LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 5/8 pp. 10-11
  • Japprovahom Alla l-Gwerer?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Japprovahom Alla l-Gwerer?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Gwerer taʼ Iżrael tal-​Qedem
  • L-​Effett tat-​Tagħlim taʼ Kristu
  • Gwerer Moderni
  • Aħna Għala Ma Niġġildux fil-Gwerer Bħalma Għamlu l-Iżraelin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Imorru Flimkien il-Gwerra u l-Kristjanità?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Il-gwerer
    Stenbaħ!—2017
  • Kif Alla jqis il-gwerer tal-qedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 5/8 pp. 10-11

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

Japprovahom Alla l-​Gwerer?

MIN jaf kemm-il darba l-​ħakkiema, il-​ġenerali, kif ukoll il-​kleru ddikjaraw jew approvaw il-​gwerer f’isem Alla! Fl-​1095, bl-​approvazzjoni tal-​Papa Urbanu II, l-​Ewwel Kruċjata qabdet it-​triq biex Ġerusalemm, il-​“Belt Qaddisa,” titraġġaʼ lura fi ħdan il-​Kristjaneżmu. Iżda qabel ma laħqu l-​mira tagħhom, grupp taʼ Kruċjati nġiebu fix-​xejn mit-​Torok, li ż-​żelu li kellhom lejn Allah kien b’saħħtu daqs il-​fidi li kellhom il-​Kruċjati fit-​Trinità.

F’Awissu taʼ l-​1914, waqt li kien qiegħed f’kamp militari matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, wieħed żagħżugħ Ġermaniż kiteb hekk: “Jekk fl-​istorja tal-​bniedem hemm ġustizzja u gwida divina—u dwar dan m’għandix dubju—allura r-​rebħa għandha tkun tagħna.” F’dak l-​istess xahar, meta l-​Kżar Nicholas II bagħat lill-​armata Russa biex tiġġieled kontra l-​Ġermanja, hu pproklama: “Nibgħat inselli b’qalbi kollha għat-​truppi kuraġġużi u għall-​alleati nobbli tiegħi. Alla hu magħna!”

Imsaħħin b’dan il-​mod, miljuni taʼ suldati marru għall-​gwerra, b’konvinzjoni soda li Alla kien magħhom. Ħafna nies jemmnu li Alla jippermetti dan it-​tip taʼ taqbid bħala l-​prezz li jrid jitħallas għall-​ħelsien, u jippontaw lejn il-​gwerer fl-​Iskrittura Ebrajka (magħrufa bħala t-​Testment il-​Qadim) biex isaħħu l-​punt tagħhom. Hija korretta l-​interpretazzjoni tagħhom tal-​Kelma t’Alla?

Il-​Gwerer taʼ Iżrael tal-​Qedem

Alla Jehovah ordna li Iżrael kellu jiggwerra biex jeħles l-​Art Imwiegħda mill-​Kangħanin immorali. (Levitiku 18:​1, 24-28; Dewteronomju 20:​16-18) Bħalma Alla kkastiga lin-​nies il-​ħżiena fi żmien Noè permezz tad-​dilluvju u qered lil Sodoma u Gomorra bin-​nar, hekk ukoll kien se juża lin-​nazzjon taʼ Iżrael bħala x-​xabla taʼ l-​esekuzzjoni tiegħu.​—Ġenesi 6:​12, 17; 19:​13, 24, 25.

Skond il-​Bibbja, Iżrael iġġieled battalji oħra taħt id-​direzzjoni t’Alla, ħafna drabi biex jiddefendi ruħu mill-​attakki taʼ l-​għadu. Meta n-​nazzjon obda lil Jehovah, il-​gwerer li ġġieled spiċċaw b’mod favorevoli. (Eżodu 34:24; 2 Samwel 5:​17-25) Imma meta Iżrael issogra jiġġieled mingħajr id-​direzzjoni divina, taʼ spiss, ir-​riżultat kien ikun diżastru. Ikkunsidra l-​każ tas-​Sultan Ġerobogħam. Dan injora twissija profetika diretta u bagħat lill-​armata kbira tiegħu għal gwerra ċivili kontra Ġuda. Meta fl-​aħħar il-​vjolenza spiċċat, Ġerobogħam kien tilef 500,000 mis-​suldati tiegħu. (2 Kronaki 13:​12-18) Darba minnhom, anki s-​sultan leali Ġosija mar jiġġieled f’battalja li ma kinitx tiegħu. Dik id-​deċiżjoni taʼ malajr swietlu ħajtu.​—2 Kronaki 35:​20-24.

X’juru dawn il-​ġrajjiet? Li f’Iżrael tal-​qedem, kien Alla li jiddeċiedi jekk kellux ikun hemm gwerra jew le. (Dewteronomju 32:​35, 43) Hu ħalla lill-​poplu tiegħu jiġġieled għal skopijiet speċifiċi. Madankollu, dawn l-​iskopijiet ilhom li twettqu. Barra minn dan, Jehovah bassar li dawk li jqimuh “fl-​aħħar jiem” kellhom “jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet” u l-​“gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” (Isaija 2:​2-4) Mela jidher ċar li l-​gwerer Bibliċi ma jiġġustifikawx il-​konflitti moderni taʼ llum il-​ġurnata, u li l-​ebda wieħed minn dawn m’hu miġġieled bid-​direzzjoni t’Alla jew fuq ordni tiegħu.

L-​Effett tat-​Tagħlim taʼ Kristu

Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù wera kif tissostitwixxi l-​mibegħda b’imħabba mhux egoistika, billi kkmanda: ‘Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.’ (Ġwann 15:12) Hu qal ukoll: “Henjin dawk li jġibu l-​paċi.” (Mattew 5:9) Hawnhekk il-​kelma Griega għall-​“paċi” tfisser iktar milli tgawdi stat taʼ trankwillità. Din tinvolvi li tikkultiva l-​paċi, li taħdem b’mod attiv biex tinkuraġġixxi r-​rieda tajba.

Meta Ġesù kien qed jiġi arrestat, l-​appostlu Pietru pprova jiddefendih b’arma qattiela. Imma l-​Iben t’Alla ċanfru, billi qal: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif applikaw dak il-​kliem? Innota l-​kwotazzjonijiet li ġejjin.

“Jekk nagħtu kas bir-​reqqa taʼ l-​informazzjoni kollha li għandna, [naraw] li sa żmien Marku Awrelju [121-180 E.K.], l-​ebda Kristjan ma sar suldat; u l-​ebda suldat, wara li sar Kristjan, ma baqaʼ fis-​servizz militari.”​—The Rise of Christianity.

“L-​imġiba tal-​Kristjani [tal-bidu] kienet differenti ħafna minn dik tar-​Rumani. . . . Ladarba Kristu ppriedka l-​paċi, huma rrifjutaw li jsiru suldati.”​—Our World Through the Ages.

Minħabba li d-​dixxipli taʼ Kristu rrifjutaw li jservu fil-​leġjuni taʼ l-​imperatur, ir-​Rumani qatlu ħafna minnhom. Il-​Kristjani għal liema raġuni żammew waqfa li ma kinitx aċċettata? Għax Ġesù għallimhom biex isiru wħud li jfittxu l-​paċi.

Gwerer Moderni

Immaġina kemm tkun sitwazzjoni kerha kieku d-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom jiġġieldu maʼ l-​avversarji tagħhom, u jipprovaw joqtlu wieħed lil ieħor. Xena bħal din tkun kontra l-​prinċipji Kristjani. Dawk li jobdu lil Alla tal-​Bibbja m’huma se jweġġgħu lil ħadd—lanqas lill-​għedewwa tagħhom.a​—Mattew 5:​43-45.

B’mod ċar, Alla ma jitfax il-​barka tiegħu fuq gwerer karnali moderni bejn il-​bnedmin. Billi jkunu paċifiċi, il-​veru Kristjani jippromwovu l-​paċi li se tkun stabbilita mad-​dinja kollha taħt is-​Saltna t’Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Il-Bibbja ssemmi lil “Ħarmagedon,” imsejħa wkoll il-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” Din ma tirreferix għal xi gwerra bejn il-​bnedmin, iżda għal meta Alla se jeqred lin-​nies il-​ħżiena. Għalhekk, Ħarmagedon ma tistax tiġi użata biex tiġġustifika l-​konflitti moderni taʼ llum jew biex tassumi li Alla qed iberikhom.​—Apokalissi 16:​14, 16; 21:8.

[Stampa f’paġna 11]

Il-​Ġeneral Francisco Franco taʼ Spanja, qed jippoża maʼ diversi membri tal-​kleru Kattoliku

[Sors]

U.S. National Archives photo

[Stampa f’paġna 11]

Suldati li qed jiġu mberkin minn qassisin Griegi Ortodossi qabel ma jitilqu għall-​gwerra fil-​Kosovo, fil-​11 taʼ Ġunju, 1999

[Sors]

AP Photo/Giorgos Nissiotis

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja