Il-Perli s-Suwed—Ġojjelli mill-Ibħra tan-Nofsinhar
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI NEW ZEALAND
“Jeħtieġu ħaddiema għall-‘farm’ tal-perli f’Manihiki,” kien jgħid reklam fil-gazzetta “Cook Islands News.” Forsi tistaqsi, ‘Kif jistaʼ jkun hemm “farm” tal-perli? U fuq kollox Manihiki fejn tinsab?’
MANIHIKI, gżira tal-qroll imbiegħda, hija waħda mill-grupp taʼ 15-il gżira li jissejħu l-Gżejjer Cook, li jinsabu 2,600 kilometru fil-grigal taʼ New Zealand. Kmieni fis-snin sebgħin, skond xi rapporti, hemmhekk bdew l-esperimenti biex jikkultivaw il-perla s-sewda. Illum ħafna farms tal-perli s-suwed li qed ikollhom suċċess fin-negozju jinsabu mxerrdin mal-laguni taʼ Manihiki.
Il-kultivazzjoni tal-perli s-suwed tirrikjedi ħafna xogħol manwali, imma hu essenzjali wkoll li jkun hemm tekniki speċjalizzati. Il-proċess jibda billi jagħżlu bir-reqqa l-gajdri tax-xoffa sewda (Pinctada margaritifera). Dawk li jintgħażlu jinfetħu bil-galbu, u l-laħam tal-gajdra jinqataʼ b’sikkina żgħira li tintuża apposta. Imbagħad idaħħlu speċi taʼ żibġa żgħira tonda, flimkien maʼ biċċa żgħira mit-tessuta tal-ġewwieni taʼ gajdra ħajja, jiġifieri biċċa mis-saff irqiq taʼ laħam li jiksi l-qoxra tal-gajdra minn ġewwa. Imbagħad il-ħaddiema jerġgħu jieħdu l-gajdri fil-laguna u jieħdu ħsiebhom, billi jneħħu l-alka jew il-koċċli li jistgħu jitrabbew fuqhom.
Bil-mod il-mod, it-tessuta tal-ġewwieni li tkun iddaħħlet fil-gajdra ddur maʼ dik l-ispeċi taʼ żibġa u tiksiha b’ħafna saffi taʼ sustanza tleqq bħall-perli li tissejjaħ madriperla. Jekk il-gajdra ma tirrifjutax iż-żibġa, fi żmien sena u nofs jew sentejn tifforma perla. Il-proċess kollu juri kif il-bniedem u n-natura jiddependu minn xulxin.
Il-Valur tal-Perli s-Suwed
Il-perla s-sewda tan-Nofsinhar tal-Paċifiku hija fost l-iktar perli rari fid-dinja, u għalhekk hija waħda mill-iktar prezzjużi. Fil-fatt, il-perli s-suwed tistaʼ ssibhom f’ħafna kuluri vivaċi, minn abjad lewn il-fidda sa iswed tuta. Xi ftit huma ħomor, lewn id-deheb, lewn il-bronż, lewn ir-ram, ħodor, blu, vjola, jew tipi differenti taʼ griż ileqq. Tistaʼ wkoll issib kuluri mħalltin, bħal roża sfumat, lewn id-deheb sfumat bl-aħdar, aħdar sfumat bl-iswed, blu sfumat bl-iswed, u vjola sfumat bl-iswed.
Meta jiġi determinat il-valur tagħha, ma jfissirx neċessarjament li perla taʼ ċertu kulur tkun tiswa iktar minn waħda taʼ kulur ieħor. Dak li verament itejjeb il-kwalità taʼ perla individwali hu kemm din tkun lixxa jew kemm il-kulur tagħha jkun unit. Hemm fatturi oħra li jistgħu jiddeterminaw kemm tkun tiswa perla—id-daqs, il-forma, il-wiċċ tagħha, u kemm tkun tleqq.
Meta xi ġojjellier jitkellem dwar id-daqs taʼ perla, hu jkun qed jirreferi għad-dijametru tagħha. Dan ġeneralment ivarja bejn 8 u 12-il millimetru, u xi speċi rari jkollhom dijametru taʼ 18-il millimetru jew iktar. Għalkemm id-daqs m’huwiex l-iktar fattur sinifikanti, ġeneralment il-prezz tal-perla jkun relatat mal-piż u d-daqs tagħha.
Il-perli ma jiġux biss f’kuluri differenti imma wkoll f’forom differenti. Ġeneralment, l-iktar li huma stmati taʼ valur huma l-perli t-tondi. Madankollu, perli forma taʼ qatra, jew demgħa, ikunu sbieħ bħala pendenti u msielet. Hemm ukoll perli biċ-ċrieki, dawk li jkollhom bħal ċrieki jew linji separati mnaqqxin mad-dawra tagħhom. Jekk tismaʼ dwar perla forma taʼ buttuna, din jgħidulha hekk għax ikollha naħa waħda fit-tond u naħa ċatta. Imbagħad hemm ukoll dawk li jissejħu barokki, li jkollhom forma stramba.
Perla li tkun kompletament bla difett hija rari u tiswa ħafna flus. Imma huwa komuni li perla jkollha difetti li jidhru. Dawn jistgħu jkunu xi tagħtina, ħotba, tikmixa, girfa, tikka, jew tebgħa—kollha jiġu b’mod naturali. Jekk id-difetti jkunu ftit jew f’post wieħed biss, jistaʼ jkun possibbli li jinħbew meta l-perla tiġi montata fuq xi ġojjell.
Ħaġa li żgur se tinnota hi kemm tkun tleqq il-perla, u dan jiddependi minn kemm tkun ħoxna l-madriperla tagħha. Xi ħaġa oħra li trid tikkunsidra hi kemm il-perla tirrifletti d-dawl, li jagħtiha dik is-sbuħija li tant issaħħrek. Xi wħud jemmnu li l-iktar li jolqot l-għajn hi t-tleqqija tagħha—iktar milli l-kulur, id-daqs, il-forma, jew il-wiċċ tagħha.
Il-Perli Trid Tieħu Ħsiebhom
Differenti minn ħaġar prezzjuż ieħor, bħalma huma d-djamanti jew ir-rubini, il-perli jitqiesu bħala “rotob.” Dawn jistgħu faċilment jingirfu meta jmissu maʼ xi ġojjelli jew oġġetti ebsin oħra. Għalhekk, jekk għandek il-perli jeħtieġ l-attenzjoni meta tilbishom jew terfagħhom.
L-aċidu, inkluż dak li jinsab fl-għaraq tal-bniedem, jistaʼ jagħmlilhom il-ħsara, u anki d-deterġenti, il-fwejjaħ, u xi kosmetiċi oħrajn. Ġojjellier ewlieni fil-gżejjer Cook jirrikkmanda din il-proċedura taʼ tindif: “Ħallat ftit ilma maʼ ftit likwidu tal-ħasil tal-platti fi skutella żgħira. Ħawwad l-ilma bi xkupilja ratba tas-snien, u naddaf ħafif ħafif l-isfond li tkun montata fuqu l-perla kif ukoll il-perla nfisha. Laħlaħ b’ilma nadif, u ixxotta b’ċarruta ratba.”
Il-Perli fl-Istorja
Il-perli kienu fost l-ewwel ġojjelli prezzjużi li n-nies kienu jiddandnu bihom, u ġew imfaħħrin fil-letteratura antika. Nies fil-Lvant Nofsani u fl-Asja kienu speċjalment iqisuhom bħala prezzjużi għax għalihom kienu simboli taʼ safa u virtù.
F’Ruma tal-qedem, il-perli tant kellhom valur kbir li nies taʼ ċerta klassi biss kienu jistgħu jilbsuhom. Plinju l-Kbir, naturalista u filosfu taʼ l-ewwel seklu, faħħar il-perli bħala “l-iktar ħaġa meraviljuża fid-dinja kollha.” U meta Ġesù kien qed juri kemm hi prezzjuża s-Saltna tas-smewwiet, hu xebbahha maʼ “perla waħda” li tant kellha valur kbir li merkant li kien jivvjaġġa biex ifittex perli mill-isbaħ “minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.”—Mattew 13:45, 46.
Il-fatt li Ġesù rrefera għall-perli bla dubju jindika l-ġmiel u l-valur tagħhom. Kemm għandna għalxiex inkunu grati lejn Ġeħova, il-Ħallieq taʼ dawn il-ġojjelli, inkluż dawk li jinsabu fl-Ibħra tan-Nofsinhar!
[Stampi f’paġna 18]
Il-perli s-suwed (imkabbrin biex jidher iktar id-dettall tagħhom)