Ħarsa Lejn id-Dinja
Ix-Xhieda Jirbħu Każ fil-Qorti fir-Russja
The New York Times taʼ l-24 taʼ Frar, 2001, irrapportat: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum [it-23 taʼ Frar] f’qorti f’Moska kisbu rebħa, li potenzjalment se jkollha effett kbir, kontra l-prosekuturi li kienu fittxew li jipprojbixxu l-grupp minħabba liġi taʼ l-1997 li kienet tipprojbixxi s-setet reliġjużi li kienu jqanqlu l-mibegħda jew l-intolleranza.” Il-proċess kien ġie sospiż fit-12 taʼ Marzu, 1999, u tqabbdu ħames esperti biex jistudjaw it-twemmin tax-Xhieda. Il-każ kompla wieqaf għal kważi sentejn. Wara li reġaʼ beda fis-6 taʼ Frar, 2001, f’inqas minn tliet ġimgħat il-qorti sabet li l-akkużi tal-prosekuzzjoni kienu bla bażi. Madankollu, il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tal-Belt taʼ Moska biex tordna li l-kawża tinfetaħ mill-ġdid. Fit-30 taʼ Mejju dik it-talba ntlaqgħet, u l-każ ġie ordnat li jerġaʼ jidher iktar tard quddiem il-qorti fejn sar il-proċess biex din terġaʼ teżaminah għal darb’oħra. “Il-Knisja Ortodossa Russa, li topponi ferm l-attivitajiet missjunarji,” qalet il-Los Angeles Times, “kienet waħda mill-proponenti prinċipali tal-liġi taʼ l-1997 dwar ir-reliġjon, li ġagħlet lil ħafna denominazzjonijiet biex jgħaddu minn proċess diffiċli taʼ reġistrazzjoni.”
Oqbra Personalizzati
“L-aħħar moda fil-funerali hi l-oqbra strambi,” jgħid il-ġurnal Franċiż L’Express. Dawk li jagħmlu l-oqbra qed joffru li jwaqqfu monumenti personalizzati b’25 kulur differenti, b’forom ġodda, u b’materjali bħal ħġieġ kulurit jew metall. Fost xi monumenti li diġà saru hemm skulturi taʼ paraxut, kelb u baqra, ferrovija mfarrka, u bittija kbira—ordnata minn negozjant taʼ l-inbid. Kumpanija kbira tgħid li tagħmel minn taʼ l-inqas 80 mudell taʼ muturi fis-sena biex iżejnu l-oqbra. Skond l-artiklu, ir-regoli lokali jippermettu biss lapida u rħama, imma l-liġi Franċiża tappoġġa t-twemmin individwali, u lis-sidien taʼ biċċa art fiċ-ċimiterju tagħtihom il-“libertà tal-bini.”
Oqgħod Attent miċ-Ċomb fil-Ġojjellerija
“Jekk it-tifel jew tifla tiegħek għandhom ħabta jomogħdu jew isoffu l-ġojjellerija li jistaʼ jkun fiha ċ-ċomb, eħles minn dawn l-affarijiet mill-ewwel,” jagħti l-parir rapport minn Health Canada. Meta saru xi testijiet fil-laboratorji fuq ġojjellerija rħisa li normalment tinxtara għat-tfal, sabu li l-biċċa l-kbira mill-oġġetti kien fihom bejn 50 u 100 fil-mija ċomb. “Jekk it-trabi u t-tfal żgħar jieħdu saħansitra ammonti żgħar taʼ ċomb jistaʼ jkollhom effetti taʼ ħsara fuq is-saħħa fl-iżvilupp taʼ moħħhom u l-imġiba tagħhom,” jgħid ir-rapport. M’għandniex xi ngħidu, huwa diffiċli biex tinduna kemm hemm ċomb f’xi ħaġa mingħajr ma jkollok l-apparat biex tittestjaha. Mela meta wieħed iqis li l-ġojjellerija tat-tfal normalment ma tantx tkun tqum flus, skond kif twissi l-gazzetta National Post, l-aħjar strateġija tistaʼ tkun: “Meta bejn ħalltejn, iżżommha xejn.”
Lingwi li Qed Jgħibu
Proġett konġunt Brażiljan u Ġermaniż qed jippjana li jiddokumenta l-lingwi Brażiljani oriġinali li jinsabu fil-periklu li jgħibu għalkollox, tirrapporta l-gazzetta tal-Brażil Folha de S. Paulo. Ir-riċerkaturi jittamaw li jżommu l-ilsna Trumai, Aweti, u Cuicuro billi joħolqu ġabra taʼ informazzjoni diġitali taʼ kliem u ħsejjes. Skond il-lingwist Aryon Rodrigues, 180 lingwa biss baqgħu jeżistu mill-1,200 ilsien oriġinali li kien hemm propjament fil-Brażil. Minn dawn, taʼ l-inqas 50 jiġu mitkellma minn inqas minn 100 ruħ. Fil-każ taʼ lingwa minnhom, il-Makú, l-uniku wieħed li jitkellimha huwa armel taʼ 70 sena li jgħix fin-naħa taʼ fuq tal-Brażil. Rodrigues jgħid li l-ippreservar tal-lingwi oriġinali taʼ xi pajjiż huwa vitali biex tinżamm il-kultura tradizzjonali taʼ xi poplu.
It-Tajwan Jagħti l-Amnestija lill-‘Priġunieri tal-Kuxjenza’
“Il-President Chen Shui-bian [tat-Tajwan] ħafer lil 21 ħabsi . . . , inkluż 19-il ‘priġunier tal-kuxjenza’ li ntefgħu l-ħabs talli rreżistew il-lieva,” tirrapporta The China Post. “Il-maħfra, b’effett mill-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem [l-10 taʼ Diċembru, 2000], se tnaddaf l-isem taʼ 19-il Xhud taʼ Jehovah, li ntefgħu l-ħabs talli rrifjutaw li jidħlu fis-servizz obbligatorju tal-militar għal raġunijiet reliġjużi.” Minn dawn id-19, 14 diġà kienu nħelsu qabel iż-żmien fuq kondotta tajba. Kienet l-ewwel darba f’għaxar snin li ngħatat maħfra speċjali. L-avukat Nigel Li, li l-kumpanija legali tiegħu ħadet ħsieb il-każ għax-Xhieda, qal: “Ix-Xhieda qanqluni u impressjonawni bil-missjoni tagħhom għat-tfittxija tal-paċi. . . . L-għażla tagħhom għall-paċi tirrifletti livell għoli taʼ valuri umani. Dan jitlob minna li nagħtuhom rispett speċjali.”
“Hija ‘Popolazzjoni Kbira Żżejjed’ Ħrafa?”
“Għalkemm tidher li hi ħaġa stramba ħafna, il-popolazzjoni kollha tad-dinja tistaʼ toqgħod fl-istat taʼ Texas fl-Istati Uniti,” tirrapporta r-rivista Vitality. Skond l-artiklu, il-Ġnus Magħquda bħalissa tikkalkula li l-popolazzjoni tad-dinja hija taʼ madwar sitt elef miljun ruħ, u Texas tkopri 680,000 kilometru kwadru. Għalhekk, kull persuna kieku jkollha spazju taʼ iktar minn 113-il metru kwadru fejn tgħix. “Familja taʼ 5 min-nies b’hekk ikollha iktar minn 565 metru kwadru. Saħansitra f’Texas, dan kieku jkun daqs dar kbira,” tgħid Vitality. “Sadanittant, il-bqija tad-dinja tkun totalment vojta, u titħalla lill-umanità kollha għall-attivitajiet tal-biedja, tal-manifattura, taʼ l-edukazzjoni, u tar-rikreazzjoni!”
In-Nopal Utli Ħafna —Barka għad-Dijabetiċi?
Ħafna nies jaħsbu li n-nopal hija pjanta tad-deżert oħra bħall-oħrajn li tikber fis-salvaġġ. Madankollu, kif ġie rapportat fil-gazzetta The News tal-Belt tal-Messiku, in-nopal li hi utli ħafna tistaʼ tinteressa b’mod speċjali lid-dijabetiċi. Għala? Ix-xjenzati sabu li l-ikel preparat mid-dqiq magħmul min-nopal imnixxef jistaʼ jittiekel mid-dijabetiċi mingħajr ma jgħollilhom il-livell taz-zokkor fid-demm. Jidher li billi jsaħħaħ il-fwied u l-frixa, in-nopal jagħmel il-ġisem iktar sensittiv għall-insulina.
Għala t-Tfal Isibuha Iebsa biex Jikkomunikaw
Skond il-gazzetta Berliner Morgenpost, il-kelliemi għall-għaqda tal-pedjatri f’Berlin jitfaʼ l-ħtija tal-problemi taʼ komunikazzjoni taż-żgħar fuq il-ħin twil li jqattgħu quddiem it-televixin u fuq il-kompjuter. Hu qal li t-tfal, speċjalment dawk li jkunu għadhom ma bdewx l-iskola, għandhom iqattgħu inqas ħin jaraw it-televixin jew bil-qiegħda quddiem il-kompjuter, u jużaw iktar ħin biex jikkomunikaw maʼ nies taʼ veru li jġagħluhom jaġixxu. Iżjed minn hekk, skond The Sunday Times tal-Britannja, riċerka ġdida tissuġġerixxi li “għadd li dejjem jiżdied taʼ nies li għandhom maʼ l-għoxrin u t-tletin sena qed ibatu minn nuqqas kbir tal-memorja” u minn nuqqas t’abbiltà “li jiddistingwu bejn fatti importanti u mhux importanti” minħabba li qed “jiddependu iktar u iktar fuq it-teknoloġija tal-kompjuter.”
Iċ-Ċikkulata—Tajba għas-Saħħa?
Hemm min jgħid li ċ-ċikkulata hija tajba għas-saħħa, tistqarr il-gazzetta Nihon Keizai Shimbun tal-Ġappun. Għala? Għax iċ-ċikkulata fiha l-polifenol tal-kawkaw, li jgħin biex jevita l-arterjosklerożi u l-kanċer. Iktar minn hekk, jingħad li ċ-ċikkulata hija effettiva biex tibbilanċja s-sistema taʼ l-immunità u tgħin lill-ġisem jirkupra mill-istress. Il-Professur Hiroshige Itakura taʼ l-Università Kristjana taʼ Ibaraki jgħid: “L-iktar li hija effettiva hija ċ-ċikkulata taʼ kwalità tajba ferm li tuża ħafna żerriegħa tal-kawkaw u ftit li xejn zokkor u żejt.” Madankollu, il-professur enfasizza wkoll l-importanza taʼ li wieħed jiekol “ħxejjex ħodor u sofor u proteini li fihom it-tipi differenti taʼ polifenol” li l-ġisem għandu bżonn.
Ir-Riħa taʼ “Karozza Ġdida”
Il-kimiċi li joħorġu minn xogħol dekorattiv ġo xi bini jistgħu jikkaġunaw problemi tas-saħħa li xi kultant fil-Ġappun jirreferu għalihom bħala s-“sindromu taʼ mard tad-dar.” Imma l-materjali li jkunu f’karozzi ġodda wkoll iħallu kimiċi tossiċi f’dożi qawwijin, tirrapporta l-gazzetta The Daily Yomiuri. Huma u jittestjaw karozza ġdida, ir-riċerkaturi fl-Istitut tal-Prefettura għas-Saħħa Pubblika f’Osaka, sabu li d-doża taʼ sustanzi li jagħmlu l-ħsara kienet 34 darba iktar mil-limitu li tpoġġa għad-djar mill-Ministeru tas-Saħħa. Anki wara li damet tintuża sena, il-livell taʼ kimiċi fil-karozza baqaʼ ogħla mil-limitu temporanju. Iwao Uchiyama mill-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika jinnota: “Meta wieħed ikollu bilfors jibqaʼ ġo karozza għal żmien twil, aħjar joqgħod attent.” Kif? Hu jikkummenta: “Jekk l-arja taʼ barra titħalla tidħol, din tistaʼ tiċċirkola iktar malajr milli ġo dar.”