Mingħand il-Qarrejja
Id-Dipressjoni fost l-Adolexxenti Kemm fraħt meta rċivejt is-serje t’artikli taʼ Stenbaħ! intitolata “Għajnuna għall-Adolexxenti Dipressi”! (8 taʼ Settembru, 2001) Ilni nissielet maʼ din il-marda għal bosta snin. Grazzi għal din l-għajnuna fi żmien diffiċli.
L. D., Franza
Jien infermiera tat-tfal. Ħafna huma dawk li ma jagħtux kas taʼ kemm hi mifruxa d-dipressjoni, iżda mhux intom. Ordnajt mitt kopja taʼ din ir-rivista. Bi ħsiebni nqassamhom mat-tobba tat-tfal u maʼ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali f’dawn l-inħawi.
B. P., Stati Uniti
Għandi għadd taʼ qraba li nstab li għandhom id-dipressjoni jew il-mard bipolari. Il-fatt li dawn jintgħarfu bħala li huma mard iktar milli dgħjufijiet jgħin ferm biex ħafna nies jerġgħu jiksbu d-dinjità li jkunu tilfu. Is-suġġerimenti li tajtu se jgħinuna lkoll biex nagħdruhom u nappoġġawhom.
C. M., Kanada
Malli ġiet din ir-rivista f’idejja, mill-ewwel bdejt naqraha. Qabiżli d-dmugħ bil-ferħ meta rajt kemm tgħożżu lill-adolexxenti u li ddedikajtu 12-il paġna għal dan is-suġġett. Grazzi ħafna, ħafna!
M. M., Awstrija
Dan l-artiklu tassew għenni nikkalma u nkun trankwilla. Barra minn hekk, ġagħalni nirrealizza li m’iniex l-unika waħda li nbati b’din il-marda. Nitlob lil Jehovah biex ifarraġ u jgħin lin-nies kollha li qed ibatu bid-dipressjoni.
Y. T., Ġappun
Se nżomm provvista taʼ din il-ħarġa dejjem disponibbli. Hi eżattament dak li għandhom bżonn l-adolexxenti tagħna, u nemmen li se tgħin lil ħafna minnhom u lill-ġenituri tagħhom jgħaddu minn dik li intom spjegajtu sew bħala li hija marda. X’aktarx li se ssalva l-ħajjiet.
R. F., Stati Uniti
Kemm striħajt meta sirt naf li dan l-uġigħ emozzjonali ma jiġix minn xi dgħjufija spiritwali. Ħassejt qalbi trankwilla, u bkejt meta qrajt li “qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma.”—Salm 34:19 (34:18, NW).
A. I., Ġappun
Għandi 16-il sena, u ilni għal bosta snin ngħaddi minn mumenti taʼ dipressjoni. Din ir-rivista kienet eżatt dak li kont neħtieġ! Dawn l-artikli tawni l-parir li kelli bżonn.
L. B., Awstralja
Bħala adolexxent kont inbati bid-dipressjoni, u qatt m’għedt lill-ġenituri tiegħi jew lil dawk li kont naf li ridt nagħmel suwiċidju. Dan kien żball gravi. Huwa importanti li tikseb l-għajnuna meta tkun dipress. Grazzi talli wrejtu li tieħdu ħsieb iż-żgħażagħ u turu konsiderazzjoni lejhom.
S.G.C., Stati Uniti