Żagħżugħ li Hu Kburi bir-Reliġjon Tiegħu
META kellu 13-il sena, Andrew intalab jagħmel proġett taʼ l-iskola fuq is-suġġett tal-wirt kulturali. “Għall-ewwel,” jgħid hu, “kelli l-ħsieb nikteb fuq nannuwi, imma mbagħad ħsibt: ‘Stenna ftit! Jien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Din hija opportunità sabiħa biex nitkellem dwar il-fidi tiegħi!’
“Il-proġett tiegħi tajtu t-tema ‘Stand Firm’ (Jieqfu Sodi), u għamilt kartellun kbir li wera l-persekuzzjoni ħarxa li ffaċċjaw ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja Nazista. Il-mezzi viżivi li użajt kienu jinkludu replika taʼ uniformi bi trijanglu vjola, stampi differenti, u ittri mingħand il-familja Kusserow.a Bħala volantin, kelli kopji taʼ l-ittra mibgħuta mix-Xhieda taʼ Jehovah lill-gvern tal-Ġermanja. Din l-ittra b’mod newtrali imma sod maqdret l-atti inġusti li saru kontra x-Xhieda taʼ Jehovah. Waqt il-proġett, il-vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sodi Kontra l-Attakki tan-Nazi) kien qed jintwera l-ħin kollu. Kelli wkoll Bibbji, browxers, u fuljetti għall-wiri.
“Il-proġetti tagħna ntwerew l-ewwel fil-ġinnasju lill-istudenti kollha u lil kulmin jaħdem fl-iskola. L-għada fil-għaxija ġew mistiedna l-familjari u l-ħbieb. Ħafna staqsewni xi mistoqsijiet, għax ma kinux jafu li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu ġew persegwitati min-Nazi.”
Andrew jammetti li kien jinħtieġ kuraġġ kbir biex jitkellem dwar il-fidi tiegħu. “Kont naf li xi wħud kienu se jwaqqgħuni għaċ-ċajt,” jgħid hu, “imma kont inħossni mdejjaq kieku ma tkellimtx. Dan il-proġett kien jiffoka fuq nies li taw ħajjithom biex jiddefendu l-fidi li kellhom f’Jehovah, u għalhekk ikkonkludejt li l-iċken ħaġa li stajt nagħmel kienet li nissaporti ftit kritika.”
Fl-aħħar, Andrew kien kuntent li ħataf din l-opportunità biex jagħti xiehda. Hu jgħid: “Kelli ħafna diskussjonijiet dwar għala ma mmorrux għall-gwerra, u ħallejt Bibbji, kotba, u fuljetti maʼ wħud li wrew interess.” U jżid: “Ma stajtx niftakar f’okkażjoni oħra meta ħassejtni daqshekk kburi li jien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah.”
[Nota taʼ taħt]
a Fil-kampijiet tal-konċentrament ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu identifikati bi trijanglu vjola. Matul ir-reġim tan-Nazi, il-Kusserows waqfu sodi fit-twemmin tagħhom bħala Xhieda taʼ Jehovah. Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1985, paġni 10-15.