Daqqa t’Għajn Lejn it-Terapiji Alternattivi
“Li jinbeda djalogu professjonali bejn it-tobba u dawk li jipprattikaw il-mediċina alternattiva huwa kruċjali għal kura aħjar tas-saħħa taʼ dawk il-pazjenti li jagħżlu terapiji alternattivi.”
DIK l-istqarrija kienet stampata fir-rivista The Journal of the American Medical Association (JAMA) fil-ħarġa tagħha tal-11 taʼ Novembru, 1998. L-artiklu qal: “Dan il-bżonn [taʼ djalogu] nistgħu nistennew li se jikber hekk kif jibdew jintużaw it-terapiji alternattivi, b’mod partikulari hekk kif l-iskemi taʼ l-assigurazzjoni tas-saħħa jibdew jinkludu dan it-tip taʼ terapiji fil-benefiċċji li joffru.”
Ħafna iktar pazjenti issa qed jużaw terapiji alternattivi u fl-istess ħin jieħdu vantaġġ minn iktar tipi tradizzjonali taʼ kura. Madankollu, xi wħud jonqsu li jinformaw lit-tabib tagħhom dwar dak li jkunu qed jagħmlu. Huwa għalhekk li Tufts University Health & Nutrition Letter t’April 2000 ħeġġet: “Għandek taġixxi għall-aħjar interess tiegħek billi taħdem flimkien mat-tabib tiegħek minflok għal rasek.” Kompliet tgħid li sew jekk it-tabib japprova l-ħarsa tiegħek u sew jekk le, xorta se tibbenefika billi taqsam l-informazzjoni miegħu.
Dan intqal minħabba r-riskji li jistaʼ jkun hemm għas-saħħa meta ċerti ħxejjex jitħalltu maʼ terapiji tas-soltu. Ħafna professjonisti tas-saħħa jagħrfu li xi wħud mill-pazjenti tagħhom qed jagħżlu t-terapiji alternattivi. Għalhekk dawn qed jagħmlu li jistgħu biex ma jħallux l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kura tas-saħħa jżommuhom lura milli jaħdmu flimkien mat-terapisti alternattivi għall-benefiċċju tal-pazjent tagħhom.
Biex lill-qarrejja tagħna nagħtuhom idea tat-terapiji alternattivi li qed jintużaw minn ħafna iżjed nies f’bosta pajjiżi, se niddeskrivu fil-qosor xi ftit minnhom. Madankollu, jekk jogħġbok innota li Stenbaħ! mhux qed jappoġġa xi waħda minnhom jew kwalunkwe għamla oħra taʼ kura medika.
Mediċina Magħmula mill-Ħxejjex
Din hija forsi l-iktar tip komuni taʼ kura alternattiva. Minkejja li l-ħxejjex ilhom sekli sħaħ jintużaw fil-mediċina, meta toqgħod tqis ftit huma l-ispeċi taʼ ħxejjex li ġew studjati bir-reqqa mix-xjenzati. Jerġaʼ hemm inqas ħxejjex u affarijiet li joħorġu minnhom li ġew studjati fil-fond biżżejjed sabiex setgħet toħroġ informazzjoni dwar kemm huma bla periklu u kemm huma effettivi. Il-biċċa l-kbira taʼ l-informazzjoni dwar il-ħxejjex hija bbażata fuq l-esperjenza mill-użu tagħhom matul l-istorja.
Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, saru għadd taʼ studji xjentifiċi li juru kemm ċerti ħxejjex huma utli għall-kura taʼ ċertu mard bħal dipressjoni ħafifa, telf tal-memorja li għandu x’jaqsam max-xjuħija, u sintomi assoċjati maʼ prostata li tkun kibret xi ftit imma li ma tkunx taʼ theddida. Waħda mill-ħxejjex li ġiet studjata hija l-black cohosh, li bl-Ingliż hija magħrufa wkoll bħala black snakeroot, bugbane, jew rattleroot. L-Indjani Amerikani kienu jgħallu l-għerq tagħha u jużawh f’konnessjoni mal-problemi menstruwali u l-ħlas. Skond Harvard Women’s Health Watch t’April 2000, studji reċenti jissuġġerixxu li prodott taʼ ċertu livell maħruġ mill-black cohosh u li jinbiegħ bħala prodott Ġermaniż jistaʼ jkun effettiv biex “itaffi s-sintomi tal-menopawsa.”
Milli jidher ħafna nies qed ifittxu din l-għamla taʼ kura naturali minħabba li jifhmu li hija inqas perikoluża mill-mediċini sintetiċi. Filwaqt li dan forsi huwa veru, xi ħxejjex huma magħrufin li jikkaġunaw ċerti effetti, speċjalment jekk jintużaw flimkien maʼ xi għamla oħra taʼ kura. Per eżempju, hemm ħaxixa popolari li hija magħrufa bħala sustanza li tneħħi l-konġestjoni b’mod naturali u tintuża wkoll minn min irid inaqqas il-piż. Però din tistaʼ tgħolli l-pressjoni tad-demm u żżid ir-rata tat-taħbit tal-qalb.
Hemm ukoll ħxejjex li bihom il-pazjent jistaʼ jitlef id-demm iktar malajr. Jekk dawn il-ħxejjex jintużaw flimkien maʼ mediċini li “jraqqu d-demm,” jistgħu jqumu problemi serji. Dawk li jbatu minn mard kroniku, bħad-dijabete jew pressjoni għolja, jew dawk li qed jieħdu xi kura oħra jridu joqogħdu attenti dwar jekk jużawx xi mediċina magħmula mill-ħxejjex.—Ara l-kaxxa f’dan l-artiklu.
Hemm raġuni oħra għala wieħed irid joqgħod attent ukoll mill-mediċina magħmula mill-ħxejjex. Dan minħabba l-fatt li meta jintgħamlu, dawn il-prodotti mhux dejjem ikollhom l-istess garanzija taʼ kwalità. Dan l-aħħar saru rapporti li xi prodotti kien fihom metalli tqal u sustanzi oħra li jagħmlu l-ħsara. Iktar minn hekk, instab li xi prodotti tal-ħxejjex ikun fihom ftit jew xejn mill-ingredjenti mniżżlin fuq it-tikketta tagħhom. Eżempji bħal dawn jenfasizzaw il-punt li wieħed għandu jixtri prodotti tal-ħxejjex minn sorsi li għandhom fama tajba u li taʼ min joqgħod fuqhom. M’għandniex xi ngħidu, dan japplika wkoll għal kwalunkwe prodott ieħor li għandu x’jaqsam mas-saħħa.
Supplimenti għad-Dieta
Skond rapporti li saru, is-supplimenti għad-dieta, bħall-vitamini u l-minerali, għenu biex jevitaw għadd taʼ problemi taʼ saħħa kif ukoll biex tingħata kura għalihom. Fosthom kien hemm l-anemija u l-osteoporożi u saħansitra ntqal li jevitaw ukoll id-difetti fit-twelid. Id-dożi li għandhom jittieħdu kuljum taʼ vitamini u minerali kif rikkmandati mill-gvern huma kunsidrati sa ċertu punt bħala li huma bla periklu u utli.
Mill-banda l-oħra, id-dożi kbar li wieħed ikollu jieħu fil-kura taʼ ċertu mard jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa. Bihom għandu mnejn li l-ġisem ma jkunx jistaʼ jassorbi u jibbenefika minn nutrijenti oħra. Jistaʼ jkun ukoll li dawn id-dożi kbar jikkaġunaw xi effetti ħżiena. Wieħed m’għandux jinjora din il-possibbiltà, kif ukoll il-fatt li m’hemmx evidenza importanti biżżejjed li tappoġġa l-użu taʼ ħafna vitamini.
L-Omeopatija
L-omeopatija żviluppat fis-seklu 16 bħala tip taʼ kura inqas ħarxa u inqas qawwija mit-tipi taʼ kura li kienu popolari dak iż-żmien. L-omeopatija hija bbażata fuq il-prinċipju li xi ħaġa tfejjaq lil xi ħaġa bħalha. Tintuża wkoll it-teorija li inqas ma tkun id-doża, tant aħjar. Il-mediċina fl-omeopatija tiġi preparata billi d-duwa li tintuża titħallat diversi drabi maʼ xi likwidu ieħor. Xi kultant tant iħalltuha li lanqas jifdal molekula waħda mill-materjal oriġinali.
Minkejja dan, meta d-duwa taʼ l-omeopatija ġiet imqabbla maʼ l-użu tal-plaċebo, instab li kellha ċertu effett fil-kura taʼ xi affarijiet bħall-ażżma, l-allerġiji, u d-dijarea fit-tfal. Il-prodotti taʼ l-omeopatija jitqiesu bħala li huma neqsin ħafna mill-periklu, peress li jitħalltu ħafna maʼ likwidu ieħor. Artiklu pubblikat fil-ħarġa taʼ JAMA taʼ l-4 taʼ Marzu, 1998, osserva: “Għal ħafna pazjenti li jbatu minn problemi kroniċi li ma ssirilhomx dijanjosi speċifika, l-omeopatija tistaʼ tkun għażla importanti u utli għall-kura. Jekk l-omeopatija tintuża fil-limiti tagħha, din tistaʼ taħdem id f’id mal-mediċina moderna bħala ‘għodda oħra fil-basket.’ ” Madankollu, f’każi t’emerġenza meta jkun hemm il-ħajja fil-periklu, għandu mnejn ikun għaqli li tintuża kura medika iktar tradizzjonali.
Il-Kiroprattika
Hemm għadd taʼ terapiji alternattivi li jinvolvi ċaqliq u għafis bl-idejn fuq il-ġisem. Il-kiroprattika hija fost il-kuri alternattivi l-iktar komuni, speċjalment fl-Istati Uniti. Din hija bbażata fuq l-idea li l-fejqan jistaʼ jirnexxi meta jitranġaw xi difetti fil-pożizzjoni tas-sinsla tad-dahar. Għalhekk dawk li jagħmlu l-kiroprattika jaħdmu fuq is-sinsla biex jirranġaw l-għekiesi tas-sinsla tad-dahar.
Il-mediċina tradizzjonali mhux dejjem jirnexxilha tipprovdi serħan mill-uġigħ fil-parti t’isfel tad-dahar. Mill-banda l-oħra, xi pazjenti li jieħdu l-kura tal-kiroprattika jirrapportaw li joħorġu sodisfatti ħafna. Ma tantx hemm evidenza li turi li l-kiroprattika tistaʼ tintuża għal xi problema oħra ħlief għall-uġigħ.
Taʼ min jinnota li hemm ftit każi t’effetti ħżiena mill-kiroprattika li ssir minn xi ħadd tas-sengħa. Madankollu, fl-istess ħin l-individwu jrid ikun konxju li ċaqliq u għafis fl-għonq huwa assoċjat maʼ riskju taʼ komplikazzjonijiet serji, inkluż puplesija u paralisi. Xi esperti jirrikkmandaw li sabiex dak li jkun inaqqas ir-riskju taʼ komplikazzjonijiet, dan għandu jiġi eżaminat sew biex jara jekk xi stil speċifiku wżat fil-kiroprattika huwiex perikoluż għalih jew le.
Il-Massaġġi
Kważi l-kulturi kollha ilhom li għarfu l-benefiċċji tal-massaġġi. Saħansitra fil-Bibbja għandna mniżżel li kienu jintużaw. (Ester 2:12) Il-British Medical Journal (BMJ) tas-6 taʼ Novembru, 1999, osserva li l-massaġġi għandhom sehem importanti fil-kura medika tradizzjonali Ċiniża u Indjana. Dan iżid li l-massaġġi fl-Ewropa ġew organizzati kmieni fis-seklu 19 minn Per Henrik Ling, li żviluppa dak li issa nafuhom bħala massaġġi Svediżi.
Il-massaġġi huma magħrufin li jirrilassaw il-muskoli, itejbu ċ-ċirkulazzjoni tad-demm, u jneħħu s-sustanzi tossiċi li jkunu nġabru fit-tessuti tal-ġisem. It-tobba issa saru jordnaw il-massaġġi għal xi mard bħalma huwa l-uġigħ taʼ dahar, l-uġigħ taʼ ras, u mard konness mad-diġestjoni. Ħafna nies li jmorru għall-massaġġi jikkummentaw dwar kemm jagħmluhom iħossuhom aħjar. Skond it-Tabiba Sandra McLanahan, “tmenin fil-mija tal-mard huwa konness maʼ l-istress, u l-massaġġi jnaqqsu l-istress.”
Il-BMJ irrapporta li l-biċċa l-kbira tal-massaġġi ftit għandhom riskju t’effetti ħżiena. Dan żied jgħid li ħafna drabi jekk wieħed juża s-sens komun ikun jaf meta m’għandux jagħmel massaġġi. Per eżempju, wieħed għandu jevita li jogħrok xi ħarqa jew li jagħmel massaġġi f’xi riġel jew driegħ li jkollhom xi trombosi kbira fil-vini. Żied ukoll li m’hemm l-ebda evidenza li turi li meta pazjent tal-kanċer imur għall-massaġġi, dawn jifirxulu l-kanċer għal parti oħra taʼ ġismu.
E. Houston LeBrun, li qabel kien il-president taʼ l-Assoċjazzjoni Amerikana tat-Terapija bil-Massaġġi, innota li issa li l-massaġġi bdew isiru iktar popolari, il-konsumaturi qed isiru mħassbin dwar il-kwalifiki taʼ min jagħmel il-massaġġi, u hekk għandu jkun. Il-BMJ ta l-parir li biex jevitaw imġiba mhux professjonali, il-pazjenti għandhom ikunu ċerti li min jagħmlilhom il-massaġġi jkun reġistrat maʼ xi organizzazzjoni xierqa li tistabbilixxi r-regoli. Rapport li sar is-sena l-oħra nnota li t-terapisti ngħataw il-liċenzja fi 28 stat fl-Istati Uniti.
L-Agupuntura
L-agupuntura hija metodu taʼ fejqan li sar popolari mhux ħażin madwar id-dinja. Filwaqt li l-kelma “agupuntura” tirreferi għal ħafna metodi differenti, ġeneralment f’dawn il-metodi kollha huwa komuni l-użu taʼ labar irqaq li jiġu mdaħħlin f’partijiet speċifiċi tal-ġisem biex iħallu effett terapewtiku. Ir-riċerka li ilha sejra għal ħafna snin tissuġġerixxi li l-agupuntura tistaʼ taħdem f’xi każijiet billi tipproduċi ċerti kimiċi fis-sistema tan-nervituri, bħall-endorfini, li jistgħu jgħinu biex jinkiseb serħan mill-uġigħ u l-infjammazzjoni.
Xi riċerki jissuġġerixxu li l-agupuntura tistaʼ tkun effettiva għall-kura taʼ għadd mhux ħażin taʼ mard u li tistaʼ tintuża mingħajr periklu minflok il-loppju. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrikonoxxi li l-agupuntura tistaʼ tintuża għall-kura taʼ 104 problemi taʼ saħħa. U kumitat li ntgħażel mill-Istituti Nazzjonali tas-Saħħa fl-Istati Uniti semma l-evidenza li hemm li turi li l-agupuntura hija terapija aċċettata fil-kura taʼ wġigħ li jiġi wara l-operazzjonijiet, uġigħ fil-muskoli, uġigħ matul il-menstruwazzjoni, u dardir u remettar li jirriżultaw mill-kemoterapija jew mit-tqala.
Filwaqt li l-agupuntura rari jkollha effetti ħżiena, xi individwi jistgħu jħossu partijiet minn ġisimhom juġgħuhom, jorqdulhom, jew iniggżu. Jekk il-labar jiġu sterilizzati kif suppost jew il-labar li jintużaw jintremew wara kull pazjent, ir-riskju taʼ infezzjoni jistaʼ jonqos. Ħafna minn dawk li jagħmlu l-agupuntura ma jkollhomx l-abbiltajiet mediċi li jinħtieġu biex jagħmlu dijanjosi xierqa, jiġifieri jidentifikaw sew il-problema tal-pazjent, jew biex jirrikkmandawlu xi terapiji oħra li jkollu bżonn. F’dan il-każ, ma jkunx għaqli li pazjent jinjora dan in-nuqqas min-naħa taʼ dawk li jagħmlu l-agupuntura. Dan huwa minnu speċjalment jekk wieħed jagħżel l-agupuntura biex itaffi s-sintomi taʼ problemi kroniċi.
L-Għażla Ma Tieqaf Qatt
Dan li semmejna huwa biss tikka mill-ħafna terapiji li f’xi pajjiżi daż-żmien saru jissejħu bħala terapiji alternattivi. Fil-futur xi wħud minn dawn, kif ukoll oħrajn li ma ħarisniex lejhom hawnhekk, għandhom mnejn jibdew jitqiesu bħala tradizzjonali u normali, bħalma huma diġà f’xi partijiet tad-dinja. M’għandniex xi ngħidu, oħrajn jistgħu ma jibqgħux jintużaw, jew inkella jaqilgħu fama ħażina.
B’dispjaċir, l-uġigħ u l-mard huma minsuġin wisq fil-ħajja tal-bniedem, bħalma tgħid il-Bibbja b’eżattezza: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.” (Rumani 8:22) Huwa ovvju li n-nies ifittxu s-serħan. Imma fejn nistgħu nfittxuh? Jekk jogħġbok ikkunsidra xi osservazzjonijiet li jistgħu jgħinuk tagħżel il-kura medika.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
Jekk il-Ħxejjex u l-Mediċini l-Oħra Jitħalltu Flimkien?—X’INHUMA R-RISKJI
Taʼ spiss il-pubbliku ġie mwissi biex ma jiħux ċerti mediċini differenti flimkien jew jiħodhom max-xorb alkoħoliku. Jeżisti xi periklu wkoll f’li wieħed jieħu ċerti ħxejjex flimkien maʼ mediċini ordnati mit-tabib? Din il-ħaġa kemm issir taʼ spiss?
Artiklu f’The Journal of the American Medical Association tkellem dwar meta mediċini ordnati mit-tabib jintużaw fl-istess ħin mal-ħxejjex. Dan innota: “Fost l-44% taʼ l-adulti li qalu li jieħdu regolarment medikazzjonijiet preskritti, kważi 1 (18.4%) minn kull ħamsa rrapporta li kien qed jieħu fl-istess ħin minn taʼ l-inqas prodott wieħed tal-ħxejjex, vitamina taʼ doża qawwija, jew it-tnejn li huma.” Huwa importanti li tkun informat dwar il-perikli li jistaʼ jkun hemm jekk tagħmel dan.
Dawk li jieħdu ċerti prodotti tal-ħxejjex għandhom joqogħdu attenti wkoll meta jkunu se jgħaddu minn xi proċedura medika u jkollhom bżonn il-loppju. It-Tabib John Neeld, il-president tas-Soċjetà Amerikana taʼ l-Anestesjoloġi, spjega li hemm xi rapporti taʼ esperjenzi persunali minn xi nies dwar xi ħxejjex popolari, fosthom il-ġinseng u l-fexfiex, li jistgħu jikkaġunaw bidla kbira fil-pressjoni tad-demm. Hu qal li dan jistaʼ jkun perikoluż ferm waqt il-loppju.
Dan it-tabib żied li xi ħxejjex oħrajn, bħall-ġinko, il-ġinġer u l-arċmisa, jistgħu jfixklu lid-demm milli jagħqad. Dan huwa perikoluż b’mod partikulari meta bniedem jingħata l-loppju minn qaddu ’l isfel. Jekk jibda jintilef id-demm ħdejn in-nervituri fis-sinsla tad-dahar, dan jistaʼ jikkaġuna paralisi. Iżid jgħid li l-fexfiex jistaʼ wkoll iżid l-effett taʼ xi drogi narkotiċi jew anestetiċi.
Jidher ċar li huwa vitali li wieħed ikun jaf dwar il-perikli li jistaʼ jkun hemm jekk jieħu ċerti ħxejjex u mediċini oħrajn f’daqqa. Nisa tqal u li jreddgħu għandhom b’mod speċjali jkunu konxji tal-ħsara li għandhom mnejn iġarrbu wliedhom minħabba t-taħlit taʼ ċerti ħxejjex u mediċini oħra flimkien. Għalhekk, il-pazjenti huma inkuraġġiti li jiddiskutu maʼ dak li jkun qed jagħtihom il-kura dwar liema tip taʼ mediċini għandhom jieħdu, sew jekk dawn ikunu alternattivi u sew jekk le
[Stampi f’paġna 7]
Ċerti ħxejjex kienu utli fil-kura taʼ problemi tas-saħħa
Black cohosh
Fexfiex
[Sors]
© Bill Johnson/Visuals Unlimited
[Stampa f’paġna 7]
Għall-aħjar riżultati, il-pazjenti u n-nies professjonali fil-kura tas-saħħa jridu jikkooperaw flimkien