LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 1/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Perikli taʼ l-​Obeżità
  • Kif Tistaʼ Tevita li Jaqbdek Riħ?
  • It-​Tadam Kontra l-​Kanċer
  • Qed Torqod Biżżejjed?
  • L-​Iżvantaġġi tal-​Globalizzazzjoni
  • Meħtieġa Preparazzjoni għad-​Diżastri
  • Raġunevolezza fil-​Mod kif Nieklu
  • Sorsi Mhux tas-​Soltu t’Enerġija
  • Id-​Delinkwenza fit-​Tfal Dejjem Tiżdied
  • Dak li Jitlaʼ ’l fuq Jinżel ’l Isfel
  • L-Obeżità—Hija Verament Problema?
    Stenbaħ!—2004
  • Il-Ħxuna Żejda Qed Issir Epidemija Globali?
    Stenbaħ!—2003
  • L-Obeżità—Minn Xiex Tiġi?
    Stenbaħ!—2004
  • Il-Ġlieda Kontra l-Obeżità—Jiswa li Tagħmel Sforz?
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 1/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Il-​Perikli taʼ l-​Obeżità

Żjieda allarmanti fid-​dijabete, mard tal-​qalb, u mard ieħor qegħda titbassar bħala riżultat taʼ l-​“epidemija taʼ l-​obeżità li qed tolqot lill-​Ewropa,” tirrapporta The Independent taʼ Londra. Waqt li kien qed jindirizza laqgħa taʼ esperti fil-​mediċina minn 26 pajjiż ġewwa Milan, l-​Italja, iċ-​chairman tal-​Grupp Internazzjonali Kontra l-​Obeżità qal: “Din hija kriżi globali u azzjoni urġenti hija neċessarja issa biex tipprevieni din l-​epidemija silenzjuża taʼ mard serju kif ukoll l-​ispejjeż tas-​saħħa li dejjem jiżdiedu. Qegħdin niffaċċjaw diżastru rigward dik li hija saħħa jekk ma nieħdu l-​ebda passi.” Il-​pajjiżi Ewropej kollha huma involuti, u f’xi bnadi bejn 40 u 50 fil-​mija tal-​popolazzjoni huma effettwati. Mill-​1980 ’l hawn, ir-​rati taʼ l-​obeżità fl-​Ingilterra żdiedu minn 8 għal 20 fil-​mija għan-​nisa u minn 6 għal 17 fil-​mija għall-​irġiel. Ir-​raġunijiet mogħtija jinkludu stili taʼ ħajja fejn dak li jkun iqattaʼ ħafna ħin bil-​qegħda u dieta iktar rikka​—it-​tnejn li huma marbuta mal-​prosperità li dejjem tikber. L-​iktar ħaġa inkwetanti hija n-​numru taʼ tfal b’piż żejjed. Skond il-​professur Jaap Seidell, president taʼ l-​Assoċjazzjoni Ewropea għall-​Istudju taʼ l-​Obeżità, “hemm sinjali li juru li proporzjon akbar tal-​ġenerazzjoni li jmiss qed jeħxienu żżejjed u jżidu wisq fil-​piż minn meta jkunu iżgħar.”

Kif Tistaʼ Tevita li Jaqbdek Riħ?

Forsi mhux se jkun għalkollox possibbli li tevita li jaqbdek riħ, imma hemm xi prekawzjonijiet li tistaʼ tieħu, tgħid The New York Times. Dawn li ġejjin huma fost l-​iktar importanti: Sa fejn hu possibbli, aħrab il-​folol, u kemm jistaʼ jkun tiħux b’idejn nies li b’mod ovvju għandhom riħ. Flimkien maʼ dan, żomm lura milli togħrok għajnejk u mnieħrek, u aħsel idejk taʼ spiss. Prekawzjonijiet bħal dawn jgħinu għaliex l-​idejn taʼ spiss iġorru l-​viruses taʼ l-​irjiħat lejn riti delikati fl-​għajn u fl-​imnieħer. Il-​viruses taʼ l-​irjiħat li jkunu fuq wiċċ l-​affarijiet jew fuq l-​idejn taʼ xi ħadd jistgħu jibqgħu attivi għal diversi sigħat. Ir-​riħ jistaʼ jkun wieħed li jittieħed kemm qabel u kemm wara li s-​sinjali taʼ mard isiru ovvji fuq dak li jkun. Prekawzjonijiet oħrajn jinkludu li tiekol dieta bilanċjata u li toqgħod speċjalment attent meta tkun mat-​tfal. Għala? Għax it-​tfal ilaqqtu bejn ħames u tmien infezzjonijiet fis-​sena!

It-​Tadam Kontra l-​Kanċer

Studji reċenti preżentati mill-​Assoċjazzjoni Amerikana għar-​Riċerka fuq il-​Kanċer jissuġġerixxu li hemm ċans li t-​tadam għandu sustanza li trażżan l-​iżvilupp tal-​kanċer tal-​prostata. Is-​sustanza li tagħti l-​lewn aħmar lit-​tadam, il-​likopina, tistaʼ ċċekken id-​daqs tat-​tumuri karċinoġeniċi tal-​prostata u tnaqqas il-​metastasi, jiġifieri t-​tixrid tal-​kanċer lejn partijiet oħra fil-​ġisem. Studju pubblikat mill-​Istitut Nazzjonali taʼ l-​Istati Uniti għall-​Kanċer “irrivela li t-​tadam u l-​prodotti li jsiru minnu kellhom effett pożittiv mhux biss kontra l-​kanċer tal-​prostata imma wkoll kontra dak tal-​frixa, tal-​pulmun, u tal-​kolon.”

Qed Torqod Biżżejjed?

Nies li “taʼ spiss ikunu jridu jieħdu nagħsa matul il-​ġurnata, tmur għajnhom bihom waqt xi laqgħa, jew li qed ikollhom diffikultà biex jikkonċentraw” m’humiex qed jorqdu biżżejjed matul il-​lejl, tgħid il-​gazzetta Toronto Star. Ħafna nies, b’mod konsistenti, iridu minn sebaʼ sa disaʼ sigħat taʼ rqad kull lejl biex matul il-​ġurnata jkunu f’tagħhom. Is-​suġġerimenti li ġejjin jingħataw mill-​esperti biex persuna jirnexxilha tagħmel hekk: L-​irqad agħmlu prijorità. Qabel ma tmur torqod ħu ftit ħin biex tirrilassa. Mixja rilassata tistaʼ tgħin, imma evita li tagħmel eżerċizzju vigoruż fl-​aħħar tliet sigħat. Kull ġurnata, qum u idħol orqod dejjem fl-​istess ħin. Jekk tistenbaħ matul il-​lejl, toqgħodx tinkwieta fuq xi ħaġa jew tipprova ssolvi xi problemi​—minflok, oqgħod aħseb fuq affarijiet pjaċevoli. Jekk wara nofs siegħa tkun għadek imqajjem, qum u agħmel xi ħaġa li tirrilassak, bħal li taqra xi ħaġa għall-​gost. Oqgħod attent biex ma tikolx jew tixrob iżżejjed qabel ma tmur torqod, imma mill-​banda l-​oħra tidħolx torqod b’żaqqek vojta.

L-​Iżvantaġġi tal-​Globalizzazzjoni

Il-​globalizzazzjoni ekonomika qegħda toħloq suq dinji li qed jipprovdi opportunitajiet akbar għal ħafna, imma qiegħed ukoll iżid ir-​riskji, tirrapporta l-​gazzetta Ingliża The Guardian. L-​interdipendenza tal-​ġnus fl-​ekonomija dinjija li qed tfeġġ jagħmilha possibbli biex ġrajja li tidher kemxejn iżolata​—bħad-​devalwazzjoni tal-​baht Tajlandiż fl-​1997​—tikkawża paniku finanzjarju madwar id-​dinja. “Tletin sena ilu,” tinnota The Guardian, “id-​differenza bejn wieħed minn kull ħamsa taʼ l-​iktar nies sinjuri fid-​dinja u wieħed minn kull ħamsa taʼ l-​iktar nies foqra fid-​dinja kienet taʼ 30 persuna għal kull wieħed. Sa l-​1990 dan żdied għal 60 għal kull persuna u fil-​preżent qiegħed 74 għal kull persuna. . . . Fost dawk li qed jibbenefikaw l-​iktar mill-​globalizzazzjoni huma l-​kriminali, li issa jistgħu japprofittaw mis-​swieq globali taʼ drogi, armi, u prostituzzjoni.”

Meħtieġa Preparazzjoni għad-​Diżastri

“Skond ir-​Rapport tad-​Diżastri tad-​Dinja 1999,” tgħid dikjarazzjoni mill-​Federazzjoni Internazzjonali tas-​Soċjetajiet tas-​Salib Aħmar u tan-​Nofs Qamar Aħmar, “il-​perijodu taʼ diżastri naturali tas-​sena l-​oħra kien l-​agħar wieħed li qatt ġie rekordjat u li kkawża danni iktar minn qatt qabel.” Żmien twil taʼ nixfa, ħamrija dejjem inqas fertili, u t-​tqaċċit tal-​foresti ġagħal lil 25 miljun ruħ biex jabbandunaw ir-​rabaʼ tagħhom u jfittxu refuġju f’komunitajiet urbani fejn l-​art ma tkunx propjetà tagħhom, u b’hekk qed joħolqu “iktar ‘refuġjati’ milli għamlu l-​gwerer u l-​konflitti.” L-​iktar milquta bl-​ikrah kienu dawk il-​pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fejn seħħew 96 fil-​mija taʼ l-​imwiet kaġunati minn diżastri naturali. Matul dawn l-​aħħar ħames snin, il-​fondi t’aġenziji li jipprovdu l-​għajnuna naqsu b’40 fil-​mija. Billi jenfasizza l-​bżonn taʼ bidla fil-​ħarsa taʼ kif għandna nkunu preparati għad-​diżastri, id-​direttur taʼ din il-​federazzjoni inkarigat bil-​korsa t’azzjoni f’każ taʼ diżastru, Peter Walker, osserva: “Ir-​reazzjoni awtomatika għad-​diżastri mhix qed taħdem . . . Aħna ma noqgħodux nistennew li taqbad xi dar, u mbagħad nibdew niġbru l-​flus għad-​dipartiment tat-​tifi tan-​nar.”

Raġunevolezza fil-​Mod kif Nieklu

Bejn wieħed u ieħor, il-​bniet jitwalu 25 ċentimetru u jżidu minn 18-il kilogramma sa 22 kilogramma bejn l-​10 u l-​14-il sena, waqt li s-​subien jikbru madwar 30 ċentimetru u jżidu minn 22 kilogramma sa 27 kilogramma bejn it-​12 u s-​16-il sena. Matul dan il-​perijodu taʼ żvilupp mgħaġġel, m’huwa rari xejn għaż-​żgħażagħ li jħossuhom skomdi ħafna bil-​piż tagħhom, u ħafna jsiru konċernati dwar li jikkontrollaw il-​piż tagħhom. “Imma d-​dieti u li joqogħdu lura milli jieklu m’humiex soluzzjonijiet tajbin għas-​saħħa u m’humiex rakkomandati,” tikteb id-​dijetologa Lynn Roblin f’The Toronto Star. Dawn il-​miżuri jistgħu jċaħħdu l-​ġisem min-​nutrimenti, tinnota Roblin. Ukoll, li persuna tesperimenta bid-​dieti “jwitti t-​triq għal drawwiet ħżiena taʼ konsum taʼ ikel u jistaʼ jwassal għal taqlib iktar serju konness maʼ l-​ikel.” Iż-​żgħażagħ, tinnota hi, irid ikollhom ħarsa iktar realistika taʼ l-​apparenza tagħhom u jilħqu piż tajjeb għal saħħithom permezz taʼ “raġunevolezza fil-​mod kif jieklu, ħajja attiva, u li jkunu kuntenti bihom infushom.”

Sorsi Mhux tas-​Soltu t’Enerġija

■ Il-​gżira taʼ Ouveà, fi New Caledonia, m’għandhiex żejt, imma qegħda tuża ż-​żejt tal-​ġewż taʼ l-​Indji (coconut) biex tiġġenera l-​elettriku, tirrapporta r-​rivista Franċiża Sciences et avenir. L-​inġinier Franċiż Alain Liennard qattaʼ 18-il sena jiżviluppa magna li taħdem biż-​żejt tal-​ġewż taʼ l-​Indji. Il-​magna tħaddem ġeneratur li jagħti l-​enerġija lill-​impjant tad-​desalinazzjoni li jissupplixxi lill-​235 familja fuq il-​gżira bl-​ilma tax-​xorb. Liennard jgħid li s-​sistema tiegħu taʼ 165 kilowatt tħabbatha mal-​magni li jaħdmu bid-​diesel, kemm f’dik li hija enerġija u kemm f’dak li hu konsum taʼ fuel.

■ Sadanittant, f’esperiment li sar f’Kalali, villaġġ fl-​Istat taʼ Gujurat, fl-​Indja, is-​saħħa tal-​gniedes ġiet utilizzata biex tiġġenera l-​elettriku. Ir-​rivista Down to Earth, taʼ New Delhi, tirrapporta li wieħed xjenzat u n-​neputi tiegħu ġiethom idea kif jiġġeneraw l-​enerġija. Erbaʼ gniedes idawru xaft imqabbad maʼ gearbox li tħaddem ġeneratur żgħir. Il-​ġeneratur huwa mqabbad maʼ batteriji, li jħaddmu pompa taʼ l-​ilma u mitħna tal-​qamħ. L-​enerġija magħmula b’dan il-​mod tiswa’ madwar 10 cents Amerikani (3.8 ċenteżmi) kull unit, imqabbla maʼ $1 (38 ċenteżmu) kull unit li tuża mitħna li taħdem bir-​riħ jew $24 (Lm9.20) kull unit bl-​użu tas-​solar panels, tgħid id-​Down to Earth. Madankollu, ladarba r-​raħħala għandhom bżonn il-​gniedes għal tliet xhur fis-​sena biex jaħartu l-​għelieqi, dawk li jridu jiżviluppaw din is-​sistema qegħdin ifittxu mod effettiv biex jaħżnu l-​enerġija għall-​użu waqt l-​assenza tal-​gniedes.

Id-​Delinkwenza fit-​Tfal Dejjem Tiżdied

Fil-​Ġermanja s-​sena l-​oħra, in-​numru taʼ delitti li saru miż-​żgħażagħ u t-​tfal żdied, tirrapporta l-​gazzetta Hessische-Niedersächsische Allgemeine. “In-​numru taʼ tfal li huma suspettati li ferew” lil ħaddieħor żdied b’14.1 fil-​mija. L-​iktar notevoli kienet iż-​żjieda fin-​numru taʼ tfal suspettati taʼ taħt l-​14-il sena​—152,774​—żjieda taʼ 5.9 fil-​mija. Billi jiddeskrivi dan l-​iżvilupp bħala “allarmanti ħafna,” il-​Ministru Federali taʼ l-​Intern, Otto Schily, enfasizza l-​bżonn għal miżuri preventivi iktar qawwija. Filwaqt li l-​gvern jistaʼ jgħin, speċjalment fl-​oqsma taʼ l-​edukazzjoni u x-​xogħol, hu għamilha ċara li hija l-​familja li għandha l-​iktar irwol importanti fil-​prevenzjoni tal-​kriminalità.

Dak li Jitlaʼ ’l fuq Jinżel ’l Isfel

F’xi nħawi taʼ l-​Istati Uniti u f’numru taʼ pajjiżi taʼ l-​Amerka Latina saret xi ħaġa komuni li dawk li jkunu qed jixxalaw fiċ-​ċelebrazzjonijiet taʼ l-​ewwel tas-​sena l-​ġdida jisparaw tiri fl-​ajru. Imma l-​pulizija qed iħeġġuhom biex dan ma jagħmluhx. “Meta tispara b’xi arma fl-​ajru,” qal il-​kap tal-​pulizija taʼ Los Angeles Willie Williams, “dik il-​balla terġaʼ tinżel f’xi post.” U dak il-​post jistaʼ jkun ġo ras xi ħadd. Fi ftit snin, ġo l-​Istati Uniti nqatlu iktar minn 12-il persuna b’din il-​manjiera. Flimkien maʼ dan, ġew rapportati mijiet taʼ każi taʼ feriment u danni fuq propjetà, xi drabi kawżati minn balal li ġew minn mili ’l bogħod. Taʼ spiss, in-​nies li jisparaw tiri fl-​ajru b’mod żbaljat jaħsbu li l-​balal jiddiżintegraw fl-​ajru jew li dawn ma se jweġġgħu lil ħadd huma u neżlin. Imma balla sparata dritt lejn is-​sema tistaʼ tirritorna b’impatt tremend li “hu biżżejjed biex il-​balla tippenetra l-​ġilda, tifqaʼ għajn jew tidħol fil-​parti ratba taʼ ras taʼ tarbija,” skond Fred King, kelliemi għad-​Dipartiment tal-​Pulizija taʼ Houston.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja