tad-demm, u diversi prattiċi sesswali. (Levitiku 17:13, 14; 18:1-30; Dewteronomju 18:10) Bl-istess mod, ċerti drawwiet li huma komuni llum, b’mod ċar, m’humiex fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja. Fost dawn hemm tradizzjonijiet mhux Bibliċi konnessi maʼ btajjel reliġjużi bħall-Milied u l-Għid jew maʼ prattiċi superstizzjużi li għandhom x’jaqsmu maʼ l-ispiritiżmu.
Imma xi ngħidu dwar drawwiet li xi darba kienu konnessi maʼ prattiċi dubjużi imma li llum jitqiesu primarjament bħala etikett soċjali? Per eżempju, ħafna drawwiet popolari li jsiru fit-tiġijiet—inkluż il-fatt li jingħataw iċ-ċrieket u li jittiekel il-kejk—jistaʼ jkollhom oriġini pagana. Ifisser dan li l-Kristjani huma projbiti li josservaw drawwiet bħal dawn? Għandhom il-Kristjani jeżaminaw l-irqaqat kollha taʼ kull drawwa tal-komunità biex jaraw jekk f’xi post jew f’xi żmien kellhiex xi konnessjoni negattiva?
Pawlu jiġbed l-attenzjoni li “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien.” (2 Korintin 3:17; Ġakbu 1:25) Alla jridna nużaw dan il-ħelsien, mhux biex iwassalna għal xenqiet egoistiċi, imma biex iħarrġilna s-sensi li jgħinuna nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. (Galatin 5:13; Lhud 5:14; 1 Pietru 2:16) B’hekk, fi kwistjoni fejn ma jkunx hemm ksur ċar tal-prinċipji tal-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma joħolqux xi regola fissa. Minflok, kull Kristjan għandu jiżen iċ-ċirkustanzi li jkun fihom u jagħmel deċiżjoni persunali.
Fittex l-Interessi taʼ Ħaddieħor
Ifisser dan li huwa dejjem tajjeb li tipparteċipa f’xi drawwa partikulari sakemm ma tiksirx direttament it-tagħlim tal-Bibbja? Le. (Galatin 5:13) Pawlu indika li Kristjan m’għandux ifittex biss l-interessi tiegħu “imma tal-ħafna.” Għandu jagħmel “kollox għall-glorja taʼ Alla” u ma jkunx taʼ tfixkil għal ħaddieħor. (1 Korintin 10:31-33) Mela individwu li jkun qed ifittex l-approvazzjoni t’Alla jkun irid jistaqsi lilu nnifsu: ‘Ħaddieħor kif iħares lejn din id-drawwa? Il-komunità torbot affarijiet oġġezzjonabbli magħha? Il-parteċipazzjoni tiegħi se timplika li jien naqbel mal-prattiċi jew l-ideat li ma jogħġbux lil Alla?’—1 Korintin 9:19, 23; 10:23, 24.
Għalkemm ġeneralment ma jkun fihom xejn ħażin, xi drawwiet jistgħu jiġu prattikati lokalment b’modi li huma kuntrarju għall-prinċipji tal-Bibbja. Per eżempju, f’xi okkażjonijiet speċifiċi l-għoti taʼ fjuri jistaʼ jieħu tifsira speċjali li ma taqbilx mat-tagħlim tal-Bibbja. Mela, Kristjan fuq xiex għandu jkun primarjament konċernat? Għalkemm jistaʼ jkun hemm raġuni biex neżaminaw l-oriġini taʼ ċertu drawwa, f’xi każi huwa iktar importanti li nikkunsidraw kif iqisuha n-nies taʼ dak iż-żmien partikulari u f’dak il-pajjiż li wieħed qed jgħix fih issa. Jekk id-drawwa għandha konnessjonijiet mhux skritturali jew inkella negattivi waqt perijodu partikulari tas-sena jew taħt ċertu ċirkustanzi, il-Kristjani jistgħu b’mod għaqli jiddeċiedu li jaħarbu minnha f’dak iż-żmien partikulari.
Pawlu talab biex il-Kristjani jkomplu jħallu l-imħabba tagħhom tikber b’għarfien eżatt u b’dixxerniment profond. Billi jżommu ħarsa bilanċjata lejn id-drawwiet popolari, il-Kristjani jkunu ‘jistgħu jagħrfu jagħżlu l-aħjar, u mbagħad ikunu safja u bla ebda ħtija.’ (Filippin 1:9, 10) Fl-istess ħin, ‘[“ir-raġunevolezza,” NW] tagħhom, se jkunu jafuha l-bnedmin kollha.’—Filippin 4:5.
[Nota taʼ taħt]
a Skond xi antropoloġisti, il-bukketti tal-fjuri kienu taʼ spiss jiġu wżati bħala offerti lill-mejtin biex iżommu lil dawn milli jidhru lill-ħajjin.
[Stampi f’paġna 26]
Xi drawwiet tal-qedem, bħal li tgħatti ħalqek meta tittewweb u l-għoti taʼ fjuri meta jiġi nieqes xi ħadd, tilfu s-sinjifikat oriġinali tagħhom