Dakinhar li Nħarqet il-“Kapitali tal-Foresta”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
FIT-18 TAʼ JANNAR, 2003, ir-residenti tal-belt kapitali taʼ l-Awstralja, Canberra, stenbħu fi sħana tal-biżaʼ. Sħaba ħoxna taʼ duħħan bidlet ix-xemx taʼ fil-għodu f’ballun aħmar kulur id-demm. L-arja kienet tifilġek daqskemm kienet taħraq u xotta. L-Awstralja għaddiet minn nixfa kbira li minħabba fiha s-siġar, il-weraq, u l-ħaxix nixfu u saru qishom parċmina. Għal bosta ġimgħat in-nar qered il-foresti vasti taʼ l-ewkaliptu li jdawru l-belt, magħrufa b’għożża bħala l-Kapitali tal-Foresta.
Matul dak in-nofs taʼ nhar, buffuri taʼ riħ jikwi kkaġunaw dak li ħadd qatt ma basar. In-nirien qabżu l-fruntieri li jikkontrollawhom u nfirxu malajr lejn il-foresti taʼ l-arżnu u komplew jinfirxu madwar in-naħa tal-lbiċ taʼ Canberra.
Il-Foresta Tieħu n-Nar
Elliot, volontier li jaħdem mat-taqsima tat-tifi tan-nar, jgħid: “Fit–3:00 p.m., il-foresti taʼ l-arżnu ħadu n-nar b’tant qawwa li aħna u dawk li kienu joqogħdu fil-qrib ġejna miksijin bl-irmied jaħraq. Kien tal-biżaʼ li tara ħajt tan-nar twil 40 metru [130 pied] riesaq jiġri lejna.” Is-sħana tikwi u l-buffuri tar-riħ ifformaw ċikli fit-temp li ħolqu ballun tan-nar li mexa b’ħeffa li ma bħalha mid-distrett taʼ Chapman, waqt li qalaʼ s-siġar mill-għeruq u qered id-djar. Għadd kbir taʼ arbli tad-dawl inħarqu u waqgħu, u niżżlu magħhom il-wajers tad-dawl bl-elettriku għaddej minnhom. Matul l-ewwel siegħa, inqerdu 230 dar.
Gruppi taʼ ħaddiema tat-tifi tan-nar ma setgħux ilaħħqu mal-qilla taʼ dan il-fenomenu. Elliot jgħid: “Kien taʼ qsim il-qalb li tara d-djar jaqbdu, ladarba kellna nagħżlu liema djar konna se nipprovaw insalvaw u liema konna se nħalluhom jinħarqu. L-agħar ħaġa kienet li tara lin-nies jibku u mnikkta huma u sejrin lura lejn dawk li xi darba kienu djarhom.”
Il-Konsegwenzi
Erbaʼ persuni mietu fin-nirien, u mijiet oħrajn indarbu. Waħda mill-vittmi, mara taʼ 36 sena, ġriet lura lejn darha biex issalva xi ritratti. Is-saqaf tad-dar sfronda u nqabdet ġewwa. Ma setgħux isalvawha.
Meta l-irjieħ u n-nirien battew, kienu nqerdu 530 dar, u 2,500 ruħ sfaw bla dar. L-elettriku, il-gass, u s-servizzi tad-dranaġġ ġarrbu ħsara kbira u minħabba f’hekk in-nies bdew jinkwetaw dwar is-saħħa. Uħud li kellhom problemi fis-sistema respiratorja tan-nifs iffollaw l-emerġenza fl-Isptar taʼ Canberra. B’sogħba, waqt li ċ-ċentri taʼ l-evakwazzjoni mtlew bin-nies, il-kriminali bla qalb bdew jisirqu d-djar abbandunati. Iżda kien hemm ukoll għadd kbir taʼ għemejjel taʼ ħila u qalb tajba li ġew rapportati. Il-ġirien għenu lil xulxin, l-istranġieri salvaw l-annimali, l-iskejjel fetħu l-bibien tagħhom għal dawk li sfaw bla dar, u l-volontiera tat-tifi tan-nar ipproteġew il-bini taʼ ħaddieħor, waqt li huma tilfu djarhom stess.
Waqt li s-siġar jerġgħu jikbru u d-djar jerġgħu jinbnew, il-Prim Ministru John Howard qal li l-impatt tal-qerda “m’huwiex se jintesa malajr . . . mill-imħuħ taʼ l-abitanti taʼ Canberra.”
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 25]
AP Photo/Fairfax, Pat Scala