LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 4/8 pp. 14-15
  • Teżori Fil-Port tal-Perli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Teżori Fil-Port tal-Perli
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Pirata Jagħmel Skoperta
  • Mibnija bid-​Demm u l-​Buttuni
  • Il-​Falliment Jolqot lil “Sodoma u Gomorra”
  • Il-​Manifattura tad-​‘Djamanti tal-​Baħar’
  • Il-Perli s-Suwed—Ġojjelli mill-Ibħra tan-Nofsinhar
    Stenbaħ!—2005
  • ‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Huma Sabu l-“Perla taʼ Valur Kbir”
    Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Ġeħova Għenni Nsibu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 4/8 pp. 14-15

Teżori Fil-​Port tal-​Perli

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

BROOME hija belt fil-​majjistral taʼ l-​Awstralja, imdawra b’firxa kbira taʼ ramel u oċean. Lejn ix-​xlokk, il-​Great Sandy Desert jibqaʼ jinfirex saċ-​ċentru taʼ l-​Awstralja. Lejn il-​punent, l-​Oċean Indjan jasal sax-​xtut tal-​Madagaskar. Din ir-​rokna fil-​majjistral tal-​kontinent taʼ sikwit tintlaqat minn ċikluni.

Xi darba, taħt il-​mewġ tropikali taʼ Broome, kien hemm ħafna postijiet f’qiegħ il-​baħar fejn jikbru l-​gajdri tal-​perli. U dawn tant kienu miżgħudin bil-​gajdri li Broome kienet magħrufa bħala l-​Port tal-​Perli. Il-​pirati, l-​ilsiera, u l-​barunijiet tal-​perli huma parti mill-​istorja interessanti ferm taʼ Broome.

Pirata Jagħmel Skoperta

Għalkemm fl-​1616, l-​Olandiż Dirck Hartog esplora din il-​parti mbiegħda tad-​dinja, tistaʼ tgħid li l-​kosta tal-​punent taʼ l-​Awstralja baqgħet mhux magħrufa sa l-​1668. F’dik is-​sena, William Dampier, awtur, artist, u pirata Ingliż, b’kumbinazzjoni wasal fuq dan ix-​xatt waqt li kien abbord il-​bastiment tal-​pirati li kien jismu Cygnet. Meta mar lura d-​dar, Dampier ippubblika l-​esperjenzi tiegħu. Il-​kitbiet u t-​tpinġijiet tiegħu tant laqtu l-​immaġinazzjoni tan-​nies l-​oħra f’pajjiżu li l-​flotta navali tal-​Britannja tatu bastiment u qabbditu jagħmel vjaġġ t’esplorazzjoni lejn l-​Olanda l-​Ġdida, bħalma kienet magħrufa l-​Awstralja f’dak iż-​żmien.

L-ispedizzjoni taʼ Dampier abbord il-​bastiment navali Roebuck kienet meqjusa bħala falliment. Ma skopra l-​ebda art ġdida u l-​vjaġġ intemm meta l-​bastiment tiegħu, li kien qed jitmermer, daħallu l-​ilma u għereq. Dampier salva, u fost l-​affarijiet li kiteb dwar il-​vjaġġ tiegħu, semma l-​iskoperta tal-​gajdri tal-​perli.

Mibnija bid-​Demm u l-​Buttuni

Laħqu għaddew 160 sena qabel ma xi ħadd irrealizza l-​valur taʼ l-​iskoperta taʼ Dampier. Fl-​1854 inbeda x-​xogħol tal-​ġbir tal-​perli fiż-​żona li Dampier kien semmieha Shark Bay, imma dan il-​proġett ma rnexxiex għalkollox. Sadattant, fl-​ibħra fil-​qrib taʼ Nichol Bay, instabu l-​gajdri ġganti msejħin Pinctada maxima. Il-​qoxra taʼ din il-​gajdra li fiha daqs platt taʼ l-​ikel mill-​kbar ipprovdiet l-​aqwa madriperla fid-​dinja—riżorsa li kienet imfittxija ħafna għall-​manifattura tal-​buttuni.

Sas-snin 90 tas-​seklu 19, kienet qed tintbagħat bil-​baħar lejn l-​Ingilterra kwantità taʼ madriperli mill-​gajdri taʼ Broome kull sena, bil-​valur taʼ 140,000 lira Ingliża. Għalkemm kienu jinstabu ħafna perli prezzjużi fil-​gajdri, dawn il-​ġawhar kienu biss gwadann sekondarju. Kienet il-​qoxra nfisha li pprovdiet il-​parti l-​kbira taʼ l-​għana għall-​ewwel barunijiet tal-​perli—għana li taʼ spiss kien jitħallas bid-​demm.

Għall-ewwel, il-​barunijiet tal-​perli pperswadew jew sforzaw lill-​Aboriġini lokali biex isiru bugħaddasa tal-​perli, biċċa xogħol li l-​Aboriġini malajr tgħallmu jagħmluha b’sengħa kbira. Imma dan huwa xogħol perikoluż, u għadd taʼ bugħaddasa għerqu jew inqatlu mill-​klieb il-​baħar. Ħafna bugħaddasa mietu wkoll minħabba l-​kundizzjonijiet miżerabbli tax-​xogħol li kienu jimponu fuqhom dawk li kienu jħaddmuhom. Biex iżidu mal-​ħaddiema Aboriġini, inġiebu bugħaddasa mill-​Malasja u minn Ġava. Meta ma kienx għad fadal gajdri f’baħar baxx, bdew jgħoddsu f’baħar iktar fond bl-​għajnuna t’elmi li kienu għadhom kemm ġew ivvintati.

Il-​Falliment Jolqot lil “Sodoma u Gomorra”

Il-​flotta għall-​ġbir tal-​perli fi Broome kibret f’armata sħiħa taʼ iktar minn 400 dgħajsa. Il-​kultura mill-​Asja, l-​Ewropa, u dik taʼ l-​Aboriġini tħalltu flimkien b’mod uniku u spiss ma kienx hemm liġi biex trażżanhom. Is-​sitwazzjoni li kienet tinsab fiha s-​soċjetà taʼ dak iż-​żmien ġiet deskritta sew minn wieħed li jiġbor il-​perli: “Broome [kienet] komunità sinjura, midinba u tolleranti, fejn ir-​referenzi spissi tal-​Kleru għal Sodoma u Gomorra kienu meqjusin bħala [tifħir xieraq] għall-​progress ċiviku, minflok bħala twissijiet taʼ kastig divin fil-​futur.”

Madankollu, malli faqqgħet l-​ewwel gwerra dinjija, is-​suq dinji għall-​madriperla waqaʼ, u Broome f’daqqa waħda falliet. L-​industrija ħadet ir-​ruħ għal ftit żmien bejn iż-​żewġ gwerer dinjin, imma wara t-​tieni gwerra dinjija, Broome qalgħet daqqa taʼ ħarta oħra. Ġie vvintat il-​plastik, u d-​domanda għall-​madriperla naqset għax il-​buttuni bdew isiru tal-​plastik.

Il-​Manifattura tad-​‘Djamanti tal-​Baħar’

Fi tmiem it-​tieni gwerra dinjija, delegazzjoni Awstraljana żaret l-​inħawi fil-​bajja taʼ Ago fil-​Ġappun fejn jiġu kultivati l-​perli. Hemmhekk, Kokichi Mikimoto kien ipperfezzjona l-​arti tal-​kultivazzjoni tal-​perli billi jiddaħħal xi frak b’mod artifiċjali fil-​gajdri. Il-​ktieb Port of Pearls jgħid li Mikimoto qal lill-​Awstraljani li “fl-​ilmijiet sħan tagħhom stess huma setgħu jikkultivaw perli saħansitra aqwa fil-​[gajdri] Awstraljani li huma akbar.” Huma segwew il-​parir tiegħu, u sas-​snin 70, il-​gajdri Awstraljani kienu qed jipproduċu ftit mill-​iktar perli kultivati kbar u prezzjużi fid-​dinja.

Filwaqt li l-​perli li jikbru fil-​parti l-​kbira tad-​dinja jilħqu dijametru taʼ 11-il millimetru, il-​perli tal-​Baħar tan-​Nofsinhar jistgħu jikbru sa 18-il millimetru. Kullana waħda taʼ dawn il-​perli kbar tistaʼ tiswa iktar minn Lm230,000. Mhux taʼ b’xejn li dawn il-​ġojjelli tondi jissejħu djamanti tal-​baħar!

[Stampi f’paġna 14, 15]

William Dampier

Bugħaddas tal-​perli jiġbor il-​gajdri tal-​perli fl-​ilmijiet taʼ mal-​kosta fit-​tramuntana taʼ Broome

Espert jaqlaʼ perla minn gajdra

Wieħed mill-​bastimenti tal-​perli oriġinali restawrat b’mod li jiflaħ għall-​baħar

Il-​perli jiġu f’ħafna kuluri (ritratt imkabbar)

[Sors]

William Dampier: By permission of the National Library of Australia - Rex Nan Kivell Collection, NK550; bugħaddas: © C. Bryce - Lochman Transparencies; kullana u espert: Courtesy Department of Fisheries WA, J. Lochman; bastiment: Courtesy Department of Fisheries WA, C. Young; perli mill-​viċin: Courtesy Department of Fisheries WA, R. Rose

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja