Terapiji Alternattivi—Għala Ħafna Jużawhom
IL-MEDIĊINA alternattiva, jew li tikkumplimenta, tinkludi varjetà kbira taʼ metodi u kuri wżati għall-fejqan. Ħafna minnhom jaqgħu taħt it-titlu ġenerali taʼ naturopatija. Din hija sistema taʼ kura li tenfasizza l-użu t’affarijiet naturali jew mezzi fiżiċi biex iżommu l-ġisem fi stat tajjeb taʼ saħħa u jħalluh ifiq waħdu. Ħafna minn dawn it-terapiji, li kienu jintużaw minn bosta nies għal sekli sħaħ, ġew abbandunati jew injorati mill-mediċina moderna.
Per eżempju, ir-rivista Journal of the American Medical Association tas-27 t’Awissu, 1960, innotat li n-nies tal-qedem kienu jafu li jekk ikollhom ħarqa jridu jagħmlulha l-ilma kiesaħ, imma kemm it-tobba u kemm in-nies komuni donnhom injorawh dan il-fatt. Din qalet ukoll li għalkemm xi kultant jidhru xi referenzi fil-letteratura li kollha jaqblu maʼ din l-għamla taʼ kura u jfaħħruha, ġeneralment ma tintużax illum il-ġurnata. Ir-rivista żiedet li fil-fatt, il-biċċa l-kbira tat-tobba jgħidu li ħadd ma jagħmel hekk, għalkemm ħadd ma jaf eżatt għala.
Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, il-mediċina tradizzjonali saret tinkuraġġixxi l-użu taʼ ilma kiesaħ jew faxex kesħin għall-ħruq fuq il-ġisem. Ir-rivista The Journal of Trauma, taʼ Settembru taʼ l-1963, irrapportat: “L-interess fl-użu taʼ l-ilma kiesaħ fl-istadju bikri tal-kura li tingħata f’każ taʼ ħruq żviluppa minn mindu saru r-rapporti taʼ Ofeigsson u Schulman fl-1959 u fl-1960. Ilna din l-aħħar sena nagħtu kura lill-pazjenti b’dan il-metodu; ir-riżultati kliniċi tagħna kienu inkuraġġanti.”
Meta tingħata kura bl-ilma kiesaħ ma tantx ikun hemm perikli, u ċertament li dan jipprovdi serħan mill-uġigħ. L-idroterapija, fejn jintuża l-ilma b’diversi modi biex tingħata kura għal xi mard, tintuża fil-mediċina alternattiva. Issa diversi għamliet taʼ din il-kura huma rikonoxxuti wkoll mill-mediċina moderna.a
B’mod simili, dawk li jispeċjalizzaw fit-terapiji alternattivi taʼ spiss jużaw il-ħxejjex biex ifejqu l-mard. F’xi postijiet fid-dinja dan il-metodu ilu jintuża għal mijiet u saħansitra għal eluf taʼ snin. Per eżempju, fl-Indja l-użu tal-ħxejjex ilu żmien twil meqjus bħala l-iktar parti bażika fil-mediċina. Illum, tistaʼ tgħid maʼ kullimkien, ħafna professjonisti tas-saħħa jagħrfu l-qawwa li ċerti ħxejjex għandhom biex ifejqu.
Esperjenza Interessanti
Madwar mitt sena ilu, Richard Willstätter, li iktar tard sar student tal-bijokimika tal-ħxejjex kellu ħabib kbir, iċ-ċkejken Sepp Schwab t’għaxar snin. Dak li ġara lil Sepp influwenzah bil-kbir lil Richard. Sepp kellu siequ infettata sew u t-tabib qallu li kellhom jaqtgħuhielu biex isalvawlu ħajtu, imma l-ġenituri taʼ Sepp mexxew id-data taʼ l-operazzjoni għall-għada fil-għodu. Sadattant, marru jfittxu lil wieħed ragħaj li kien magħruf li juża mediċini magħmulin mill-ħxejjex. Ir-ragħaj ġabar taħlita taʼ ħxejjex, u qattagħhom biċċiet irqaq sakemm it-taħlita kienet tixbah lill-ispinaċi msajjar. Imbagħad qabad it-taħlita u dellikha mal-ferita.
Sa fil-għodu l-ferita kienet marret għall-aħjar, u d-data taʼ l-operazzjoni reġgħet tmexxiet għal data oħra. It-tifel kompla jingħata din il-kura, u maż-żmien, il-ferita fieqet għalkollox. Willstätter kompla jistudja l-kimika fl-Università taʼ Munich fil-Ġermanja u iktar tard rebaħ il-premju Nobel għall-iskoperti li għamel. Dawn kellhom x’jaqsmu maʼ l-istudji tiegħu dwar il-materjal li jagħti l-kulur lill-ħxejjex, u b’mod partikulari l-klorofilla. Taʼ min jinnota li xi 25 fil-mija tal-mediċini li jintużaw illum ġejjin, parti minnhom jew kollha kemm huma, minn kimiċi li jseħħu b’mod naturali fil-ħxejjex.
Il-Bżonn li Jintwera Bilanċ
Madankollu, wieħed irid jagħraf li għamla taʼ kura medika li tkun effettiva ħafna fuq xi ħadd mhux bilfors tkun taħdem daqshekk fuq xi ħadd ieħor. Kemm tkun effettiva kwalunkwe tip taʼ terapija jiddependi fuq diversi fatturi. Fosthom hemm it-tip taʼ marda u kemm tkun qawwija, u s-saħħa ġenerali tal-pazjent. Iż-żmien ukoll jistaʼ jkun fattur ieħor.
Il-metodi alternattivi ġeneralment jaħdmu iktar bil-mod mill-metodi tas-soltu. Allura jekk wieħed ikollu marda, li forsi setaʼ ħeles minnha li kieku din instabet u ngħatat kura minn kmieni, din tistaʼ tiżviluppalu sal-punt li jkollu bżonn jieħu mediċini qawwijin—forsi jagħmel xi operazzjoni wkoll—biex isalva ħajtu. Għalhekk jistaʼ ma jkunx għaqli li joqgħod fuq tip wieħed biss taʼ kwalunkwe terapija, bħallikieku dan kien l-uniku mod kif jittratta problema taʼ saħħa.
Il-mediċina alternattiva hija differenti mit-terapiji tradizzjonali fil-mod kif tittratta l-kwistjoni tas-saħħa. Ġeneralment il-metodi wżati jinvolvu iktar il-prevenzjoni. Dawn jiffokaw fuq l-istil taʼ ħajja u l-ambjent taʼ l-individwu u kif dawn il-fatturi se jeffettwawlu saħħtu. Fi ftit kliem, dawk li jipprovdu terapiji alternattivi ġeneralment iqisu l-persuna kollha kemm hi minflok il-parti marida fil-ġisem jew il-marda biss.
Ħafna nies togħġobhom il-mediċina alternattiva għax jifhmu li fiha jintużaw prodotti naturali u metodi taʼ kura li huma inqas ħorox u inqas perikolużi minn dawk użati fil-mediċina tradizzjonali. Ħafna nies qed jinteressaw ruħhom iżjed f’li jagħrfu liema tipi taʼ kura medika ma fihomx periklu u huma effettivi. Għalhekk fl-artiklu li jmiss se naraw ftit eżempji taʼ terapiji alternattivi.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1988, paġni 25-6.