In-Nar! X’Għandek Tuża biex Titfih?
KEMM-IL darba għaddejna minn ħdejn dak il-gwardjan żgħir u silenzjuż imwaħħal mal-ħajt mingħajr lanqas biss tajna kasu! Madankollu, xi darba forsi għad jiffrankalna l-uffiċċju jew il-fabbrika jew saħansitra d-dar tagħna milli jsiru daħna. L-apparat żgħir li jitfi n-nar jistaʼ jgħinek biex problema żgħira—xi taġen li jieħu n-nar jew xi purtieri li jaqbdu minħabba l-heater—ma tħallihiex tikber. Bħall-arma li tispara b’veloċità qawwija, dan huwa mfassal biex joqtol għadu kiefer qabel ma jilħaq isir b’saħħtu.
Peress li dan l-għadu jitfaċċa minn affarijiet differenti—injam, żejt u gass, l-elettriku—l-apparat li jitfi n-nar ukoll huwa differenti skond il-bżonn. Naturalment, int suppost tkun taf kemm lill-għadu tiegħek u kemm l-armi li għandek biex tiġġilidlu. Dan ma jfissirx li trid tkun taf daqs professjonist li jaħdem fit-taqsima tat-tifi tan-nar, imma jfisser li trid tkun taf xi ftit prinċipji bażiċi. Per eżempju, x’kont tagħmel fil-każ li ġej?
Furnar kien qed isaħħan fil-forn 20 tilar ġdid miksijin sew biż-żejt waqt li kien qed jipprepara biex jaħmi l-ħobż. Madankollu, l-apparat li jikkontrolla s-sħana tal-forn kien bil-ħsara, it-temperatura telgħet m’ogħla s-sema, u ż-żejt beda jdaħħan. Il-kok, liebes l-ingwanti, fetaħ malajr il-forn u ħareġ it-tilari. Imma meta għamel hekk, hu kien qisu qed jgħaddas iż-żejt idaħħan f’banju mimli bl-arja. Wuff! In-nar qabad f’daqqa waħda tant li l-fjammi telgħu sas-saqaf. Il-kok, li ma ġralu xejn, telaq jiġri u mbagħad reġaʼ ġie wara ftit sekondi armat b’ċilindru tad-dijossidu karboniku (carbon dioxide) u malajr tefa n-nar. Imma f’ħakka t’għajn reġaʼ beda tielaʼ d-duħħan, u ż-żejt qabad għal darb’oħra. Dan iċ-ċiklu rrepeta ruħu għal erbaʼ darbiet! Billi beżaʼ li ċ-ċilindru ma kienx se jdum ma jispiċċa, il-kok ġibed gverta magħmula apposta biex titfi n-nar li kienet imdendla fil-qrib u tefagħha fuq l-ixkaffa. Ħa r-ruħ meta din tfiet in-nar—għalkollox!
Naturalment, irridu nużaw l-aħjar armi li jkunu disponibbli għalina biex nitfu nar żgħir imma perikoluż. Iżda kieku l-kok kien jaf dwar il-fatt li n-nar jistaʼ jaqbad f’daqqa—xi ħaġa li tistaʼ tiġri ħafna kulmeta jkun hemm id-duħħan—kieku kien sempliċement jitfi l-forn, ma jiftaħx il-bibien, u jħalli l-affarijiet taʼ ġo fih jiksħu waħedhom. Jew kieku kien jaqbad il-gverta mill-ewwel u mbagħad kien juża ċ-ċilindru tad-dijossidu karboniku, jekk kien ikun hemm bżonnu. Kien x’kien li ġara, din l-esperjenza turi kemm hu importanti li wieħed ikollu għarfien bażiku fuq in-nirien u kif l-aħjar li jitfihom.
It-“Trijanglu” li Jfisser Nar
Dak li jissejjaħ it-trijanglu tan-nar hija formola maħsuba bis-sens komun li turi x’inhuma l-kundizzjonijiet għall-ħruq: fuel flimkien maʼ ossiġnu flimkien maʼ sħana jagħmlu nar. Neħħi wieħed biss minnhom, u mhux biss tkun qed titfi n-nar imma wkoll tevita li n-nar jaqbad iktar. Ejja naraw kif jaħdem dan.
FUEL: L-istess bħalna, in-nirien imutu mingħajr ikel. Il-pompiera jieħdu vantaġġ minn dan il-prinċipju meta jaqbad nar fil-foresti u fejn ikun hemm il-ħaxix. Huma jnaddfu strixxa art minfejn ikun se jgħaddi n-nar biex iwaqqfuh. Fil-kċina, biex telimina l-fuel forsi jkollok sempliċement titfi l-gass. Madankollu, f’okkażjonijiet oħra jistaʼ jkun diffiċli u saħansitra impossibbli li teqred il-fuel.
OSSIĠNU: Għal darb’oħra, bħalna, in-nar irid l-arja. Jekk titfagħlu pala trab jew gverta tan-nar, tifgah. Il-livell taʼ l-ossiġnu m’għandux għalfejn jinżel għalkollox biex tifga n-nar. Jekk il-livell taʼ l-ossiġnu jitnaqqas mill-21 fil-mija li normalment ikun hemm fl-arja taʼ madwarna għal 15 fil-mija, ħafna sustanzi—per eżempju likwidi li jieħdu n-nar, u anki xi affarijiet solidi—ma jibqgħux jaqbdu.
SĦANA: Is-sħana li tqabbad in-nar tistaʼ tkun ġejja minn xi heater, kuker, minn wajers taʼ xi plagg mal-ħajt li tkun mgħobbija ħafna, minn xi xrara jew ġamra, mis-sajjetti, jew mis-sħana li toħroġ minn ħaxix li jkun qed jitħassar, minn kimiċi li jevaporaw faċilment, jew għadd t’affarijiet oħrajn. Tinsiex, jekk tara d-duħħan, speċjalment jekk ikun tielaʼ minn xaħmijiet jew żjut tat-tisjir li jkunu qed jisħnu, hemm iċ-ċans li dawn jaqbdu f’daqqa fi ftit sekondi.
Magħmulin Apposta għal Kull Tip taʼ Nar Żgħir
Filwaqt li f’ħafna djar ma jkunx hemm apparat għat-tifi tan-nar, taʼ spiss il-fabbriki, l-uffiċċji, u l-bini pubbliku jkunu mitlubin bil-liġi li jkollhom dan l-apparat. It-tipi bażiċi huma ilma, kimika mxarrba, ragħwa, trab xott, u dijossidu karboniku. L-apparat li jkun fih il-gass halon qed jinqataʼ għax jaħsbu li dan jeqred il-faxx taʼ l-ożonu fl-atmosfera taʼ l-art. Biex jgħin lil dak li jkun jagħżel l-apparat it-tajjeb f’xi emerġenza, il-biċċa l-kbira minnhom ikollhom simboli mpinġijin li juru fejn jistgħu jintużaw u fejn le, jew forsi jistgħu jkollhom kodiċi bil-kulur. U l-biċċa l-kbira minnhom ikollhom ittra, bħal A, B, jew Ċ, li turi klassi speċifika taʼ nar. Il-gass pressat fiċ-ċilindru jimbotta ’l barra l-ingredjent attiv miż-żennuna b’veloċità qawwija meta tagħfas il-manku. Peress li ċ-ċilindri li jitfu n-nar ikun fihom gass pressat, ikollhom bżonn jiġu ċċekkjati kull tant żmien. Dawn għandhom dejjem ikunu mwaħħlin ħdejn il-passaġġ li jagħti għal barra u jridu jkunu f’post faċli biex wieħed jaqbadhom. Ejja issa nagħtu ħarsa malajr lejn kull tip li hemm.
Iċ-ċilindri tat-trab xott b’mod kimiku ma jħallux lin-nar jaqbad u kważi jistaʼ jissejjaħ l-apparat addattat għal kull tip taʼ nar. It-trab xott mhux biss huwa effettiv għan-nirien taʼ klassi A u B imma huwa utli wkoll f’li jiġġieled in-nirien taʼ klassi Ċ (apparat elettriku). Mela tistaʼ tara kif dan l-apparat li jintuża għal ħafna nirien differenti joffrilek protezzjoni eċċellenti għad-dar tiegħek. It-trab xott jagħmel ħafna ħmieġ—imma dan il-ħmieġ jistaʼ jagħtik battikata żgħira ħdejn dak li jistaʼ jagħtik in-nar!
Iċ-ċilindri b’ilma pressat huma tajbin ħafna għal nirien li jinvolvu karti, injam, plastik, skart, jew drappijiet. Dawn taʼ spiss jissejħu nirien taʼ klassi A. L-ilma huwa effettiv ħafna biex jitfi n-nar minħabba li jistaʼ jixrob ħafna sħana. Meta jkun fi kwantità eżatta, kulma jagħmel l-ilma hu li jneħħi s-sħana tant malajr li n-nar ma jkunx jistaʼ jlaħħaq miegħu bi sħana ġdida, u b’hekk in-nar jintefa. Imma tużax l-ilma fuq likwidi li jieħdu n-nar. Hekk tkun qiegħed biss ixxerred in-nar—b’mod perikoluż ħafna! Ukoll, peress li l-ilma jgħaddi l-elettriku minnu, m’għandekx tuża lilu jew lil kwalunkwe apparat li jkun fih l-ilma fejn ikun hemm wajers li jkun għaddej l-elettriku minnhom.
Iċ-ċilindri bil-kimiċi mxarrbin jużaw taħlita pressata taʼ sustanza mielħa u alkalina fl-ilma u huma effettivi b’mod speċjali kontra x-xaħmijiet u ż-żjut tat-tisjir imma mhux kontra prodotti magħmulin miż-żejt minerali. Huma effettivi wkoll kontra nirien taʼ klassi A.
Iċ-ċilindri tar-ragħwa jaħdmu, mhux biss f’każ taʼ nirien taʼ klassi A imma speċjalment għal nirien li jinvolvu likwidi li jieħdu n-nar (lubrikanti industrijali, fuels, żebgħa), ġeneralment magħrufin bħala nirien taʼ klassi B. Hemm żewġ tipi taʼ apparat li jitfi n-nar bir-ragħwa, u għalhekk iċċekkja liema wieħed jaqbillek tixtri skond il-bżonnijiet tiegħek. Meta titfaʼ r-ragħwa fuq likwidu li jkun qed jaqbad, din tiksih b’saff impenetrabbli li jwaqqaf gassijiet li faċilment jieħdu n-nar u wkoll iżomm l-ossiġnu ’l bogħod. B’hekk ir-ragħwa trid tiġi applikata b’iktar ġentilezza sabiex ma tidħolx fil-likwidu imma minflok tiksih minn barra. Oqgħod attent li ma tużax ir-ragħwa ħdejn l-elettriku.
Iċ-ċilindri tad-dijossidu karboniku jistgħu jintużaw prattikament għal kull tip taʼ nar minbarra n-nirien bil-gass. Huma jaħdmu fuq il-prinċipju li d-dijossidu karboniku jieħu post l-ossiġnu. Imma kif diġà rajna, jekk l-oġġett li jkun ħa n-nar jibqaʼ sħun, jistaʼ jkun li n-nar jerġaʼ jaqbad f’daqqa. Id-dijossidu karboniku huwa gass, u għalhekk jekk ikun hemm il-miftuħ u tkun għaddejja żiffa jitlef ftit mill-effettività tiegħu. Madankollu, peress li jżomm nadif, dan huwa l-iktar apparat magħżul biex jintuża fuq makkinarju delikat u apparat elettroniku. Iżda jekk jintuża f’post żgħir ħafna, id-dijossidu karboniku jistaʼ jifgak, u għalhekk jekk tużah f’każ bħal dan, kun żgur li titlaq ’il barra malli n-nar jintefa, u agħlaq il-bieb warajk.
Il-gverta tan-nara hija faċli biex tużaha u hija perfetta għal nirien żgħar u li ma jkunux mifruxin, bħal dawk li jistaʼ jkollok fuq il-kuker jew fuq xi roqgħa żgħira taʼ tapit. Sempliċement iġbed il-gverta mill-post fejn tkun imdendla mal-ħajt, agħmilha quddiemek biex tipproteġi ruħek mill-fjammi, u ixħet il-gverta fuq in-nar. Ovvjament, jekk ma tkunx diġà għamilt dan, itfi s-sors minfejn tkun ġejja s-sħana immedjatament jekk jistaʼ jkun.
Il-gvieret tan-nar jistgħu jsalvawlek ħajtek ukoll jekk ħwejġek jieħdu n-nar. F’dak il-każ, ftakar din ir-regola vitali: “Ieqaf, inżel, u tgerbeb.” Qatt titlaq tiġri għax tkun biss qed trewwaħ lill-fjammi. Jekk tkun tistaʼ titgeżwer fil-gverta jew xi ħadd ieħor ikun jistaʼ jgeżwirhielek hekk kif tkun qed titgerbeb maʼ l-art, tkun tistaʼ titfi n-nar iktar malajr.
Aħjar minn Kull Apparat
L-aqwa protezzjoni kontra n-nirien, m’għandniex xi ngħidu, hija l-prevenzjoni; allura uża moħħok tajjeb. Żomm is-sulfarini u l-affarijiet li tqabbad in-nar bihom ’il bogħod mit-tfal. Neħħi kull oġġett minn fuq il-kuker u minn ħdejh li jistaʼ jaqbad bin-nar. Qatt issajjar meta tkun liebes ħwejjeġ bi kmiem kbar u wesgħin li jistgħu jaqbdu bin-nar. Waħħal apparat li jagħtik sinjal jekk ikun hemm id-dħaħen f’darek.
Dawn huma xi ftit għajnuniet oħra. Qatt tgħabbi żżejjed il-plaggijiet taʼ mal-ħajt jew il-wajers taʼ estensjoni. Qatt tħalli x-xaħmijiet u ż-żjut waħedhom fuq nar qawwi. Oqgħod attent fejn tqiegħed il-heaters. Jekk għandek xi ċilindri tal-gass qrib id-dar tiegħek, il-valvijiet—li f’każ taʼ nirien jistgħu jirdoppjaw in-nar—agħmilhom iħarsu ’l barra mill-bini. Il-fuse fil-plaggijiet taʼ l-elettriku għandu jkun taʼ daqs xieraq. Jekk wajer taʼ l-elettriku jkollu l-ħsara, ibdlu.
Qatt ħsibt li tipprattika xena taʼ x’se tagħmel jekk id-dar tibda taqbad? Dan jistaʼ tabilħaqq isalva l-ħajjiet. Ftiehem biex il-membri tal-familja jiltaqgħu f’post speċifiku—kwalunkwe post ħieles mill-periklu li tidentifikawh b’mod ċar u jkun faċli li ssibuh kemm billejl u kemm bi nhar. U agħti responsabbiltajiet lill-membri tal-familja: Min se jgħin lit-tfal żgħar jew lil individwi b’diżabilità biex joħorġu mill-periklu? Min se jċempel lit-taqsima tat-tifi tan-nar? Iva, dawn il-provi jistgħu jsalvaw il-ħajjiet għax wieħed ikun ipprepara kif għandu jirreaġixxi b’mod tajjeb, u b’hekk kollox isir awtomatikament u malajr.
Jekk Issib Ruħek fl-Agħar Sitwazzjoni
Ftakar, l-affarijiet tistaʼ tibdilhom imma l-ħajjiet ma jinbidlux. Tissograx ħajtek biex titfi n-nar. Madankollu, jekk ma jkunx taʼ periklu li tkompli titfi n-nar, agħmel dan minn xi mkien li jħallik toħroġ ’il barra. Imma jekk ikollok xi dubju dwar jekk l-apparat għat-tifi tan-nar li għandek hux il-wieħed addattat jew jekk tibżaʼ li n-nar tant hu kbir li l-apparat mhux se jlaħħaq miegħu, oħroġ ’il barra malajr u sejjaħ lit-taqsima tat-tifi tan-nar.
Innota wkoll li d-duħħan, speċjalment duħħan tossiku minn affarijiet sintetiċi, joqtol iktar nies milli joqtlu l-fjammi—dan jistaʼ joqtol f’inqas minn żewġ minuti! Mela meta tkun qed taħrab minn bini li jkun qed jaqbad, tbaxxa. Viċin l-art ikun hemm inqas duħħan, u l-arja tkun inqas sħuna. Jekk jistaʼ jkun, żomm ċarruta niedja maʼ ħalqek. Qabel ma tkun se tiftaħ xi bieb, missu bil-wiċċ taʼ idek. Jekk ikun jaħraq, ifisser li hemm in-nar in-naħa l-oħra; sib xi mkien ieħor minfejn toħroġ. U agħlaq il-bibien kollha warajk kif tkun għaddej. Dan jillimita l-ossiġnu li jasal lejn in-nar. M’għandniex xi ngħidu, il-liftijiet m’għandek qatt u qatt tidħol fihom f’każ taʼ nar—tistaʼ tinqabad fihom u tispiċċa f’forn!
Mela jekk bi ħsiebek tixtri xi apparat taʼ protezzjoni kontra n-nar għad-dar, għall-karozza, jew għall-post tan-negozju tiegħek, ikun jaqbel li tiddiskuti l-kwistjoni maʼ l-awtoritajiet lokali tat-tifi tan-nar. Dettalji iktar speċifiċi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u għalhekk ma jistgħux jiġu inklużi f’dan l-artiklu.
Insomma, meta darb’oħra tara wieħed minn dawn il-gwardjani żgħar, ieqaf u sir afu iktar. Xi darba għandek mnejn tkun tafulu ħafna.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk hija ħaġa komuni f’pajjiżek li tintuża l-gverta tan-nar, kun ċert li taf tużaha tajjeb. L-Għaqda Nazzjonali għall-Protezzjoni min-Nar fl-Istati Uniti tgħid: “Għandu jiġi enfasizzat li . . . l-gvieret tan-nar huma taʼ importanza sekondarja. Għandhom jintużaw biss meta jkunu disponibbli immedjatament. . . . Jekk il-gvieret tan-nar ma jintużawx kif suppost, id-duħħan u l-ġrieħi min-nar jistgħu jkunu agħar jekk il-gverta titfaʼ d-duħħan lejn il-wiċċ jew jekk il-gverta ma titneħħiex wara li l-fjammi jkunu ntfew.”
[Diagram/Stampi f’paġna 17]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
NAR
fuel
sħana
ossiġnu
[Stampi]
KLASSI A
KLASSI B
[Sors]
Chubb Fire Safety
[Diagram f’paġna 18]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Jekk ħwejġek jaqbdu bin-nar, titlaqx tiġri
1. IEQAF
2. INŻEL
3. TGERBEB
[Sors]
© Coastal Training Technologies Corp. Reproduced by Permission
[Stampa f’paġna 16]
Għad-dar, hemm ħafna apparat li jintuża biex jitfi n-nar taʼ diversi kwalitajiet
[Sors]
Stampa t’hawn fuq: Reprinted with permission from NFPA 10 - 1998, Portable Fire Extinguishers, Copyright © 1998, National Fire Protection Association, Quincy, Massachusetts 02269. This reprinted material is not the complete and official position of the NFPA on the referenced subject which is represented only by the standard in its entirety.