LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 10/8 pp. 24-27
  • Iż-Żewġ Uċuħ tan-Nar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iż-Żewġ Uċuħ tan-Nar
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Aspett Perikoluż tan-​Nar
  • Meta n-​Nar Ikun taʼ Theddida
  • L-​Aspett Pożittiv tan-​Nar
  • Il-​Valur taʼ Ħruq Kontrollat
  • Għad Fadal Ħafna X’Nitgħallmu
  • In-Nar! X’Għandek Tuża biex Titfih?
    Stenbaħ!—2001
  • Kont taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Dakinhar li Nħarqet il-“Kapitali tal-Foresta”
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2002
g02 10/8 pp. 24-27

Iż-​Żewġ Uċuħ tan-​Nar

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

IN-​NAR jistaʼ jkun ħabib jew inkella għadu. In-​nar jistaʼ jxettel pajsaġġ mill-​ġdid jew inkella jeqirdu. Nirien kbar jistgħu jiżviluppaw f’qawwa qerrieda ferm, xi ħaġa diffiċli ferm biex tikkontrollaha.

Eżempju wieħed tal-​qilla qerrieda li jikkaġuna n-​nar huwa n-​nirien li nfirxu fl-​Indoneżja fl-​1997. F’dik is-​sena n-​nirien tal-​foresti għamlu ħerba mill-​pajjiż, u kkaġunaw ħsara enormi lill-​art, lis-​saħħa tan-​nies, u lill-​ekonomija. Id-​duħħan devastanti li kien ġej minn dawk in-​nirien beda jinfirex mal-​pajjiżi ġirien​—tmienja b’kollox—u ġie kalkulat li 75 miljun persuna ġew effettwati. Rapporti jindikaw li 20 miljun ruħ ngħataw kura minħabba l-​ażżma, l-​enfisema, u mard tal-​qalb, kif ukoll problemi fl-​għajnejn u fil-​ġilda.

Fis-Singapor, it-​tniġġis żdied għal livelli allarmanti. Il-​belt kienet miksija bid-​duħħan. “Aħna ninsabu lkoll priġunieri fi djarna,” gergret waħda residenta, li kienet qed tibżaʼ toħroġ mid-​dar tagħha li kellha l-​arja kundizzjonata. Fl-​agħar ġranet, in-​nies ma setgħux jaraw ix-​xemx bid-​daħna li kien hemm.

Is-​sena taʼ wara, fl-​1998, 8,000 resident tal-​British Columbia, fil-​Kanada, kellhom jitilqu minn djarhom minħabba li nar tal-​biżaʼ kien qed joqrob b’ħeffa kbira. Dan in-​nar kien wieħed biss minn kważi elf li nfirxu mal-​Kanada dik is-​sena—kien hemm mumenti meta 115 minnhom ma setgħux jikkontrollawhom. Nar wieħed li kien hemm fit-​tramuntana t’Alberta, fil-​Kanada, qered xi 364 kilometru kwadru taʼ foresta. Wieħed resident qal: “Kien jidher qisu splodiet xi bomba nukleari. Kien hemm sħaba sewda enormi fuq il-​komunità kollha.”

L-​Aspett Perikoluż tan-​Nar

In-​nar huwa wieħed mill-​forzi qawwija tan-​natura. Nirien qawwija tal-​foresti jistgħu jbiddlu l-​għamla taʼ l-​art, ibiddlu l-​bilanċ bejn l-​ispeċi taʼ pjanti, il-​komunità taʼ l-​annimali, kif ukoll ikunu taʼ theddida għall-​ħajja u l-​propjetà.

In-nirien qawwija jistgħu jżidu l-​possibbiltà taʼ erożjoni fil-​ħamrija. Meta l-​art tiġi esposta għal xita bil-​qliel li taʼ spiss tinżel wara sajf sħun, il-​ħamrija tal-​wiċċ tiġi mkaxkra maʼ l-​ilma. L-​ispeċi taʼ pjanti jiġu effettwati minn dan. Ftit mill-​iktar pjanti delikati jġarrbu ħsara u jmutu, filwaqt li oħrajn jidraw malajr. Sfortunatament, dawk li jiffjorixxu taʼ spiss ikunu ħaxix ħażin, li għandu t-​tendenza li jimla l-​pajsaġġ u joħnoq il-​pjanti tal-​post.

Mill-banda l-​oħra, l-​annimali li jiddependu minn dawn il-​pjanti speċifiċi tal-​post isibu ruħhom fil-​periklu wkoll. Il-​mammiferi taʼ l-​Awstralja bħalma huma l-​koala u l-​brush-tailed possum huma speċi li jinsabu fil-​periklu u jekk ħafna mill-​abitat naturali tagħhom jinqered bin-​nirien, dawn l-​annimali malajr jistgħu jiġu estinti. Matul dawn l-​aħħar 200 sena, il-​kontinent Awstraljan tilef 75 fil-​mija tal-​foresti tax-​xita, 66 fil-​mija mill-​imsaġar, 19-il speċi taʼ mammiferi, u 68 speċi taʼ pjanti tal-​post, li ħafna minnhom ma ssibhomx f’post ieħor fid-​dinja.

Hekk kif il-​bliet bdew bil-​mod il-​mod jinvadu l-​foresti, ir-​riskju li jintlaqtu min-​nirien qerrieda tal-​foresti żdied iktar u iktar għan-​nies. F’Diċembru taʼ l-​1997, kien hemm iktar minn 2,428 kilometru kwadru li ħadu n-​nar minħabba l-​mijiet taʼ nirien li ħakmu lid-​distretti taʼ Sydney, fl-​Awstralja, u f’bosta rħula żgħar madwar il-​Blue Mountains. Madwar nofs minn dawk in-​nirien tant bdew jaqbdu li spiċċaw bla kontroll. Il-​kummissarju tas-​servizzi tan-​nar qal li kienu l-​agħar nirien li qatt ra fi 30 sena. Mijiet taʼ nies kellhom jitilqu minn djarhom, u xi ftit minn dawn id-​djar inqerdu bin-​nar. Fin-​nirien mietu żewġ persuni wkoll. Fl-​aħħar taʼ Diċembru 2001, in-​nirien tal-​foresti li huwa maħsub li qabbadhom xi ħadd apposta, qerdu 7,689 kilometru kwadru taʼ foresti.

Meta n-​Nar Ikun taʼ Theddida

Hemm ħafna fatturi li jistgħu jkunu responsabbli għal nirien bla kontroll. Fattur naturali li għandu x’jaqsam mat-​temp hu l-​El Niño. Dan hu fenomenu tat-​temp li kultant żmien jikkaġuna ċerti kundizzjonijiet madwar id-​dinja bħal ħafna sħana u temp b’arja xotta. Kwalunkwe art li tintlaqat minn din il-​klima xotta ħafna, kaġunata minn El Niño, għandha l-​kundizzjonijiet perfetti biex jibda jaqbad in-​nar.

L-attivitajiet bla ħsieb tal-​bnedmin huma responsabbli għal nirien qawwija, xi ħaġa li qed tiġri iktar taʼ spiss. Li tqabbad apposta l-​pajsaġġ huwa kunsidrat bħala offiża kriminali f’ħafna pajjiżi. Huwa stmat li l-​ħruq apposta jew l-​inċidenti kkaġunaw iktar minn nofs in-​nirien fil-​foresti li huma propjetà tal-​gvern fin-​New South Wales, l-​Awstralja.

It-trattament irresponsabbli taʼ l-​ambjent huwa fattur ieħor li jistaʼ jwassal għal nirien serji. Minħabba t-​tqaċċit tas-​siġar, il-​foresti qed jaqbdu iktar malajr bin-​nar. In-​nar ikollu iktar x’jaħraq minħabba l-​weraq u z-​zkuk li jitħallew fl-​art meta jitqaċċtu s-​siġar. Xi ħaġa oħra hi li meta jitqaċċtu s-​siġar, jitħalla vojt bejn siġra u oħra minfejn tgħaddi x-​xemx u din tnixxef il-​weraq u z-​zkuk li jkun hemm maʼ l-​art. Malli jkun hemm xrara nar, din it-​taħlita niexfa tieħu mill-​ewwel, u dan jistaʼ jirriżulta f’nar li faċilment jistaʼ jispiċċa bla kontroll.

Konsiderazzjonijiet ekonomiċi jistgħu wkoll jiggravaw il-​problema taʼ nirien kbar ħafna. Xi ħaġa li ilha ssir għal sekli sħaħ fl-​agrikultura u li ma tagħmilx ħafna effett fuq il-​bilanċ tan-​natura hi dik li ssir fl-​Indoneżja. L-​abitanti taʼ dan il-​pajjiż jaħarqu s-​siġar u l-​pjanti kollha f’post partikulari, imbagħad jużawh bħala rabaʼ għal ftit żmien. Meta l-​bdiewa jużaw in-​nar bir-​reqqa u b’mod kontrollat, dan ikollu kważi l-​istess effett fuq l-​ambjent bħalma jiġri bin-​nirien li jaqbdu b’mod naturali. Madankollu, fi żminijiet reċenti, dan il-​metodu tradizzjonali kiber u sar industrijalizzat. Minħabba li madwar id-​dinja prodotti bħaż-​żejt tal-​palm qed jintalbu ħafna, il-​foresti qed jiġu meqruda u minflokhom jitħawlu pjanti li jikbru malajr u li minnhom jaqilgħu ħafna flus. L-​eħfef u l-​irħas mod kif ineħħu s-​siġar u l-​ħaxix naturali huwa billi jaħarqu kollox. Għalhekk, in-​nies jaħarqu eluf taʼ metri kwadri taʼ foresti u ftit li xejn jaħsbu fuq il-​benefiċċji dejjiema li jistgħu jgawdu jekk iżommu biżżejjed inħawi tal-​foresti.

L-​Aspett Pożittiv tan-​Nar

Għalkemm in-​nar jistaʼ jagħmel ħsara kbira u jeqred, jistaʼ jkollu wkoll effett pożittiv fuq ħafna speċi taʼ pjanti u annimali. Fil-​fatt, jistaʼ jilgħab parti essenzjali f’li jżomm il-​bilanċ tan-​natura. Dan kif isir?

In-nar huwa wieħed mill-​eqdem ħbieb tal-​bniedem. Dan żammu sħun, tah id-​dawl, u sajjarlu l-​ikel. L-​indiġeni Awstraljani użaw in-​nar għal sekli sħaħ bħala parti mir-​rutina taʼ kuljum tagħhom. In-​nar tant huwa importanti għan-​nies tal-​Yanyuwa li għandhom iktar minn tużżana kliem biex jiddeskrivu t-​tipi differenti taʼ nar u l-​effetti li għandhom. Per eżempju, hemm mnejn li jużaw il-​kelma kambambarra meta jitkellmu dwar in-​nirien tal-​foresti jew in-​nirien li jinfirxu malajr. Il-​kelma warrman hija użata biex tiddeskrivi pajjiż li jkun inħaraq sew, u li jkun tajjeb għall-​kaċċa. Meta jitlaʼ d-​duħħan u jifforma sħaba dan isejħulu rrumarri.

In-nies indiġeni jużaw in-​nar biex iżżommu roqgħa art vojta u b’hekk ikun jistaʼ jitlaʼ ħaxix ġdid ħalli jirgħu l-​annimali. Huma jużaw nirien żgħar u kontrollabbli biex inaqqsu l-​weraq niexef li jkun waqaʼ mis-​siġar, xi ħaġa li tgħin lin-​nar biex jinfirex malajr. Bis-​saħħa taʼ l-​użu kontrollat tan-​nar b’dan il-​mod, l-​Aboriġini jirnexxilhom jużaw l-​art għall-​ikel filwaqt li jżommu l-​abitat tal-​pjanti u l-​annimali. Dan naqqas ukoll ir-​riskju li jkun hemm nies li jinqabdu f’nirien qawwija u perikolużi.

Il-​Valur taʼ Ħruq Kontrollat

Ftit iktar minn 200 sena ilu meta dawk li kienu joqogħdu fl-​Ewropa marru l-​Awstralja, dan il-​bilanċ delikat bejn il-​bniedem, in-​natura, u n-​nar beda jiġi mfixkel. Mill-​ħarsa taʼ l-​Ewropej, in-​nirien kienu xi ħaġa li kellha tieqaf. In-​nirien li jinxterdu malajr bdew jonqsu, iżda minħabba l-​kwantità taʼ weraq u zkuk nexfin li nġabru taħt is-​siġar, in-​nirien li kien ikun hemm kienu jkunu iktar intensi u diffiċli biex tikkontrollahom. Madankollu, fiż-​żminijiet reċenti, il-​gvernijiet tgħallmu mill-​użanzi taʼ l-​indiġeni Awstraljani u żviluppaw strateġija msejħa ħruq kontrollat. Dan il-​metodu jħalli lin-​nar jaqbad b’mod kontrollat biex ma jkunx hemm ħruq akbar li jġib diżastru. Nirien żgħar jiġu mqabbdin meta ma jkunx l-​istaġun tan-​nirien fil-​foresti. Dawn in-​nirien jimxu bil-​mod, għandhom fjamma baxxa, u jneħħu l-​iskart mingħajr ma jagħmlu ħsara lis-​siġar. Ġeneralment, in-​nida taʼ fil-​għaxija titfihom.

L-iskop tal-​ħruq kontrollat fl-​immaniġġar tan-​nirien fil-​foresti huwa biex jipproteġi l-​ħajja u l-​propjetà filwaqt li tinżamm il-​varjetà taʼ pjanti u annimali tal-​post. Il-​ħruq ippjanat inaqqas it-​tixrid tal-​ħaxix ħażin li mhux tal-​post. Jgħin ukoll biex iżomm il-​varjetà taʼ l-​ambjenti naturali li hemm bżonn biex l-​annimali tal-​post jibqgħu protetti.

Xi speċi taʼ pjanti jidhru li jiddependu min-​nar biex jgħinuhom inibbtu ż-​żerriegħa. Xi ftit minnhom tant għandhom il-​qoxra taʼ barra iebsa li hemm bżonn tan-​nar biex jiftaħhom u jħalli n-​nida tidħol ġo fihom. Ir-​riċerka tindika li d-​duħħan li joħroġ min-​nar jgħin ukoll liż-​żerriegħa biex tinbet. Huwa maħsub li fid-​duħħan hemm 70 komponent li jgħinu liż-​żerriegħa biex tinbet. Komponent importanti huwa d-​dijossidu tan-​nitroġenu.

L-art li ma tkunx ilha ħafna li nħarqet tirriżulta f’ħamrija li tkun mimlija b’dawn is-​sustanzi bħalma huma n-​nitroġenu u l-​fosfru. In-​nar iġiegħel li joħorġu sustanzi li jinsabu fil-​fdalijiet tal-​weraq, jippermetti lid-​dawl tax-​xemx biex jilħaq l-​art, u joħloq ħammiela ideali għall-​pjanti ġodda biex jikbru. Per eżempju, wara li jkun hemm nar, il-​pjanti taʼ l-​akaċja jerġgħu jarmu ż-​żerriegħa u t-​tendenza hi li jissaħħu fil-​kundizzjonijiet li jsibu wara l-​ħruq.

Jidher ukoll li ħafna annimali jibbenefikaw mill-​kundizzjonijiet li jkun hemm wara li jkun inħaraq xi post, speċjalment minħabba l-​ħaxix ġdid li jitlaʼ, li jkun iktar tari u mmerraq. Xi speċi taʼ kangarù u l-​wallabies taʼ spiss jippreferu foresti li jinħarqu ħafna drabi u jingħad li huma dipendenti min-​nar. Dan huwa minħabba li l-​pjanti li jiddependu minnhom għall-​ikel u l-​kenn jiddependu huma wkoll min-​nar biex jirriġeneraw u jibqgħu f’kundizzjoni tajba.

Għad Fadal Ħafna X’Nitgħallmu

Iż-​żewġ uċuħ tan-​nar qed jiġu mifhumin iktar, iżda l-​kuntatt tan-​nar maʼ l-​ambjent huwa kumpless, u għad fadal ħafna iktar x’nitgħallmu. Hemm bżonn li jsiru iktar studji dwar l-​effetti tan-​nar fuq speċi partikulari taʼ pjanti u annimali. Hemm bżonn taʼ iktar riċerka dwar kif in-​nar jaġixxi u jeffettwa l-​ekoloġija tagħna fuq skala akbar. Xi ftit mistoqsijiet li jridu jitwieġbu huma: Huma n-​nirien wieħed mill-​kaġuni taʼ l-​effett serra? X’impatt għandu d-​duħħan li joħroġ min-​nirien fuq il-​klima? In-​nirien kif jaġixxu f’kundizzjonijiet differenti?

Bħalissa, hemm programmi tal-​kompjuter, imsejħin mudelli, li huma mfasslin biex ibassru kif se jaġixxi n-​nar. Dawn jaħdmu billi janalizzaw l-​informazzjoni fuq il-​fuel kif ukoll fuq it-​temperatura, il-​veloċità tar-​riħ, u kundizzjonijiet oħra tat-​temp. Sfortunatament, fil-​preżent dawn il-​mudelli m’humiex dejjem preċiżi, u ma jistgħux ibassru fenomeni mhux tas-​soltu bħalma huma nirien li jinfirxu f’daqqa jew iż-​żjieda malajr fil-​qawwa tan-​nar. Fl-​1997, fin-​nirien taʼ Sydney, żewġ ħaddiema taʼ l-​esperjenza fit-​tifi tan-​nar mietu kaġun taʼ nar li nfirex f’daqqa, iktar magħruf bħala “is-​swaba tal-​mewt.”

Huwa diffiċli li jsir tbassir, b’mod speċjali fuq nirien kbar, għax dawn jistgħu joħolqu ċerti kundizzjonijiet fit-​temp, inkluż riħ qawwi, sħab, u anki maltempati bir-​ragħad. F’daqqa waħda r-​riħ tagħhom jistaʼ jbiddel id-​direzzjoni jew il-​veloċità tiegħu, u dan jagħmel lin-​nar instabbli. Ir-​riċerkaturi jittamaw li jtejbu l-​mudelli li għandhom bħalissa billi jinkludu dawn il-​fatturi flimkien maʼ informazzjoni oħra, bħalma huma t-​tip u x-​xaqliba taʼ l-​art u l-​ammont taʼ weraq u ħaxix niexef li jgħin lin-​nar biex jiżdied.

Proġett biex jilħqu din il-​mira qiegħed isir fl-​Istati Uniti miċ-​Ċentru Nazzjonali għar-​Riċerka Atmosferika (NCAR) fil-​Colorado. L-​NCAR forniet ajruplan tat-​trasport C-130 b’tagħmir xjentifiku avanzat ħafna u mgħammar b’sebaʼ kompjuters, ilkoll protetti b’materjal oħxon. L-​ajruplan ġie magħmul biex itir fuq nar qawwi u jieħu kampjuni taʼ informazzjoni permezz taʼ sensors imqabbdin mal-​ġwienaħ taʼ l-​ajruplan. Imbagħad din l-​informazzjoni tintbagħat fil-​kompjuters biex tiġi proċessata. L-​ajruplan għandu kamera taʼ l-​infrared li jisimha Thermacam, u din tistaʼ turi l-​intensità relattiva taʼ kull parti tan-​nar. B’dan il-​mod, ix-​xjenzati taʼ l-​NCAR qegħdin jitgħallmu kif itejbu l-​aġir tan-​nar fuq il-​mudelli li għandhom bħalissa.

Huwa ttamat li dawn il-​mudelli mtejba jkunu jistgħu jippermettu lill-​esperti biex jikkontrollaw in-​nirien b’inqas periklu. L-​abbiltà biex ibassru bl-​eżattezza x’jistaʼ jagħmel in-​nar tistaʼ wkoll tnaqqas ir-​riskji li l-​ħaddiema tat-​tifi tan-​nar jiffaċċjaw biex jipproteġu l-​komunità.

Iva, meta jkun bla kontroll in-​nar jistaʼ jkun għadu devastanti u qerriedi, iżda jistaʼ jkun taʼ siwi wkoll. Dan jilgħab parti essenzjali fiċ-​ċiklu tan-​natura li l-​Ħallieq għamel biex iġedded l-​art u biex iżomm varjetà bilanċjata taʼ pjanti u annimali.

[Stampa f’paġna 25]

Ċriev imwerwrin jevitaw in-​nar li qed jaħkem il-​wied tax-​Xmara Bitterroot fil-​Montana

[Sors]

John McColgan, BLM, Alaska Fire Service

[Stampa f’paġna 26]

Nar kontrollat fl-​Awstralja

[Sors]

Ritratt provdut bil-​korteżija taʼ Queensland Rural Fire Service

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja