Il-Ħarsa tal-Bibbja
Sejjer Alla Jagħlaq Għajnejh għad-Dgħjufijiet Tagħna?
‘M’iniex xi bniedem ħażin! Ipprovajt fuq li pprovajt biex nabbanduna t-triqat ħżiena tiegħi, imma jien dgħajjef wisq!’
JIRRIFLETTU dawn is-sentimenti l-mod kif tħossok int jew xi ħadd li taf? Ħafna jaslu għall-konklużjoni li hu kważi impossibbli li wieħed jegħleb id-dgħjufijiet morali li jkunu rabbew l-għeruq ġewwa fih. Xi wħud ma jgħaddux mingħajr alkoħol, tabakk, jew drogi. Ir-regħba tiddomina l-ħajja taʼ ħafna oħrajn. U hemm dawk li ċedew għal kondotta ħażina sesswalment, bl-iskuża li ma jistgħux jegħlbu l-vizzju tas-sess.
Bħalma ġie indikat f’Mattew 26:41, Ġesù esprima bi ħlewwa l-fehma tiegħu dwar id-dgħjufijiet umani.a Fil-fatt, il-Bibbja kollha kemm hi tistabbilixxi b’mod ċar li kemm Alla Jehovah kif ukoll Ġesù juru ħniena tabilħaqq mal-bnedmin. (Salm 103:8, 9) Imma nistgħu aħna nistennew li Alla jinjora d-difetti kollha tagħna?
Mosè u David
Ikkunsidra dak li ġralu Mosè. Kien magħruf bħala “l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art,” u stinka biex iżomm din il-kwalità tajba. (Numri 12:3) Huma u għaddejjin minn ġod-deżert, l-Iżraelin spiss aġixxew bla raġuni, u ma wrewx rispett lejn Alla u r-rappreżentanti tiegħu. Matul dan kollu, Mosè fittex bl-umiltà d-direzzjoni divina.—Numri 16:12-14, 28-30.
Madankollu, lejn it-tmiem taʼ dan il-vjaġġ twil strapazzanti, hu tilef it-tempra quddiem il-ġens kollu u m’obdiex l-istruzzjonijiet t’Alla. Alla ħafirlu, imma għalaq għajnejh Hu għal dan il-każ? Le. Hu qal lil Mosè: ‘Għax int m’emmintx fija, int ma ddaħħalx lil din il-ġemgħa fl-art li se nagħtihom.’ Mosè ma kienx se jidħol fl-Art Imwiegħda. Wara taqbida li damet sejra 40 sena għal dan il-privileġġ mill-isbaħ, nuqqas serju uman ġagħlu jitlef kollox.—Numri 20:7-12.
Is-Sultan David kien raġel devot ieħor li kellu dgħjufija. Darba minnhom ċeda għall-passjoni u kellu relazzjonijiet sesswali mal-mara taʼ raġel ieħor. Hu mbagħad ipprova jgħatti dnubu billi qabbad lil min joqtol lil żewġha. (2 Samwel 11:2-27) Wara dan, hu ddispjaċieh bil-kbir għal dawn id-delitti tiegħu, u Alla ħafirlu. Imma David kien ħarbat familja, u Jehovah ma pproteġiehx mill-gwajijiet qerrieda li ġew wara. It-tifel taʼ David marad ħafna, u Jehovah ma interviniex, minkejja t-talb taʼ David għan-nom taʼ ibnu. It-tifel miet, u mbagħad segwiet serje taʼ traġedji fid-dar taʼ David. (2 Samwel 12:13-18; 19:1 [18:33, NW]) David ħallas prezz għoli ferm talli ċeda għal dgħjufija morali.
Dawn l-eżempji juru li Alla jżommhom responsabbli lill-bnedmin għall-kondotta tagħhom. Dawk li jridu jaqduh iridu jsaħħu fejn huma dgħajfin fl-ispiritwalità tagħhom u jsiru Kristjani aħjar. Fl-ewwel seklu kien hemm ħafna li għamlu hekk.
Il-Ġlieda biex Neħilsu minn Prattiċi Midinbin
L-appostlu Pawlu jitqies b’mod korrett bħala mudell t’għajxien Kristjan. Imma kont taf li hu kellu ġlieda kontinwa kontra d-dgħjufijiet tiegħu? Rumani 7:18-25 jiddeskrivi b’mod ħaj dan il-konflitt, jew, skond vers 23, din it-‘taqbida.’ Pawlu ġġieled mingħajr waqfien, għax hu kien jaf li d-dnub se jkun quddiemu l-ħin kollu.—1 Korintin 9:26, 27.
Xi membri tal-kongregazzjoni Kristjana f’Korintu tal-qedem kellhom id-drawwa li jidinbu. Il-Bibbja tgħid li kienu ‘żienja, adulteri, omosesswali, ħallelin, rgħiba, skaren.’ Imma tgħid ukoll li ‘tnaddfu.’ (1 Korintin 6:9-11) Kif? Issaħħew b’għarfien eżatt, sħubija Kristjana, u l-ispirtu t’Alla biex ma jibqgħux jipprattikaw dak li kien ħażin. Maż-żmien, ġew dikjarati ġusti minn Alla f’isem Kristu. Iva, Alla ħafrilhom, u b’hekk tahom kuxjenza nadifa.—Atti 2:38; 3:19, 20a (3:19, NW).
Pawlu u l-Kristjani taʼ Korintu ma ċekknux it-tendenzi midinbin tagħhom. Minflok, iġġildulhom, u bl-għajnuna t’Alla ttrijonfaw. Dawk l-aduraturi taʼ l-ewwel seklu saru wħud taʼ min ifaħħarhom talli baqgħu moralment safja, minkejja l-ambjent taʼ madwarhom u l-inklinazzjonijiet imperfetti. Xi ngħidu għalina?
Alla Jistenna li Niġġildulhom id-Dgħjufijiet Tagħna
Il-fatt li niġġieldu kontra xi dgħjufija għandu mnejn ma jwassalx biex neliminawha għalkollox. Waqt li m’għandniex għalfejn inċedu għall-imperfezzjoni tagħna, ma nistgħux neqirduha. Tiġġenera dgħjufijiet li jistgħu jkunu persistenti ferm. Madankollu, m’għandniex inċedu għad-dgħjufijiet tagħna. (Salm 119:11) Għala hu daqshekk importanti dan?
Għaliex Alla ma jippermettix li l-imperfezzjoni tkun skuża l-ħin kollu għal kondotta ħażina. (Ġuda 4) Jehovah irid li l-bnedmin jitnaddfu, li jgħixu ħajja moralment tajba. Il-Bibbja tgħid: “Taħmlux il-ħażen.” (Rumani 12:9) Alla għala jieħu waqfa soda bħal din?
Raġuni waħda hija li huwa taʼ ħsara li nċedu għad-dgħjufija. “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad,” tgħid il-Bibbja f’Galatin 6:7. Dawk li jċedu għall-vizzji, għar-regħba, u għat-taħlit taʼ relazzjonijiet sesswali maʼ diversi persuni spiss jaħsdu ħsad terribbli f’ħajjithom. Imma hemm raġuni iktar importanti.
Id-dnub joffendi lil Alla. Joħloq ‘firda’ bejnna u bejn Jehovah. (Isaija 59:2) Ladarba dawk li jipprattikaw id-dnub ma jistgħux jiksbu l-favur tiegħu, hu jħeġġiġhom: “Inħaslu u tnaddfu, . . . ieqfu mill-ħażen.”—Isaija 1:16.
Il-Ħallieq tagħna jħobb u jħenn. “Ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Il-fatt li l-ħin kollu nċedu għad-dgħjufija jfixkilna milli naslu biex ikollna l-favur t’Alla. Ladarba Alla ma jinjorax id-dgħjufijiet tagħna, lanqas aħna m’għandna ninjorawhom.
[Nota taʼ taħt]
a Ġesù qal: “L-ispirtu . . . irid; imma l-ġisem dgħajjef.”