Aqfel Is-seat-belt Għas-sigurtà
◼ Fl-Istati Uniti, l-aċċidenti bil-karozzi huma l-kawża prinċipali tal-mewt fost iż-żgħażagħ taʼ bejn il-5 u l-24 sena.
◼ Fil-Ġappun, l-aċċidenti tat-toroq huma responsabbli għal iktar mid-doppju taʼ l-imwiet mill-kanċer tas-sider u joqtlu erbaʼ darbiet iktar nies mill-kanċer tal-prostata.
◼ Fl-Ewropa, l-aċċidenti bil-karozza jikkaġunaw erbaʼ darbiet iktar imwiet milli jikkaġunaw l-omiċidji.
DAWN l-istatistiċi allarmanti jenfasizzaw wieħed mill-perikli inerenti taʼ li tivvjaġġa bil-karozza—il-veloċità tiswa l-ħajjiet. U l-veloċità maʼ l-alkoħol toqtol. Għall-grazzja t’Alla, ir-riskju t’aċċident u korriment jistaʼ jitnaqqas. Dan kif inhu possibbli?
Li tikkultiva drawwiet taʼ sewqan bla periklu huwa bidu tajjeb. Xi esperti fuq is-sigurtà jgħidu li 9 minn 10 aċċidenti jistgħu jiġu skansati jew evitati. Li taqbeż il-limitu tal-veloċità impost mil-liġi, toqgħod taqbeż il-karozzi, tross mal-karozzi, issuq taħt l-influwenza tad-drogi jew l-alkoħol, u ssuq karozza li m’hijiex fi stat tajjeb huma biss ftit eżempji taʼ drawwiet perikolużi taʼ sewqan. Rispett għall-ħajja u mħabba lejn il-proxxmu tagħna għandhom iqanqluna biex nadottaw attitudni kawta u responsabbli meta nsuqu xi vettura.—Mattew 7:12.
Is-seat-belts huma miżura oħra sempliċi taʼ sigurtà, li taʼ spiss tiġi injorata. Skond Tim Hurd, kelliemi għad-Dipartiment tat-Trasportazzjoni taʼ l-Istati Uniti, “is-seat-belt huwa l-iktar mod effettiv biex isalvalek ħajtek f’ħabta. Dan jirdoppja l-probabbiltà għas-sopravivenza.” Għall-passiġġieri ż-żgħar, ir-rata tas-sopravivenza hija kważi t-triplu jekk jintużaw is-seats taʼ sigurtà tat-tfal.a
Minkejja dan, stħarriġ li sar jindika li kważi terz taʼ dawk li jokkupaw il-post tal-passiġġier fl-Istati Uniti ma jużawx is-seat-belts. Bħala ġenitur, tkun ċert int li t-tfal tiegħek huma marbutin sew fis-seats tagħhom qabel ma ssuq? Il-ħin li tieħu biex taqfel is-seat-belt huwa verament vallapena.
[Nota taʼtaħt]
a In-National Highway Traffic Safety Administration tirrikkmanda: “Tfal li jkunu f’child seats li jħarsu lejn il-wara tal-karozza m’għandhomx jitpoġġew fis-seat taʼ quddiem taʼ karozzi li għandhom l-air bags fuq in-naħa tal-passiġġier. L-impatt taʼ l-air bag meta jintefaħ u jolqot lid-dahar taċ-child seat jistaʼ jirriżulta fi ħsara għat-tifel.”