Il-Verità dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet Popolari
SĦAĦAR u fatati, qaraʼ aħmar u ħġejjeġ tan-nar, tfal li jheddu li jagħmlu ċajt goff jekk ma jingħatawx il-ħelu. Is-sinjali minn barra tal-Halloween faċli biex tagħrafhom. Imma minfejn ġejja din iċ-ċelebrazzjoni u ċelebrazzjonijiet simili? Il-Halloween ġieli jissejjaħ ukoll lejlet Jum il-Qaddisin Kollha, bl-Ingliż All Hallows’ Eve. Madankollu, dan l-isem li suppost huwa Kristjan, jaħbi l-oriġini tiegħu li xejn m’hija qaddisa. Fil-fatt, l-istudjużi taʼ l-istorja jgħidu li l-Halloween ġej minn żmien ħafna qabel il-Kristjanità—żmien meta ċ-Ċelti kienu jgħixu fil-Britannja u fl-Irlanda. Billi kienu jużaw kalendarju qamri, iċ-Ċelti qasmu s-sena f’żewġ staġuni—ix-xhur mudlama tax-xitwa u x-xhur imdawlin tas-sajf. Fil-qamar sħiħ li kien l-eqreb taʼ l-1 taʼ Novembru, iċ-Ċelti kienu jiċċelebraw il-festa tas-Samhain, li tfisser “Tmiem is-Sajf.”a
Din il-festa, li kienet timmarka l-bidu tas-sena ġdida Ċeltika, kienet taħbat fi tmiem is-sajf, meta l-ħsad kien ikun inġabar u l-merħliet u l-qatgħat taʼ l-annimali kienu jkunu ttieħdu mill-mergħat għal ġol-kenn. Iċ-Ċelti kienu jemmnu li malli l-ġranet kienu jibdew jiqsaru, kellhom bżonn jerġgħu jġibu lix-xemx f’tagħha permezz taʼ diversi riti u sagrifiċċji. Bħala simbolu tal-fatt li s-sena qadima kienet tkun qed tmut, in-nirien kollha kienu jintfew, u s-sena ġdida kienet tiġi inawgurata bi ħġejjeġ tan-nar sagri li minnhom il-membri kollha tal-komunità kienu jerġgħu jkebbsu l-fuklar tagħhom. Kienu jaħsbu wkoll li dawn il-ħġejjeġ tan-nar—li nistgħu naraw xi ħaġa simili tagħhom illum fil-Britannja f’Guy Fawkes Night u fil-Brażil fil-festi taʼ Ġunju—kienu jbeżżgħu lill-ispirti l-ħżiena.
Kienu jemmnu li matul il-festa tas-Samhain, il-velu taʼ bejn id-dinja umana u dik soprannaturali kien jinfetaħ u l-ispirti, kemm tajbin u kemm ħżiena, kienu jduru ’l hemm u ’l hawn madwar l-art. Kienu jaħsbu li l-erwieħ tal-mejtin imorru lura lejn djarhom, u l-familji tagħhom kienu jlestu l-ikel u x-xorb għall-fatati li jiġu jżuruhom bit-tama li jikkalmawhom u jkeċċu l-isfortuna. Għalhekk, illum meta t-tfal lebsin taʼ fatati jew sħaħar imorru minn dar għal dar biex jitolbu xi ħelu tal-Halloween jew inkella jheddu li jagħmlu xi waħda minn tagħhom, bla ma jafu jkunu qed ikomplu r-ritwali antiki tas-Samhain. Jean Markale jikteb li meta t-tfal jaqilgħu xi ħaġa, ikunu qed jistabbilixxu tpartit bħall-aħwa bejn id-dinja viżibbli u dik inviżibbli, avolja dawn ma jifhmux b’dan l-aspett simboliku. Jgħid ukoll: “Huwa għalhekk li l-ballijiet bil-maskri tal-Halloween . . . huma fil-fatt ċerimonji sagri.”—Halloween, histoire et traditions (Il-Halloween—Storja u Tradizzjonijiet).
Peress li n-nies kienu jemmnu li ma kienx għad hemm x’jifred il-qasam fiżiku minn dak soprannaturali, kienu jaħsbu li l-bnedmin setgħu jaqsmu faċilment għal ġod-dinja taʼ l-ispirti. Għalhekk, is-Samhain kien żmien favorevoli b’mod partikulari biex jinkixfu s-sigrieti tal-futur. It-tuffieħ u l-ġellewż, li t-tnejn li huma kienu jitqiesu bħala l-prodotti taʼ siġar sagri, kienu jintużaw biex in-nies jitkixxfu b’mod soprannaturali dwar iż-żwieġ, il-mard, u l-mewt. Per eżempju, f’banju bl-ilma kienu jqiegħdu t-tuffieħ b’marka li juri taʼ min hu. Meta xi żagħżugħ kien jaqbad tuffieħa billi juża ħalqu biss, suppost kien se jirnexxilu jsir jaf lil min kien se jiżżewweġ fil-futur. Din il-prattika taʼ divinazzjoni għadha teżisti llum f’logħba tal-Halloween fejn dak li jkun irid jaqbad b’ħalqu tuffieħa mdendla jew tgħum fl-ilma.
Karatteristiċi oħra tas-Samhain kienu x-xorb eċċessiv u t-tneħħija taʼ kull restrizzjoni. “Il-valuri tradizzjonali, jekk ma kinux jisfidawhom, kienu jagħmlu l-kuntrarju tagħhom,” jgħid Markale. “Dak li kien projbit kien jiġi permess, u dak li kien permess kien jiġi projbit.” Il-Halloween għadu jirrifletti dan l-ispirtu llum, li bla dubju jispjega fil-biċċa l-kbira għala din il-festa qed iżżid fil-popolarità tagħha. Fil-kummenti tagħha dwar dan, The Encyclopedia of Religion tiddeskrivi l-Halloween taʼ llum bħala “żmien meta l-adulti wkoll jistgħu jaqbżu l-limiti kulturali u jerħu l-identitajiet tagħhom billi jagħtuha għal lejla taʼ frugħa bla restrizzjonijiet. B’hekk, il-kwalità Ċeltika bażika tal-festa bħala lejla darba fis-sena fejn wieħed jaħrab mir-realtajiet u l-istennijiet normali baqgħet dieħla l-istess sas-seklu għoxrin.”
Ir-Rivalità Reliġjuża
Wara l-iskarsezza tal-patata li kien hemm fis-seklu 19, l-emigranti Irlandiżi ħadu l-Halloween u d-drawwiet tiegħu fl-Istati Uniti. Minn hemm dan reġaʼ lura fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin. Iżda mhux kulħadd iqis iż-żjieda fil-popolarità tal-Halloween bħala xi ħaġa tajba. Bħalma tinnota l-gazzetta Le Monde, “il-Halloween, li jaħbat maʼ Jum il-Qaddisin Kollha u Jum l-Erwieħ Kollha (l-1 u t-2 taʼ Novembru) u li jistaʼ saħansitra jiħdilhom posthom, qed iferraħ lis-sidien tal-ħwienet u jġennen lill-qassisin.”
Ir-rappreżentanti tal-knisja fi Franza esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li dawn il-festi Kattoliċi tradizzjonali marru lura minħabba l-Halloween, u dan rawh bħala sinjal taʼ soċjetà li qed tiġi paganizzata. Għal Stanislas Lalanne, kelliemi għall-Konferenza taʼ l-Isqfijiet Kattoliċi taʼ Franza, il-Halloween ‘jgħawweġ it-tifsir tal-ħajja u l-mewt.’ L-isqof taʼ Nizza, Jean Bonfils, qal li “din il-festa u r-ritwali tagħha m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kultura Mediterranja u Kristjana tagħna,” u wissa lill-Kattoliċi kontra “l-iktar festa importanti tas-Satanisti mad-dinja kollha.”
Fil-kummenti tiegħu dwar il-fatt li l-Franċiżi telqu t-tradizzjonijiet Kattoliċi minħabba dawn il-festi pagani, Hippolyte Simon, isqof taʼ Clermont-Ferrand, jinnota: “Hu bħallikieku s-soċjetà Franċiża qed tfittex tip taʼ reliġjon ċivili li jistaʼ jieħu post is-simboliżmu Kristjan.” Hu jikteb: “Fil-Halloween il-mejtin jiġu imitati u l-‘fatati’ tagħhom jiġu lura biex ibeżżgħuna u jhedduna bil-mewt. Mill-banda l-oħra, f’Jum il-Qaddisin Kollha aħna nikkonfermaw li dawk li ħallewna huma ħajjin u li għandna l-wegħda li ningħaqdu magħhom mill-ġdid fil-Belt t’Alla.”—Vers une France paienne? (Lejn Franza Pagana?)
Bl-istess ħsieb, Carlo Maria Martini, kardinal taʼ Milan, fl-Italja, ħeġġeġ lit-Taljani biex ma jitilqux il-festi Kattoliċi, billi ddikjara li l-Halloween hu “barrani għat-tradizzjoni tagħna, li għandha valur immens u trid titkompla. Jum l-Erwieħ Kollha huwa ċelebrazzjoni li tappartjeni lill-istorja tagħna. Huwa l-waqt li fih it-tama għall-ħajja eterna tinfetaħ quddiemna, waqt li fih il-Mulej iġagħalna nifhmu li hemm iktar fil-ħajja mill-[ħajja] fuq l-art.” Ħafna Kattoliċi sinċieri bla dubju jħossuhom l-istess. Madankollu, hija d-distinzjoni bejn il-Halloween u Jum l-Erwieħ Kollha ċara daqskemm jipprovaw iġagħluna nemmnu dawn il-kummenti? X’se nsibu jekk neżaminaw mill-qrib l-għeruq taʼ dawn il-festi Kattoliċi?
Ballu bil-Maskri Qaddis
The Catholic Encyclopedia tagħti d-definizzjoni taʼ Jum il-Qaddisin Kollha bħala festa biex “tonora lill-qaddisin kollha, dawk magħrufin u dawk mhux magħrufin.” Fi tmiem it-tieni seklu, l-hekk imsejħin Kristjani bdew jonoraw lil dawk li kienu mietu martri għall-fidi tagħhom, u billi kienu jemmnu li dawn diġà kienu maʼ Kristu fis-sema, kienu jitolbuhom biex jidħlu għalihom. It-tifkira regulari bdiet meta fit-13 taʼ Mejjub tas-sena 609 jew 610 E.K., il-Papa Bonifaċju IV ddedika l-Panteon—it-tempju Ruman taʼ l-allat kollha—lil Marija u l-martri kollha. Markale jikkummenta: “L-allat Rumani ċedew posthom lill-qaddisin tar-reliġjon trijonfanti.”
Id-data nbidlet għal Novembru taħt Papa Gregorju III (731-741 E.K.), li ddedika kappella f’Ruma lill-qaddisin kollha u ordna li jiġu onorati fl-1 taʼ Novembru. Ma nafux eżattament għala għamel dan. Imma jistaʼ jkun li r-raġuni kienet li fl-Ingilterra kienu diġà jiċċelebraw festa bħalha f’din id-data. The Encyclopedia of Religion tinnota: “is-Samhain baqaʼ festa popolari fost in-nies Ċeltiċi matul il-kristjanizzazzjoni tal-Gran Britannja. Il-knisja Britannika pprovat tbiegħed l-interess fi drawwiet pagani billi żiedet ċelebrazzjoni Kristjana fil-kalendarju fl-istess data tas-Samhain. . . . It-tifkira Britannika medjevali taʼ Jum il-Qaddisin Kollha setgħet qanqlet ċelebrazzjoni universali taʼ din il-festa fil-knisja Kristjana kollha.”
Markale jiġbed l-attenzjoni lejn kemm il-patrijiet Irlandiżi kien qed ikollhom iktar u iktar effett fl-Ewropa f’dak iż-żmien. In-New Catholic Encyclopedia tosserva wkoll: “L-Irlandiżi taʼ spiss kienu jħallu l-ewwel tax-xahar għall-festi importanti, u peress li l-1 taʼ Novembru kien ukoll il-bidu tax-xitwa Ċeltika, kienet tkun data xierqa għall-festa tal-qaddisin kollha.” Finalment, fis-sena 835 E.K., Papa Gregorju IV għamel din il-festa waħda universali.
Inkwantu għall-festa taʼ Jum l-Erwieħ Kollha, fejn jingħad talb għall-erwieħ tal-purgatorju biex jgħinhom jitilgħu l-ġenna, din kienet ngħatat id-data tat-2 taʼ Novembru fil-11-il seklu mill-patrijiet taʼ Cluny, Franza. Filwaqt li l-festa taʼ Jum l-Erwieħ Kollha kienet waħda li tidher Kattolika, jidher ċar li n-nies komuni kellhom konfużjoni sħiħa f’moħħhom. In-New Catholic Encyclopedia tinnota li matul il-Medju Evu kien hemm twemmin popolari li l-erwieħ tal-purgatorju setgħu jidhru f’din il-ġurnata bħala dawl jixgħel fl-ajru, sħaħar, żrinġijiet, eċċetra.
Billi ma setgħetx taqlaʼ t-twemmin pagan minn qlub il-merħla tagħha, il-knisja sempliċement ħbietu wara maskra “Kristjana.” Biex tenfasizza dan il-fatt, The Encyclopedia of Religion tgħid: “Il-festa Kristjana, il-Festa tal-Qaddisin Kollha, tfakkar il-qaddisin magħrufin u dawk mhux magħrufin tar-reliġjon Kristjana l-istess bħalma s-Samhain kien jirrikonoxxi u jweġġaħ lill-allat Ċeltiċi.”
Iċ-Ċelebrazzjonijiet Popolari u Int
Kemm għandek tinkwieta dwar il-passat ikrah tal-Halloween u ċelebrazzjonijiet simili? Wara kollox, f’moħħ il-biċċa l-kbira min-nies, il-Halloween huwa biss żmien biex wieħed jilbes taʼ xi ħaġa u jieħu gost. Imma ma taqbilx li huwa importanti li l-ġenituri jkunu ċerti li kwalunkwe rikreazzjoni li jieħdu t-tfal tagħhom tkun bnina u ma tagħmilx ħsara?
Spettur taʼ l-iskola minn Franza li għandu iktar minn 20 sena esperjenza fit-tagħlim ġie mistoqsi dwar l-effett li għandu l-Halloween fuq it-tfal żgħar. Hu kkummenta: “Ninsab inkwetat illi l-fatt li t-tfal imorru minn dar għal dar jheddu lill-adulti sabiex jaqilgħu l-ħelu jistaʼ jkollu konsegwenzi negattivi fit-tul fuqhom. Jistaʼ jrabbi fihom personalità egoista u egoċentrika. Jitgħallmu li billi jagħmlu ftit pressjoni, billi jitolbu għal xi ħaġa bit-theddid, billi jbeżżgħu lil ħaddieħor, jistgħu jieħdu li jridu.” Il-ġenituri għalhekk iridu jistaqsu lilhom infushom, ‘Liema “lezzjonijiet” se jieħdu wliedi jekk jiċċelebraw din il-festa?’
Mhix ħaġa taʼ l-iskantament li ħafna familji jsibu li jekk iċedu għat-talbiet tat-tfal għall-ħelu u l-kostumi jistaʼ jkun li tiġihom għalja. “Il-Halloween . . . mhux festa,” josserva Robert Rochefort, direttur ġenerali taċ-Ċentru tar-Riċerka Franċiż għall-Istudju u l-Osservazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja, “huwa n-negozju taʼ avveniment.” Il-Halloween jimla l-vojt fix-xiri li jkun hemm qabel il-Milied. Fi kliem ieħor, hija xi ħaġa oħra li tagħmel pressjoni fuq in-nies biex jonfqu l-flus—flus li f’ħafna każi ma jifilħux jonfquhom. Għandek tassew għalfejn timxi mal-kurrent f’dan ir-rigward?
Madankollu, xi ħaġa iktar importanti għall-Kristjani hi l-fatt li l-Halloween u ċelebrazzjonijiet bħalu huma mgħaddsin fil-paganiżmu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jien ma rridx li intom tidħlu f’għaqda mad-demonji. Ma tistgħux tixorbu x-xorb tal-Mulej u x-xorb tad-demonji.” (1 Korintin 10:20-22) Hu staqsa wkoll: “X’għandhom x’jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam? Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar [“ix-xitan,” Phillips]? jew x’għandu x’jaqsam min jemmen maʼ min ma jemminx?” (2 Korintin 6:14-16) B’hekk, il-Bibbja tikkundanna l-idea sħiħa taʼ li titqiegħed maskra Kristjana fuq xi ħaġa pagana!
Ukoll, il-Bibbja twissi kontra li jiġi prattikat l-ispiritiżmu. (Dewteronomju 18:10-12) Filwaqt li l-biċċa l-kbira minn dawk li jiċċelebraw il-Halloween jgħidu li jobogħdu l-prattiċi Sataniċi, aħna għandna minkejja dan, inkunu konxji li din il-festa b’mod storiku għandha x’taqsam ħafna maʼ l-okkult. B’hekk, tistaʼ sservi taʼ bieb li jwassal għall-ispiritiżmu, speċjalment għaż-żgħażagħ li faċli jiġu impressjonati. Ir-riti u t-tradizzjonijiet pagani mċappsin bl-ispiritiżmu żgur li m’għandhomx post fil-qima Kristjana; bl-ebda mod m’huma affarijiet li ma jagħmlux ħsara.
Fl-aħħarnett, hemm il-fatt li l-Halloween, Jum il-Qaddisin Kollha, u Jum l-Erwieħ Kollha, ilkoll huma bbażati fuq it-twemmin li l-mejtin ibatu jew li b’xi mod jew ieħor jistgħu jagħmlu d-deni lill-ħajjin. Madankollu, il-Bibbja b’mod ċar turi li dan it-twemmin m’huwiex veru, billi tgħid: “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) Minħabba f’hekk il-Bibbja tagħti l-parir: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [il-qabar komuni tal-bnedmin] fejn inti sejjer.” (Koħèlet 9:10) Ladarba l-mejtin ma jafu xejn u b’hekk ma jistgħux jagħmlu deni lil ħaddieħor jew ibatu huma stess, m’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom. Barra minn hekk, ma jiswa assolutament xejn li wieħed jitlob għalihom biex jgħinhom. Ifisser dan li m’hemm l-ebda tama għall-maħbubin mejtin tagħna? Le. Il-Bibbja tiżgurana li “kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:15.c
Maʼ l-għarfien tiġi l-libertà li nagħżlu. Ma nistgħux nistennew li se nagħmlu deċiżjonijiet intelliġenti jekk ma jkollniex il-fatti kollha. Issa li kkunsidrajt il-fatti li qajjimna f’din is-serje t’artikli, x’se tiddeċiedi?
[Noti taʼ taħt]
a Is-Samhain jistaʼ jkun li m’huwiex l-isem taʼ l-alla Ċeltiku tal-mewt, bħalma jintqal ħafna drabi, imma minflok huwa l-isem tal-festa. Skond Jean Markale, Franċiż li jispeċjalizza fuq iċ-Ċelti, kien probabbilment Lug, l-alla tad-dawl, li kien jiġi onorat matul is-Samhain.
b B’kumbinazzjoni, din id-data ġiet taqbel mal-festa Rumana tal-Lemuria, li kienet tinżamm fid-9, il-11, u t-13 taʼ Mejju biex tikkwieta l-erwieħ tal-mejtin u tevita li jidhru lill-qraba tagħhom u jagħmlulhom il-ħsara.
c Għal iktar informazzjoni dwar it-tagħlim tal-Bibbja fuq l-irxoxt, ara “X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?,” kapitlu 9 fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kumment f’paġna 6]
Il-Halloween ikompli jagħti ħajja lill-gidba li l-mejtin fil-fatt huma ħajjin
[Kumment f’paġna 7]
Ir-riti Ċeltiċi taʼ divinazzjoni baqgħu jeżistu fil-logħob tal-Halloween
[Stampa f’paġna 6]
Il-Halloween ġej minn festa Ċeltika, probabbilment il-qima taʼ Lug, alla tad-dawl
[Stampa f’paġna 6]
Ċimiterju bis-slaleb Ċeltiċi antiki
[Stampi f’paġna 6, 7]
Il-logħba fejn dak li jkun irid jipprova jaqbad b’ħalqu tuffieħa mdendla jew tgħum fl-ilma għandha oriġini Ċeltika
[Sors]
Mir-rivista: The Delineator October 1911
[Stampa f’paġna 8]
Il-Papa Bonifaċju IV ddedika l-Panteon Ruman pagan lil Marija u l-martri kollha tal-knisja
[Stampi f’paġna 9]
X’effett għandu l-Halloween fuq uliedek?
[Stampa f’paġna 10]
Il-Kristjani veri jieħdu gost b’rikreazzjoni bnina tal-familja