LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 9/13 pp. 6-9
  • Il-Verità Dwar il-Halloween

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Verità Dwar il-Halloween
  • Stenbaħ!—2013
  • Materjal Simili
  • Kif Beda l-Halloween?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-Verità dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet Popolari
    Stenbaħ!—2001
  • Iċ-Ċelebrazzjonijiet Popolari—Gost Iva, Ħsara Le?
    Stenbaħ!—2001
  • Eżempji taʼ Preżentazzjonijiet
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2013
g 9/13 pp. 6-9

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Il-​Verità Dwar il-​Halloween

Il-​Halloween, jiġifieri, Lejlet il-​Qaddisin Kollha, jiġi ċelebrat fejn tgħix int? Fl-​Istati Uniti u fil-​Kanada, il-​Halloween hu magħruf sew u jiġi ċelebrat minn ħafna nies kull sena fil-​31 taʼ Ottubru. Iżda, id-​drawwiet tal-​Halloween jistgħu jinstabu f’ħafna partijiet oħrajn tal-​globu. F’xi postijiet jiġu ċelebrati festi li, għalkemm għandhom isem differenti, għandhom temi simili: kuntatt mad-​dinja tal-​ispirti li jinvolvi l-​ispirti tal-​mejtin, il-​fatati, is-​sħaħar, u saħansitra x-​xitan u l-​anġli demoniċi.—Ara l-​kaxxa “Ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween Madwar id-​Dinja.”

PERSONALMENT, forsi int ma temminx fl-​ispirti sopranaturali. Forsi int sempliċement tħares lejn il-​Halloween u ċelebrazzjonijiet simili bħala mod kif tiddeverti u tgħallem lil uliedek biex jużaw l-​immaġinazzjoni tagħhom. Iżda, ħafna nies iqisu dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet bħala li huma taʼ ħsara għar-​raġunijiet li ġejjin:

  1. “Il-​Halloween,” tispjega l-​Encyclopedia of American Folklore, “hu bażikament dwar kuntatt mal-​forzi tal-​ispirti, li ħafna minnhom jheddu jew iwerwru.” (Ara l-​kaxxa “Il-​Linja Kronoloġika tal-​Halloween.”) Bl-​istess mod, ħafna ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween għandhom oriġini pagana u għandhom għeruq fondi fil-​qima lill-​antenati. Saħansitra llum, in-​nies madwar id-​dinja jużaw dawn il-​jiem biex jikkuntattjaw lill-​hekk imsejħin spirti tal-​mejtin.

  2. Għalkemm il-​Halloween jitqies prinċipalment bħala festa Amerikana, kull sena nies f’iktar u iktar pajjiżi qegħdin jiċċelebrawh. Madankollu, ħafna wħud li issa bdew jiċċelebraw din il-​festa ma jafux bl-​oriġini pagana tas-​simboli, tat-​tiżjin, u tad-​drawwiet tal-​Halloween, li ħafna minnhom huma relatati maʼ ħlejjaq sopranaturali u forzi tal-​okkult.—Ara l-​kaxxa “Minn Fejn Ġie?”

  3. Eluf taʼ segwaċi taʼ Wicca, li josservaw ritwali Ċeltiċi tal-​qedem, għadhom isejħu l-​Halloween bl-​isem antik Samhain u jikkunsidrawh bħala l-​iktar lejl sagru tas-​sena. “Il-​Kristjani ‘ma jirrealizzawx li qed jiċċelebraw magħna l-​festa tagħna. . . . U dan jogħġobna,’” qalet il-​gazzetta USA Today meta kkwotat lil mara li tgħid li hi saħħara.

  4. Ċelebrazzjonijiet bħall-​Halloween imorru kontra t-​tagħlim tal-​Bibbja. Il-​Bibbja twissi: “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-​maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-​futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-​ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-​ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-​mejtin.”—Dewteronomju 18:10, 11; ara wkoll Levitiku 19:31; Galatin 5:19-​21.

Il-​familji jistgħu jgawdu mumenti sbieħ mingħajr ma jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet pagani

Meta tqis dan li għedna, ikun għaqli għalik li tkun taf dwar l-​oriġini mill-​agħar tal-​Halloween u taʼ ċelebrazzjonijiet simili. Il-​fatt li għandek din il-​fehma iktar bis-​sħiħ jistaʼ jqanqlek biex tingħaqad maʼ oħrajn li ma jipparteċipawx f’dawn il-​festi.

“Il-​Kristjani ‘ma jirrealizzawx li qed jiċċelebraw magħna l-​festa tagħna. . . . U dan jogħġobna.’”—Il-​gazzetta USA Today, li qed tikkwota lil mara li tgħid li hi saħħara

ĊELEBRAZZJONIJIET BĦALL-​HALLOWEEN MADWAR ID-​DINJA

Ġeneralment, il-​Halloween ġie meqjus bħala festa Amerikana. Madankollu, din iċ-​ċelebrazzjoni saret popolari f’ħafna partijiet tad-​dinja. Iżjed minn hekk, hemm festivitajiet oħrajn li huma bħall-​Halloween fis-​sens li jiċċelebraw l-​eżistenza u l-​attività taʼ ħlejjaq spirti. Dawn li ġejjin huma ftit mill-​festi popolari bħall-​Halloween madwar il-​globu.

  • L-​Asja - Festival taʼ Bon

  • L-​Amerika - taʼ Fuq Jum il-​Mejtin

  • L-​Amerika t’Isfel - Kawsasqanchis

  • L-​Afrika - Żifna tal-​Egunguns b’Rashom Mgħottija

  • L-​Ewropa - Jum il-​Mejtin u varjazzjonijiet tal-​Halloween

MINN FEJN ĠIE?

L-​Oriġini taʼ Xi Drawwiet u Simboli tal-​Halloween

VAMPIRI, WEREWOLVES, SĦAĦAR, ZOMBIES: Dawn il-​ħlejjaq ilhom żmien twil jiġu assoċjati mad-​dinja tal-​ispirti mill-​agħar.

ĦELU: Iċ-​Ċeltiċi tal-​qedem ipprovaw jikkalmaw l-​ispirti mill-​agħar bil-​ħelu. Il-​knisja iktar tard inkuraġġiet liċ-​ċelebranti biex imorru minn dar għal dar f’Lejlet il-​Qaddisin Kollha, jitolbu l-​ikel u minfloku tingħad talba għall-​mejtin. Din id-​drawwa eventwalment saret magħrufa bħala trick or treat tal-​Halloween.

KOSTUMI: Iċ-​Ċeltiċi kienu jilbsu maskri tal-​biżaʼ sabiex l-​ispirti mill-​agħar jaħsbu b’mod żbaljat li dawk li qed jilbsuhom huma spirti wkoll u jħalluhom bi kwiethom. Il-​knisja bil-​mod il-​mod għaqqdet id-​drawwiet pagani mal-​festi tal-​Erwieħ Kollha u tal-​Qaddisin Kollha. Iktar tard, iċ-​ċelebranti kienu jmorru minn dar għal dar lebsin kostumi taʼ qaddisin, anġli, u xjaten.

QARGĦA ĦAMRA: Ġdur imnaqqxin u b’xemgħa mixgħula ġo fihom kienu jitpoġġew f’postijiet fejn jidhru biex ikeċċu l-​ispirti mill-​agħar. Għal xi wħud, ix-​xemgħa fil-​ġidra rrappreżentat ruħ maqbuda fil-​purgatorju. Iktar tard, il-​qargħa ħamra kienet tintuża l-​iktar.

IL-​LINJA KRONOLOĠIKA TAL-​HALLOWEEN

IL-​ĦAMES SEKLU Q.K.

Iċ-​Ċeltiċi josservaw il-​festival taʼ Samhain fl-​aħħar t’Ottubru, meta jemmnu li l-​fatati u d-​demonji jduru fuq l-​art iktar milli jduru fi żminijiet oħrajn.

L-​EWWEL SEKLU W.K.

Ir-​Rumani jegħlbu liċ-​Ċeltiċi u jadottaw ir-​ritwali spiritistiċi taʼ Samhain.

IS-​SEBAʼ SEKLU W.K.

Jingħad li l-​Papa Bonifaċju IV jistabbilixxi ċ-​ċelebrazzjoni annwali taʼ Jum il-​Qaddisin Kollha biex jonora lill-​martri.a

IS-​SEKLU ĦDAX W.K.

It-​tieni taʼ Novembru jintgħażel bħala Jum l-​Erwieħ Kollha biex in-​nies jikkommemoraw il-​mejtin.

IS-​SEKLU TMINTAX W.K.

L-​isem tal-​festa jidher stampat bħala Halloween.

IS-​SEKLU DSATAX W.K.

Eluf taʼ nies li jitilqu mill-​Irlanda biex imorru l-​Istati Uniti jieħdu magħhom drawwiet tal-​Halloween li, maż-​żmien, ngħaqdu maʼ drawwiet simili taʼ emigranti mill-​Britannja, mill-​Ġermanja, kif ukoll mill-​Afrika u minn partijiet oħrajn tad-​dinja.

IS-​SEKLU GĦOXRIN

Il-​Halloween isir festa popolari mal-​Istati Uniti kollha.

IS-​SEKLU WIEĦED U GĦOXRIN

L-​interess kummerċjali fil-​Halloween jikber u jsir industrija madwar id-​dinja li tiswa ħafna biljuni taʼ dollari.

a Hallow hi kelma qadima li tfisser “qaddis.” All Hallows’ Day (magħruf ukoll bħala Jum il-​Qaddisin Kollha) hu festa biex jiġu onorati l-​qaddisin mejtin. Il-​lejla taʼ qabel All Hallows’ Day kienet tissejjaħ All Hallow Even u iktar tard tqassret għal Halloween.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja