Kif Ipprovajt Nieħu Deċiżjonijiet Għaqlin
KIF RAKKONTAT MINN GUSTAVO SISSON
Taʼ 12-il sena, kont involut ħafna fl-għawm imma ddeċidejt li nsir tabib. Però, f’dan l-istess perijodu bdejt nistudja l-Bibbja, u għalhekk ridt insir ministru. Fejn spiċċaw l-ambizzjonijiet u l-interessi kollha li kelli? Kienu jmorru flimkien?
FL-1961, Olive Springate, missjunarja tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Brażil, bdiet tistudja l-Bibbja miegħi u m’ommi. Missieri, tabib rispettat f’Pôrto Alegre, kien jopponi ħafna u allura waqafna nistudjaw. Xorta waħda, Olive baqgħet tikkuntattjana, u maż-żmien bdejt ninduna kemm dak li kont tgħallimt kien veru. Imma sadanittant, l-għawm tant kien sar parti minn ħajti li aljenani minn kwistjonijiet spiritwali.
Meta kelli 19-il sena, iltqajt maʼ tfajla ħelwa jisimha Vera Lúcia fil-klabb fejn kont immur ngħum, u bdejna noħorġu flimkien. Ommi kellmitha dwar dak li konna nemmnu, u hi interessat ruħha. Allura kkuntattjajt lil Olive, u din bditilna studju tal-Bibbja, avolja missier Vera Lúcia kien jopponi.
Vera Lúcia kompliet tistudja, u għamlet progress kbir fl-għarfien tal-Bibbja. Saħansitra bdiet tistudja l-Bibbja maʼ xi ħaddiema fil-klabb taʼ l-għawm fejn konna mmorru. Min-naħa tiegħi, moħħi kien biex nittrennja għall-kompetizzjonijiet nazzjonali taʼ l-għawm li kienu fil-qrib.
Konna ilna sena nistudjaw u nattendu l-laqgħat Kristjani, meta missier Vera Lúcia beda jxomm xi ħaġa. Darba waħda meta wasalna lura mil-laqgħa, kien qed jistenniena u ried ikun jaf fejn konna morna. Jien weġibtu li morna għal laqgħa Kristjana u li għalkemm ir-reliġjon forsi ma kinitx importanti għalih, għalina kienet kwistjoni taʼ ħajja jew mewt. Hu ħa nifs qawwi u qalilna: “Ħeqq, jekk hija kwistjoni taʼ ħajja jew mewt, ikolli naċċettaha din il-ħaġa.” Minn dakinhar ’l hemm, l-attitudni tiegħu nbidlet u għalkemm qatt ma sar Xhud taʼ Jehovah, sar ħabib kbir speċjalment meta konna fil-bżonn.
Id-Deċiżjonijiet li Kelli Nieħu
Kont iddeċidejt li wara l-kampjunati nazzjonali kont se nieqaf nikkompeti fl-għawm. Imma rbaħt darbtejn u waqqaft rekord Brażiljan għall-400 metru u għall-1,500 metru fl-istil liberu, u għalhekk stidnuni nieħu sehem fil-Logħob Pan Amerikan taʼ l-1970 f’Cali, il-Kolombja. Għalkemm Vera Lúcia ma riditnix immur, jien bdejt nittrennja għal-logħob.
Billi mort tajjeb f’Cali, ġejt mistoqsi jekk kontx lest li nittrennja għall-Olimpijadi. Bdejt naħseb dwar il-fatt li kont għadni ma spiċċajtx l-istudju tiegħi fil-mediċina u dwar il-veritajiet sbieħ li kont tgħallimt dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah. Għalhekk qtajtha li ma nkomplix fil-karriera tiegħi taʼ l-għawm. Minn dakinhar ’il quddiem, bdejt nagħmel progress spiritwali mgħaġġel. Fl-1972, is-sena meta saru l-Olimpijadi f’Munich, il-Ġermanja, Vera Lúcia u jien issimbolizzajna d-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah billi tgħammidna fl-ilma. Dan inkuraġġixxa lil ommi biex terġaʼ taqbad tistudja l-Bibbja, u maż-żmien tgħammdet hi wkoll.
Wara li tgħammdet ommi, missieri beda jopponi iktar. Fl-aħħar il-familja tagħna nfirdet, u peress li kont għadni l-università, kellna ngħaddu bin-naqra taʼ pensjoni li kellha ommi u minn dak li qlajna meta begħna d-dar. Minħabba f’hekk, jien u Vera kellna mmexxu d-data tat-tieġ u niżżewġu iktar tard. Fil-fatt, it-tagħlim li tani missieri għenni biex nieħu d-deċiżjonijiet li ħadt. Taʼ spiss kien jgħidli: “Tibżax tkun differenti” u, “Il-maġġuranza mhux dejjem ikollha raġun.” Waħda mill-frażijiet li kien iħobb jgħid l-iktar kienet, “Il-valur taʼ raġel jitkejjel skond dak li jagħti lil ħaddieħor.”
Bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, fil-fatt stajt napplika l-pariri eċċellenti li tani missieri. Kont maġenbu meta miet fl-1986. Konna lħaqna rġajna għamilna ħbieb u konna nirrispettaw lil xulxin. Naħseb li kien kburi bija peress li kont sirt tabib bħalu.
Sadanittant, fl-1974 iggradwajt mill-iskola tal-mediċina. Iddeċidejt li nkun tabib tad-dar, imma wara li komplejt naħsibha sew, wasalt għall-konklużjoni li jekk insir kirurgu stajt inkun iżjed t’għajnuna għal ħuti l-Kristjani. (Atti 15:28, 29) Għalhekk aċċettajt l-isfida u qattajt it-tliet snin taʼ wara nieħu t-taħriġ biex insir kirurgu.
Battalja Legali Diffiċli
Kont involut f’każ ikrah taʼ waħda Xhud, tfajla taʼ 15-il sena li kienet qed titlef id-demm minn ġewwa. Kienet bajda karti u kellha l-pressjoni tad-demm baxxa, imma kienet f’sensiha u soda għall-aħħar fid-deċiżjoni tagħha li ma tiħux demm. Wara li għollejtilha l-volum tad-demm tagħha, għamiltilha endeskopija biex niċċekkjalha l-intern. Imbagħad, dik il-parti fejn kienet ġiet effettwata ħsilthielha b’taħlita kiesħa taʼ likwidu mielaħ biex ma tkomplix titlef demm. Għall-ewwel qalbet għall-aħjar. Imma f’daqqa waħda, wara 36 siegħa u waqt li kienet għadha fil-kura intensiva, reġgħet bdiet titlef id-demm. It-tabib li kien xogħol dak il-ħin għamel dak kollu li kien possibbli, imma ma setax jikkontrolla t-telf taʼ demm u jżomm il-volum tad-demm milli jonqos, u t-tfajla mietet.
Meta ġara dan il-każ, ġejt sospiż mix-xogħol mill-kumitat taʼ l-etika tat-tobba. Dan irrefera l-każ tiegħi lill-kunsill reġjonali tal-mediċina. Ġejt mixli li ksirt tliet artikli mill-kodiċi taʼ l-etika medika. Minħabba f’hekk stajt nitlef il-liċenzja tiegħi taʼ tabib kif ukoll il-mezz taʼ l-għajxien tiegħi.
Kumitat wieħed tani 30 ġurnata li matulhom kelli nippreżenta d-difiża tiegħi bil-miktub. L-avukati tiegħi ppreparaw argumenti legali u kostituzzjonali, u jien ippreparajt difiża teknika bl-għajnuna tal-Kumitat lokali taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet (Hospital Liaison Committee [HLC]). Dan huwa grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah li jipprova jtejjeb dejjem iktar il-kooperazzjoni bejn l-isptar u l-pazjent. Fis-seduta, il-kumitat inkarigat li jiġbor id-dikjarazzjonijiet minn dawk kollha involuti staqsa xi mistoqsijiet. L-iktar li staqsa kien dwar il-pożizzjoni tiegħi bħala tabib kif ukoll bħala Xhud taʼ Jehovah. Madankollu, id-difiża tiegħi kienet ibbażata l-iktar fuq argumenti mediċi u xjentifiċi u fuq rapporti minn kirurgi rispettati.
L-evidenza li ġiet preżentata kkonfermat li l-pazjenta ma riditx taċċetta trasfużjoni tad-demm u li jien m’għamilt xejn li setaʼ jġagħalha tieħu din id-deċiżjoni. Fis-seduta ġie stabbilit ukoll li mill-erbaʼ tobba li kkonsultat il-pazjenta, jien kont l-uniku wieħed li bdejt nagħtiha xi tip taʼ kura li kienet taqbel max-xewqat tagħha u mal-qagħda medika li kellha.
Imbagħad il-każ tiegħi deher quddiem kumitat li kien se jivvota f’seduta fejn kienu preżenti dawk kollha involuti. Għamilt difiża permezz taʼ taħdita t’għaxar minuti u erġajt enfasizzajt biss l-aspetti mediċi, bħalma kont għamilt fid-difiża bil-miktub. Wara li semgħuni, żewġ membri tal-kumitat semmew li għalkemm ma kontx użajt trasfużjonijiet, il-kura li kont ordnajt lill-pazjenta kienet ibbażata b’mod sod fuq ix-xjenza. Tabib ieħor enfasizza li l-kura bla demm hija effettiva u li biha jmutu inqas nies. L-aħħar membru tal-kumitat qal li ma kienx qed jiġi diskuss jekk it-trasfużjonijiet tad-demm kinux mediċina tajba jew le. Minflok, il-kwistjoni kienet jekk tabib għandux jisforza lill-pazjent tiegħu biex jieħu kura li ma jkunx irid. Hu ma qabilx li tabib għandu dan id-dritt. B’hekk, il-membri tal-kumitat, b’maġġuranza taʼ tnax kontra tnejn, ivvotaw favur li titneħħa kull akkuża kontrija, u b’hekk ġejt meħlus minn kull akkuża.
Niddefendi d-Drittijiet taʼ Pazjent
Xi awtoritajiet mediċi kemm-il darba kisbu ordnijiet mill-qorti biex jisforzaw lill-pazjenti li jkunu Xhieda taʼ Jehovah biex jaċċettaw it-trasfużjonijiet tad-demm. Xi drabi jien ippreżentajt evidenza f’seduti fil-qorti li permezz tagħha dawn l-ordnijiet ma ħarġux. Każ minnhom kien jinvolvi lil Xhud li kellu xi vini minfuħin fil-kanal li jagħti mill-ħalq għall-istonku tiegħu, problema li biha kien jitlef ħafna demm mill-istonku. Meta daħal l-isptar, diġà kellu anemija—il-livell t’emoglobina tiegħu kien 4.7 grammi għal kull deċilitru.a Għall-ewwel, ma saritlu l-ebda pressjoni biex jaċċetta d-demm, u rċieva biss kura li ttaffilu l-uġigħ.
Imbagħad, wara li kien ilu ġimgħa l-isptar, il-pazjent baqaʼ mistagħġeb meta uffiċjal tal-qorti mar iżuru b’ordni biex jingħata trasfużjoni tad-demm. Sadanittant il-livell t’emoglobina kien laħaq telagħlu għal 6.4 grammi kull deċilitru, u kien stabbli klinikament. Milli jidher l-imħallef ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-ewwel livell t’emoglobina mhux fuq it-tieni wieħed, li kien iktar għoli.
L-HLC offrew l-għajnuna tagħhom. Il-pazjent talabni neżaminah. Hekk għamilt, u wara rnexxieli nsiblu post fi sptar fejn setaʼ jingħata kura bla demm. Fl-istess ħin, l-avukati tiegħu sfidaw l-ordni li ħarġet il-qorti biex il-pazjent jingħata trasfużjoni tad-demm.
Sejħuli għal seduta quddiem l-imħallef, li staqsietni dwar il-qagħda tal-pazjent. Matul is-seduta, hi tatni l-permess li nkompli nagħti l-kura lill-pazjent sakemm kien qed jiġi diskuss jekk l-ordni mill-qorti kinitx tajba jew le. Sat-tieni seduta, il-pazjent laħaq tjieb u kien intbagħat lura d-dar. Meta ġejt imsejjaħ biex nerġaʼ nixhed, l-avukat taʼ l-isptar sfidani biex nuri jekk il-kura li kont issuġġerejt kellhiex bażi xjentifika jew le. Ried l-art tibilgħu meta wrejt artiklu li kien deher f’rivista medika pubblikata mill-istess sptar li kien qed jirrappreżenta hu, u l-artiklu kien qed jirrikkmanda din il-kura!
Il-qorti ħadet id-deċiżjoni, u aħna tgħidx kemm fraħna meta smajna li ħriġna rebbiħin bid-deċiżjoni tagħna li nużaw kura medika oħra flok trasfużjoni tad-demm. L-isptar ġie ordnat li jħallas l-ispejjeż kollha, inkluż l-ispejjeż legali. Għalkemm l-isptar appella, dan reġaʼ tilef.
Nieħdu Ħsieb il-Familja Tagħna
Minn mindu sirt Xhud, kelli l-appoġġ taʼ Vera Lúcia bħala sieħba devota u mara kapaċi, kif ukoll bħala omm eżemplari għal uliedna. Kif irnexxielha tkampa maʼ l-isfidi kollha, tieħu ħsieb id-dar u tgħin fit-trobbija tat-tfal, li issa huma żgħażagħ fuq tagħhom? Dan kien possibbli minħabba l-imħabba kbira tagħha għal Jehovah u għall-ministeru Kristjan.
Bħala ġenituri, aħna għallimna lil uliedna d-duttrini u l-prinċipji tal-Bibbja minn mindu kienu żgħar ħafna. Minkejja li għandna ħajja mgħaġġla, aħna nagħmlu li nistgħu biex naqdu fil-ministeru full-time għal ftit xhur kull sena. U nagħmlu l-aħjar tagħna biex inżommu skeda li biha naqraw il-Bibbja regolarment, niddiskutu vers mill-Bibbja kuljum, u naqsmu t-twemmin tagħna m’oħrajn fil-ministeru Kristjan. Dan l-aħħar, il-familja tagħna taʼ spiss kienet qed tikkonduċi sa 12-il studju tal-Bibbja kull ġimgħa maʼ nies li m’humiex Xhieda.
Jien u Vera Lúcia nipprovaw ukoll ninvolvu lis-subien tagħna fl-attivitajiet li jkollna waqt li fl-istess ħin nirrispettaw il-gosti persunali tagħhom. Aħna nemmnu li hemm tliet affarijiet bażiċi li l-ġenituri għandhom bżonn biex jieħdu ħsieb sew tal-familja. L-ewwel, jinħtieġ tagħlim tajjeb, ibbażat fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. It-tieni, iridu jagħtu eżempju tajjeb, biex b’hekk it-tfal ikunu jistgħu jaraw biċ-ċar li l-ġenituri għandhom biżaʼ bnin minn Alla. U t-tielet, hemm bżonn taʼ sħubija tajba maʼ Kristjani taʼ kull età u qagħda soċjali, li jistgħu jaqsmu mal-membri tal-familja varjetà taʼ għotjiet u abbiltajiet. Bħala koppja, aħna għamilnieha mira li nipprovdu lill-familja tagħna dawn l-affarijiet.
Meta nħarsu lura lejn kważi 30 sena taʼ servizz lil Jehovah, jien u marti nistgħu ngħidu bla dubju li hu tana l-aqwa affarijiet fil-ħajja u pprovdielna ħafna barkiet u affarijiet xi ngawdu. Għalkemm ma mortx għall-Olimpijadi, xorta għadni nieħu gost ngħum għawma taʼ diversi kilometri kull ġimgħa. Veru, ħajti hija mimlija daqs bajda minħabba li jien tabib kif ukoll wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Imma sibtha ħaġa verament premjanti li ngħin lil ħuti Kristjani biex jibqgħu fis-servizz tagħhom lejn Alla meta jiffaċċjaw xi prova.
Taʼ spiss ikun hemm min jistaqsini jekk noqgħodx ninkwieta li se nitlef ix-xogħol meta tiġi s-sistema l-ġdida t’Alla u ma jkunx hemm iktar mard. It-tweġiba tiegħi hija li jien se nkun l-ewwel wieħed li ntir bil-ferħ meta “z-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ,” u meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; 35:6.
[Nota taʼ taħt]
a Raġel f’saħħtu jkollu livell t’emoglobina taʼ madwar 15-il gramma kull deċilitru.
[Stampa f’paġna 15]
Waqt operazzjoni fuq pazjent
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Vera Lúcia, u l-istudju tagħna tal-familja