Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandu ż-Żwieġ Ikun Għaqda Dejjiema?
HEMM għalfejn nistaqsuha din il-mistoqsija? Wara kollox, fil-wegħda li ssir fi żwiġijiet tal-Punent ma jintqalx, “fit-tajjeb u fil-ħażin” u “sakemm il-mewt tifridna”? Iva, ġeneralment il-wegħda taż-żwieġ tgħid li l-għarus u l-għarusa se jidħlu f’rabta dejjiema. Imma ħafna wħud m’għadhomx iqisu lilhom infushom marbutin b’din il-wegħda solenni. Hija ħaġa tal-biżaʼ kemm hemm koppji miżżewġin li qed jinfirdu—min wara ftit xhur, u min wara snin twal taʼ żwieġ. Ir-rispett lejn l-arranġament taż-żwieġ għala qiegħed jonqos? Il-Bibbja tagħti t-tweġiba.
Jekk jogħġbok eżamina t-2 Timotju 3:1-3, u qabbel dan maʼ dak li tara madwarek fid-dinja llum. F’parti minnhom, dawk il-versi jgħidu: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; . . . bla gratitudni, bla tjieba [“m’humiex leali,” NW], bla qalb, bla ħniena [“m’huma lesti għal ebda ftehim,” NW], . . . bla rażan.” Ħaġa taʼ l-iskantament kemm hija eżatta din il-profezija. Dawn l-attitudnijiet ħassru u dgħajfu r-relazzjonijiet taż-żwieġ madwar id-dinja kollha, u xiehda taʼ dan huma r-rati għolja taʼ divorzju.
Huwa ċar li ħafna nies m’għadx baqgħalhom rispett lejn iż-żwieġ. Meta nqisu dan, għandna mnejn nistaqsu: “Għandu ż-żwieġ jittieħed daqshekk bis-serjetà? Teżisti l-qdusija taż-żwieġ? Il-Kristjani kif għandhom iqisuh iż-żwieġ? Illum il-Bibbja x’għajnuna toffrilhom lill-koppji miżżewġin?
Il-Ħarsa t’Alla Nbidlet?
Fil-bidu, Alla ma tkellimx dwar l-għaqda taż-żwieġ bħala xi ħaġa temporanja. Ir-rakkont taʼ meta għaqqad lill-ewwel raġel u mara fiż-żwieġ insibuh f’Ġenesi 2:21-24, u hemmhekk ma tissemma l-ebda għażla taʼ divorzju jew separazzjoni. Minflok, vers 24 jgħid: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” Xi tfisser din l-iskrittura?
Ikkunsidra l-ġisem tal-bniedem, il-mod kif il-partijiet differenti tiegħu huma minsuġin flimkien mingħajr ma jidher xejn u l-mod kif kull għadma hija magħquda m’oħra permezz taʼ l-għekiesi b’saħħithom li ma jħokkux waħda maʼ l-oħra. X’unità! X’sodizza! Imma x’agunija jkun hemm meta dan il-ġisem li m’hawnx bħalu jġarrab ġrieħi gravi! Għaldaqstant, f’Ġenesi 2:24, il-frażi “ġisem wieħed” tenfasizza l-intimità u l-permanenza tar-rabta taż-żwieġ. Twissi b’mod ċar ukoll li jistaʼ jkun hemm uġigħ kbir jekk din ir-rabta tinħall.
Għalkemm matul il-millennji li għaddew in-nies biddlu u reġgħu biddlu l-ħarsa tagħhom dwar din il-ħaġa, Alla xorta għadu jqis iż-żwieġ bħala rabta dejjiema. Madwar 2,400 sena ilu, xi rġiel Lhud ħaduha drawwa li jabbandunaw lill-ewwel mara tagħhom u jiżżewġu nisa iżgħar fl-età. Alla kkundannah dan l-aġir, u ddikjara hekk permezz tal-profeta tiegħu Malakija: “Ħarsu rwieħkom, mela, u qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara taʼ żgħożitu. ‘Għax jiena d-divorzju nobogħdu,’ jgħid il-Mulej, Alla taʼ Iżrael.”—Malakija 2:15, 16.
Iktar minn erbaʼ sekli wara, Ġesù reġaʼ saħħaħ il-ħarsa oriġinali t’Alla dwar iż-żwieġ meta kkwota Ġenesi 2:24 u mbagħad ta d-direzzjoni: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” (Mattew 19:5, 6) Snin wara l-appostlu Pawlu għallem li “mara ma għandhiex tħalli lil żewġha” u li “raġel ma għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) Dawn l-iskritturi juru bl-eżatt x’inhi l-ħarsa t’Alla dwar iż-żwieġ.
Allura hemm każi meta l-Bibbja tippermetti li ż-żwieġ jinħall? Iva, iż-żwieġ jispiċċa meta s-sieħeb jew is-sieħba jmutu. (1 Korintin 7:39) Iż-żwieġ jistaʼ jinħall ukoll jekk iseħħ adulterju u l-parti innoċenti fiż-żwieġ tiddeċiedi li jsir hekk. (Mattew 19:9) Altrimenti, il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-koppji biex jibqgħu flimkien.
Kif Ikollok Żwieġ Dejjiemi
Alla jixtieq li ż-żwieġ ikun dejjiemi, iżda jixtiequ li jkun bħal vjaġġ sabiħ u mhux bħal ġlieda għall-ħajja. Hu jixtieq li r-raġel u l-mara jsolvu l-problemi taʼ bejniethom u jitgħaxxqu bil-kumpanija taʼ xulxin. Il-Kelma tiegħu tipprovdi gwidi għal żwieġ hieni u dejjiemi. Jekk jogħġbok ara l-iskritturi li ġejjin.
Efesin 4:26: “Tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.”a Wieħed raġel li jinsab kuntent fiż-żwieġ tiegħu jħoss li din l-iskrittura tgħin lilu u lil martu biex isolvu n-nuqqas taʼ qbil li jkollhom minnufih. “Jekk ma tkunx tistaʼ torqod wara li jkollok xi tgħid, hemm xi ħaġa li mhux qegħda sew. Ma tistax tħalli l-problema tibqaʼ għaddejja,” hu jgħid. Xi drabi hu u martu jibqgħu jiddiskutu l-problemi tagħhom sa tard bil-lejl. Imma dan ġabilhom suċċess. Hu jżid: “Jekk tapplika l-prinċipji tal-Bibbja jkollok riżultati mill-isbaħ.” Billi għamlu hekk, dawn it-tnejn ilhom 42 sena miżżewġin u kuntenti.
Kolossin 3:13: “Stabru b’xulxin, u, . . . aħfru lil xulxin.” Wieħed raġel jispjega kif hu u martu applikaw dan il-parir: “Il-miżżewġin jistgħu jirritaw lil xulxin mingħajr ma forsi jagħmlu xi ħaġa ħażina, ladarba kulħadd għandu xi dgħjufija jew vizzju li jdejjaq lil ħaddieħor. Aħna nistabru b’xulxin billi ma nħallux dawn l-affarijiet ibegħduna minn xulxin.” M’hemmx dubju li dan il-ħsieb għen lil din il-koppja matul l-54 sena li ilhom miżżewġin!
L-applikar taʼ prinċipji Skritturali bħal dawn isaħħaħ ir-rabta li tgħaqqad raġel u mara fiż-żwieġ. B’hekk iż-żwieġ tagħhom jistaʼ jkun wieħed ferrieħi, sodisfaċenti, u dejjiemi.
[Nota taʼ taħt]
a Skond kif kienu jikkalkulaw il-ħin fil-Lvant Nofsani fl-ewwel seklu, il-ġurnata tispiċċa maʼ nżul ix-xemx. B’hekk Pawlu kien qed jinkuraġġixxi lill-qarrejja tiegħu biex ikunu fil-paċi maʼ xulxin qabel ma jispiċċa kull jum.