Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Jitfakkru l-“Vittmi Minsijin”
FIL-BIDU tas-sena 2001, Haykaz, Xhud taʼ Jehovah taʼ 15-il sena, żar esibizzjoni bl-isem “Vittmi Minsijin,” f’Bern, l-Isvizzera, li kienet tittratta dwar il-persekuzzjoni Nazista fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah. Meta temm iż-żjara tiegħu, Haykaz qal: “Kont smajt bit-trattament u t-tbatija inumana li kienu ġarrbu x-Xhieda taʼ Jehovah taħt ir-reġim Nazist, imma din kienet l-ewwel darba li rajt dokumenti u ritratti awtentiċi taʼ dak iż-żmien. Il-wirjiet, ir-rapporti taʼ nies li raw b’għajnejhom dawn il-ġrajjiet, u l-kummenti taʼ l-istudjużi fl-esibizzjoni ħallewli impressjoni kbira f’moħħi u f’qalbi.”
Xi żmien wara, meta Haykaz ngħata l-inkarigu li jikteb rapport għal sħabu tal-klassi fl-iskola sekondarja, hu għażel is-suġġett “Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Il-Vittmi Minsijin tan-Naziżmu.” L-għalliem tiegħu qabel mas-suġġett imma qal lil Haykaz li hu kellu jsib parti mill-materjal minn letteratura sekulari. Haykaz qabel miegħu bil-qalb kollha. “Jien ktibt reviżjoni qasira taʼ xi kotba li kont ikkunsidrajt dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah matul l-era Nazista. Iddeskrivejt ukoll l-impressjoni persunali tiegħi dwar l-esibizzjoni ‘Vittmi Minsijin.’ Ir-rapport taʼ 43 paġna kien jinkludi stampi u ritratti.”
F’Novembru 2002, Haykaz ippreżenta rrapport tiegħu lil sħabu tal-klassi, l-għalliema, il-familja, u l-ħbieb. Wara, kien hemm sessjoni għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet, u dan tah opportunità biex jispjega t-twemmin tiegħu bbażat fuq il-Bibbja. Meta tfajla fl-udjenza staqsietu għala kien għażel dan is-suġġett, Haykaz spjega li ħafna kotba taʼ l-istorja ma jsemmuhomx lix-Xhieda taʼ Jehovah u li hu ried li n-nies ikunu jafu kemm ix-Xhieda ddefendew b’mod kuraġġuż il-fidi Kristjana tagħhom. X’kien ir-riżultat tal-preżentazzjoni tiegħu?
“Sħabi tal-klassi baqgħu mistgħaġbin,” qal Haykaz. “Ma kellhomx idea li x-Xhieda taʼ Jehovah bħala grupp kienu ġew persegwitati bl-aħrax. Ukoll, ħafna wħud ma kinux jafu li x-Xhieda miżmumin fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi kienu jġorru simbolu speċjali—trijanglu vjola.”
Wara l-preżentazzjoni tiegħu, Haykaz kellu iktar opportunitajiet biex jitkellem maʼ sħabu tal-klassi u jiddiskuti l-pożizzjoni Biblika tax-Xhieda dwar it-trasfużjoni tad-demm, l-alkoħol, u l-morali. “Ħadd minn sħabi taʼ l-iskola ma daħak bija jew waqqagħni għaċ-ċajt,” innota Haykaz. Barra minn hekk, ir-rapport tiegħu issa qed jinżamm fil-librerija taʼ l-iskola. Bis-saħħa taʼ dan, il-waqfa kuraġġuża tax-Xhieda taʼ Jehovah m’hijiex se tintesa.