It-Tfal Tiegħek Huma Protetti?
Skond il-U.S. National Highway Traffic Safety Administration (NHTSA), l-inċidenti bil-karozzi huma l-kaġun ewlieni tal-mewt fost it-tfal taʼ bejn il-5 u l-14-il sena. In-NHTSA tgħid: “Iktar minn 50% tat-tfal li jmutu fl-inċidenti ma jkunux marbutin [b’mezzi taʼ sigurtà]. Barra minn dawn, 4 minn kull 5 itfal ma jkunux marbutin kif suppost.”
Għal dawk li jkollhom magħhom it-tfal waqt is-sewqan, in-NHTSA toffri numru taʼ pariri u twissijiet dwar kif jistgħu jipproteġuhom. Għalkemm il-liġijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor saħansitra minn stat għal stat, il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jagħmlu tajjeb li jaħsbu sew dwar dawn il-linji taʼ gwida. Jekk jogħġbok, iċċekkja x’jgħidu l-liġijiet tal-lokal tiegħek u agħmel dak kollu li hu possibbli biex tipproteġi lill-passiġġieri prezzjużi tiegħek!
PARIRI GĦAS-SIGURTÀ
L-iktar post bla periklu għat-tfal kollha hu s-seat taʼ wara.
1 It-tfal ċkejknin għandhom jitpoġġew fuq is-seat taʼ wara, f’siġġu għas-sigurtà tat-tfal (child seat) li jitqiegħed f’pożizzjoni li jħares lejn il-wara tal-karozza.
2 It-tfal li jkollhom minn taʼ l-inqas sena u jiżnu minn taʼ l-inqas 9 kilogrammi jistgħu jitpoġġew f’siġġu li jitqiegħed f’pożizzjoni li jħares ’il quddiem.
3 Meta jkunu jiżnu 18-il kilogramma, it-tfal jistgħu jużaw “booster seat”—siġġu li jitpoġġa fuq is-seat tal-karozza biex it-tfal jogħlew ftit. Dan irid ikun marbut tajjeb biċ-ċinturin tas-sigurtà tal-karozza.
4 Meta jkunu jiżnu madwar 36 kilogramma u jkollhom tul taʼ bejn wieħed u ieħor 140 ċentimetru, it-tfal jistgħu jibdew jużaw iċ-ċinturin tas-sigurtà taʼ l-adulti.
TWISSIJIET
It-tfal m’għandhomx joqogħdu bil-qiegħda fis-seat taʼ quddiem tal-karozza qabel ma jkollhom minn taʼ l-inqas 13-il sena. L-air bags jistgħu jikkaġunaw ġrieħi serji lit-trabi u t-tfal żgħar jekk ikunu bil-qiegħda fis-seat taʼ quddiem.
Meta jintuża booster seat, iċ-ċinturin tas-sigurtà tal-karozza ma jipprovdix biżżejjed protezzjoni jekk il-booster seat ma jkollux ilqugħ fuq quddiem li jżomm lit-tifel milli jmur ’il quddiem b’xi skoss.
Taħsibx li biex tipproteġi lit-tfal ċkejknin huwa biżżejjed li jintuża ċ-ċinturin tas-sigurtà tal-karozza; f’każ taʼ ħabta, iċ-ċinturin jistaʼ jaqtaʼ għonq it-tfal u jikkaġuna ġrieħi serji jew saħansitra mewt.
Segwi sew l-istruzzjonijiet meta tuża jew tqiegħed f’posthom iċ-child seats. Skond in-NHTSA, jistaʼ jkollok l-iktar seat li joffri sigurtà iżda jekk ma tużahx sew m’huwiex se jipproteġi lit-tfal tiegħek.
[Stampa f’paġna 24]
Sabiex tqiegħed child seat f’postu kif suppost trid taqfel tajjeb iċ-ċinturin tas-sigurtà