LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 11/8 pp. 22-25
  • Kif Skansajna Nixxiegħa Lava tal-Biżaʼ!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Skansajna Nixxiegħa Lava tal-Biżaʼ!
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • M’Hemmx Għalfejn Ninkwetaw?
  • “Irridu Naħarbu Minnufih!”
  • Eluf taʼ Nies Jaħarbu fit-​Triq
  • Lejl fis-​Sigurtà
  • L-​Għajnuna Tiġi Malajr
  • L-​Ansjetà Tikber
  • Ftit Aħbarijiet taʼ Faraġ
  • Nistgħu Mmorru Lura!
  • Ġimgħa Wara
  • Il-Kristjanità fl-Azzjoni f’Nofs it-Taqlib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Popocatepetl Il-​Vulkan Maestuż u Minaċċuż Tal-​Messiku
    Stenbaħ!—1997
  • Inżuru l-“Muntanja tan-Nar”
    Stenbaħ!—2005
  • Għajnuna fid-​Diżastri fl-​2021—Ħutna Mhumiex Abbandunati
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 11/8 pp. 22-25

Kif Skansajna Nixxiegħa Lava tal-​Biżaʼ!

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​KONGO (KINSHASA)

HUWA t-​Tlieta, 15 taʼ Jannar, 2002—ġurnata li tidher bħall-​oħrajn fl-​Afrika Ċentrali. Flimkien maʼ Xhud ieħor taʼ Jehovah nasal Goma, f’Kivu, ġewwa l-​Kongo (Kinshasa), biex niltaqaʼ max-​Xhieda tar-​reġjun taʼ Great Lakes.

M’Hemmx Għalfejn Ninkwetaw?

Għalkemm il-​vulkan Nyiragongo (għoli 3,470 metru) qiegħed xi 19-il kilometru ’l bogħod mill-​belt taʼ Goma, l-​attività tiegħu tqajmilna l-​interess.a Nistgħu nisimgħuh ikarwat, u nistgħu anki naraw id-​duħħan tielaʼ mill-​vulkan. Għan-​nies tal-​post, din mhix xi ħaġa ġdida f’dan iż-​żmien tas-​sena, u m’humiex iħabblu rashom.

Wara nofsinhar, immorru għal-​laqgħat f’żewġ kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Inkomplu nħossu l-​art titriegħed u nisimgħu ttkarwit, imma dan donnu li ma qed itellef lil ħadd. L-​awtoritajiet lokali jibqgħu jassiguraw lin-​nies li m’hemmx għalfejn jippanikkjaw. Minkejja li ċertu vulkanologu Kongoliż ilu xhur ibassar li l-​vulkan kien se jiżbroffa, ħadd ma jemmnu. Wieħed ħabib tagħna jgħidilna mingħajr l-​iċken ħsieb, “Illejla s-​sema se jkun aħmar minħabba l-​vulkan attiv.”

“Irridu Naħarbu Minnufih!”

Hekk kif naslu fejn qegħdin noqogħdu, jintqalilna ċar u tond: “Irridu naħarbu minnufih!” Is-​sitwazzjoni hija perikoluża għall-​aħħar. Il-​belt qiegħda f’riskju kbir. Kemm jinbidlu malajr l-​affarijiet! Ftit qabel konna qegħdin niddiskutu l-​prospett li nużaw Goma bħala post ċentrali għall-​attivitajiet taʼ l-​ippridkar. Issa, tard fil-​għaxija, qed jgħidulna biex naħarbu mill-​belt għax qiegħda fil-​periklu li tinqered għalkollox.

Hekk kif joqrob il-​lejl, is-​sema jsir aħmar nar—u mhux taʼ b’xejn! In-​nixxiegħa tal-​lava min-​Nyiragongo riesqa lejn il-​belt. Il-​muntanja qisha borma enormi li qed tagħli u tfur, u minnha ħierġa lava maħlula li teqred kulma ssib quddiemha. Qatt ma ppakkjajna l-​bagalji daqshekk malajr f’ħajjitna! Saru kważi s–7:00 taʼ fil-​għaxija.

Eluf taʼ Nies Jaħarbu fit-​Triq

Hekk kif nitilqu niġru ’l barra, it-​triq li minnha toħroġ minn Goma hija ffollata bin-​nies li qegħdin jaħarbu biex isalvaw ħajjithom. Il-​biċċa l-​kbira minnhom mexjin u qegħdin iġorru l-​ftit affarijiet li rnexxielhom jaħtfu malajr malajr. Ħafna qed jibbilanċjaw it-​tagħbija tagħhom fuq rashom. Xi wħud huma mrassin ġo karozzi mimlijin daqs bajda. Ilkoll qegħdin fi triqithom lejn il-​fruntiera taʼ l-​Irwanda li qiegħda fil-​viċin. Madankollu, vulkan ma jagħti kas taʼ l-​ebda fruntiera magħmula mill-​bniedem. L-​ebda eżerċtu ma jistaʼ jżommu! Naraw suldati li jċedu għal-​lava u huma wkoll jitilqu jiġru biex isalvaw ħajjithom. Huwa kważi impossibbli li l-​karozzi jiċċaqalqu fit-​triq. Irridu nibqgħu mexjin. Ninsabu f’nofs din il-​massa taʼ 300,000 ruħ kollha jrossu fuq xulxin—irġiel, nisa, tfal, u trabi—ilkoll qed jaħarbu mill-​korla tal-​vulkan. L-​art taħt saqajna tkompli tkarwat u titriegħed.

Kulħadd qed jaħrab biex isalva ħajtu. Jien u sieħbi, stranġieri minn belt kbira, ninsabu f’nofshom, akkumpanjati minn ftit Xhieda li qed jieħdu ħsiebna. Il-​preżenza u l-​interess profond tagħhom jolqtuna ħafna u jagħtuna sens taʼ sigurtà f’din is-​sitwazzjoni verament stressanti u diffiċli. In-​nies qed jaħarbu b’dak kollu li jistgħu jġorru—ilbies, borom u taġnijiet, ftit affarijiet taʼ l-​ikel. F’dan il-​baħar taʼ nies, kulħadd qed jgħaffeġ u jimbotta. Xi wħud minnhom jintlaqtu mill-​karozzi li qed jipprovaw jgħaddu, u fosthom ikun hemm min iwaqqaʼ l-​affarijiet li qed iġorr u kulħadd jibqaʼ għaddej minn fuqhom. Povru min jaqaʼ. It-​tensjoni hija qawwija ferm. Kulħadd imwerwer bil-​biżaʼ. Aħna qed nipprovaw immorru Gisenyi, ftit kilometri ’l bogħod fl-​Irwanda. Aħna mġagħlin inkomplu nimxu bla waqfien.

Lejl fis-​Sigurtà

Naslu ħdejn lukanda, imma, m’għandniex xi ngħidu, m’hemmx wisaʼ għal iktar nies. Ikollna nikkuntentaw b’li noqogħdu bil-​qiegħda madwar mejda fil-​ġnien. Dan wara mixja taʼ tliet sigħat u nofs li filġitna. Aħna ferħanin li għadna ħajjin u li ħlisna mill-​periklu u qegħdin flimkien maʼ ħutna l-​Kristjani li vvjaġġaw magħna. B’ferħ, ħadd mix-​Xhieda ma tilef ħajtu.

Jidher ċar li se jkollna nqattgħu l-​lejl barra. Minn din id-​distanza ’l bogħod mill-​periklu, nistgħu noqogħdu nħarsu lejn is-​sema aħmar nar fuq il-​belt taʼ Goma. Kienet xena tassew sabiħa u impressjonanti! Bil-​mod il-​mod jibda jżernaq. It-​tkarwit u t-​tregħid komplew matul il-​lejl. Meta nħarsu lura lejn id-​diffikultajiet li ħabbattna wiċċna magħhom il-​ġurnata taʼ qabel, ma nistgħux ma nħossux mogħdrija għall-​eluf taʼ familji li kellhom jaħarbu biż-​żgħar tagħhom.

L-​Għajnuna Tiġi Malajr

Xi Xhieda minn Kigali, il-​kapitali taʼ l-​Irwanda, jingħaqdu magħna f’nofsinhar tal-​Ġimgħa, 18 taʼ Jannar. Kumitat għall-​għajnuna, ifformat mill-​aħwa minn Goma u Gisenyi, jibda l-​ħidma tiegħu. L-​ewwel mira hi li r-​refuġjati Xhieda jingħataw kenn fis-​sitt Swali tas-​Saltna li hemm fl-​inħawi. Dan isir f’din il-​ġurnata stess. Mal-​ġenb tat-​triq titpoġġa tabella bil-​Franċiż u bis-​Swaħili sabiex turi t-​triq għal Sala tas-​Saltna lokali fejn ir-​refuġjati jistgħu jingħataw l-​għajnuna u jsibu l-​faraġ. Dak in-​nhar stess jaslu wkoll ’il fuq minn 3 tunnellati taʼ bżonnijiet bażiċi fis-​Swali tas-​Saltna fejn huma miġburin ix-​Xhieda. L-​għada, is-​Sibt, jasal trakk minn Kigali mborġat b’ikel, kutri, folji tal-​plastik, sapun, u mediċini.

L-​Ansjetà Tikber

Dan hu żmien mimli ħsibijiet kbar. Kif jistgħu jiġu sodisfati l-​bżonnijiet taʼ dawn in-​nies kollha? Xi ngħidu għall-​vulkan? Meta se jieqaf jiżbroffa? Kemm hija kbira l-​qerda li ġarrbet il-​belt taʼ Goma? L-​aħbarijiet li qed jaslulna u t-​tregħid kontinwu taʼ l-​art ma tantx qed jagħtuna sinjali pożittivi. L-​esperti qed jibżgħu li l-​livelli għoljin tad-​dijossidu tal-​kubrit se jniġġsu l-​arja. Hemm ukoll il-​biżaʼ li l-​ilma fil-​Lag Kivu se jiġi kontaminat minħabba r-​reazzjonijiet kimiċi.

Matul it-​48 siegħa taʼ wara l-​iżbroff, kienu xterdu rapporti inkwetanti. Imbagħad, is-​Sibt wara nofsinhar insiru nafu li xi 10,000 persuna, inkluż 8 Xhieda flimkien maʼ tifel, huma ċirkondati mil-​lava li f’xi bnadi hi għolja 2 metri. L-​arja hi mimlija gassijiet tossiċi. Aħna nibżgħu li jistgħu jitilfu ħajjithom. Ma jidher l-​ebda xaqq dawl. Anki l-​katidral taʼ Goma kważi nqered hekk kif il-​lava kompliet miexja ’l quddiem bla ma taħfirha lil ħadd. F’dan il-​ħin ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li Goma qatt xi darba se terġaʼ tiġi f’tagħha.

Ftit Aħbarijiet taʼ Faraġ

Il-​Ħadd, fid–9:00 taʼ fil-​għodu, nirċievu telefonata minn wieħed mill-​aħwa ċirkondati mil-​lava. Hu jgħidilna li s-​sitwazzjoni qed tinbidel. Hemm xi titjib. Nieżla x-​xita, il-​lava qed tibred, u l-​arja qed tiċċara. Għalkemm il-​lava għadha taħraq u hi perikoluża, in-​nies qed jibdew jaqsmu n-​nixxigħat sabiex immorru fejn m’hemmx periklu. Il-​belt m’hijiex meqruda għalkollox.

Din hi l-​ewwel aħbar tajba mindu bdew dawn il-​ġrajjiet traġiċi. Il-​vulkan jidher li naqqas l-​attività tiegħu. L-​esperti li qegħdin f’dawn l-​inħawi ma jaqblux fl-​opinjonijiet tagħhom. Nistgħu nagħmlu kuntatt mal-​belt taʼ Bukavu li qiegħda fil-​viċin, fit-​tarf l-​ieħor tal-​Lag Kivu. Insiru nafu li ħames familji, kif ukoll tlett itfal mingħajr il-​ġenituri tagħhom, waslu Bukavu bid-​dgħajsa. Ix-​Xhieda f’din il-​belt se jieħdu ħsiebhom.

Nistgħu Mmorru Lura!

It-​Tnejn, 21 taʼ Jannar, nistgħu nħeġġu u nfarrġu lill-​vittmi f’Gisenyi, kif ukoll naraw x’għandhom bżonn. Naraw li l-​aħwa li qed joqogħdu temporanjament fis-​sitt Swali tas-​Saltna qed jorganizzaw ruħhom. Nistgħu ngħoddu eżattament kemm ħarbu—1,800 inkluż it-​tfal.

Xi ngħidu għall-​futur? L-​awtoritajiet lokali jippjanaw biex iwaqqfu tined għar-​refuġjati mill-​iktar fis. Madankollu, xi nies għad għandhom memorji koroh dwar il-​kampijiet tar-​refuġjati li kienu twaqqfu wara l-​ġenoċidju taʼ l-​1994. Aħna niddeċiedu li mmorru lura Goma, u naslu l-​belt qrib nofsinhar. Xi 25 fil-​mija mill-​belt inkinset. Nistgħu nimxu fuq il-​lava li kienet niżlet fit-​toroq tal-​belt u li issa qed tibbies. Għadha sħuna, u l-​arja għadha fgata bil-​gassijiet li ħerġin. Ħafna nies huma determinati li jirritornaw fil-​belt.

Fis–1:00 taʼ wara nofsinhar niltaqgħu maʼ 33 anzjan Kristjan fis-​Sala tas-​Saltna tal-​Kongregazzjoni taċ-​Ċentru taʼ Goma. Kulħadd hu taʼ l-​istess fehma: Huma jiddeċiedu li jmorru lura lejn Goma. “Dan hu postna,” jgħidu huma. U jekk il-​vulkan jerġaʼ jiżbroffa? “Issa drajnieh,” jirrispondu. Huma jibżgħu li jekk ma jirritornawx minnufih, jisirqulhom kulma għandhom. L-​għada, il-​familji kollha tax-​Xhieda li ħarbu jinsabu Goma mill-​ġdid. Il-​biċċa l-​kbira mit-​300,000 ruħ li qasmu l-​fruntiera wkoll reġgħu lura lejn il-​belt milquta.

Ġimgħa Wara

Il-​belt għal darb’oħra hija mimlija attività. Jidher ċar li mhix se tmut. Fi żmien qasir jibda x-​xogħol biex iwittu l-​lava b’tali mod li ż-​żewġ sezzjonijiet tal-​belt li kienu nfirdu jerġgħu jingħaqdu. Il-​lava kienet qerdet kulma sabet quddiemha. Iċ-​ċentru kummerċjali u s-​sezzjoni amministrattiva tal-​belt spiċċaw ħerba. Huwa kalkulat li terz mir-​runway taʼ l-​ajruport inqered.

Minn għadd iktar eżatt naraw li 180 familja tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma fost dawk li tilfu kollox u jinsabu bla dar. Il-​kumitat għall-​għajnuna jagħmel arranġamenti biex jgħin lil madwar 5,000 raġel, mara, tifel, u tifla jieħdu razzjon taʼ ikel kuljum. Konsenja taʼ tined tal-​plastik mibgħuta mix-​Xhieda taʼ Jehovah tal-​Belġju, Franza, u l-​Isvizzera se tintuża biex dawk bla dar ikollhom saqaf temporanju fuq rashom, kif ukoll biex toħloq postijiet għal-​laqgħat għal dawk il-​kongregazzjonijiet li s-​Swali tas-​Saltna tagħhom ġarrbu ħsarat kbar jew inqerdu. Xi wħud mill-​familji li tilfu d-​djar tagħhom se joqogħdu maʼ Xhieda li djarhom ma ntlaqtux mid-​diżastru, waqt li oħrajn se joqogħdu fil-​postijiet taʼ kenn temporanji.

Il-Ġimgħa, 25 taʼ Jannar, xi għaxart ijiem wara dak il-​lejl tal-​biżaʼ, 1,846 ruħ huma preżenti f’laqgħa li saret fil-​bitħa taʼ skola f’Goma sabiex jisimgħu kliem inkuraġġanti mill-​Iskrittura. Isiru ħafna espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr mill-​aħwa għall-​faraġ kif ukoll għall-​għajnuna prattika li tahom Jehovah permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu. Aħna l-​viżitaturi ninsabu impressjonati profondament bil-​kuraġġ u l-​fidi soda li wrew dawn l-​aħwa minkejja ċ-​ċirkustanzi diffiċli tagħhom. Qalb dan l-​għawġ kollu, kemm hu pjaċevoli li tkun parti minn fratellanza magħquda fil-​qima taʼ dak Alla veru, Jehovah, is-​Sors tal-​faraġ dejjiemi!​—Salm 133:1; 2 Korintin 1:​3-7.

[Nota taʼ taħt]

a Bis-Swaħili, il-​vulkan huwa magħruf bħala mulima ya moto, jiġifieri, “muntanja tan-​nar.”—Ara l-​artiklu “Visiting an Active Volcano” (Inżuru Vulkan Attiv) fl-​Awake! tat-​8 taʼ Lulju, 1975.

[Mapep f’paġna 22, 23]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​vleġeġ juru d-​direzzjoni tal-​lava

KONGO (KINSHASA)

Il-​Muntanja Nyiragongo

↓ ↓ ↓

L-​Ajruport taʼ Goma ↓ ↓

↓ GOMA

LAG KIVU

RWANDA

[Stampi f’paġna 23]

Il-​lava maħlula ġagħlet lil għaxriet t’eluf taʼ Kongoliżi jaħarbu mill-​belt taʼ Goma

[Sors]

AP Photo/Sayyid Azim

[Stampi f’paġna 24, 25]

F’ġimgħa, ix-​Xhieda organizzaw il-​laqgħat Kristjani tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja