LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 11/8 pp. 18-21
  • Tistaʼ Tagħraf id-Differenza?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Tagħraf id-Differenza?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Kien il-​Hydraulus?
  • Għala l-​Orgni li Jaħdem bl-​Arja?
  • L-​Ewwel Tastieri bil-​Kordi
  • L-​Era Elettronika
  • Pjanista tal-Mużika Klassika Jispjega t-Twemmin Tiegħu
    Stenbaħ!—2013
  • Mużika li Togħġob ’l Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Stenbaħ!—2002
g02 11/8 pp. 18-21

Tistaʼ Tagħraf id-​Differenza?

“Dak pjanu!” “Le, jien naħseb li hu sintesajżer.” “Dak orgni żgur!” “Le, kollha għandkom żball. Dak klaviċembalu.” X’inhu eżattament?

FIL-​FATT, it-​tastieri taʼ dawn l-​istrumenti mużikali kollha jixbhu ħafna lil xulxin. Imma l-​ħoss li joħroġ minnhom u l-​mod kif isir il-​ħoss kulmeta jingħafas wieħed mit-​tasti jistaʼ jvarja bil-​kbir. Allura t-​tastiera taʼ l-​istrumenti minfejn oriġinat u kif żviluppat? Ejja nagħtu ħarsa lejn it-​tip taʼ tastieri li kien hawn matul is-​sekli.

X’Kien il-​Hydraulus?

L-​eqdem tastiera primittiva li jafu biha jintqal li kienet dik taʼ strument imsejjaħ il-​hydraulus, jew orgni taʼ l-​ilma. Huwa maħsub li dan ġie żviluppat minn Ktesibios, inġinier minn Lixandra, lejn il-​bidu tat-​tielet seklu Q.E.K. Skond il-​ktieb Musical Instruments of the West, “l-​arja kienet tiġi minfuħa . . . ġo reċipjent imtaqqab (pnigeus) u mpoġġi f’ġiebja mimlija bl-​ilma, u mill-​pnigeus l-​arja kienet tibqaʼ għaddejja għal ġo kumpartiment taħt [ringiela taʼ] pajpijiet, filwaqt li l-​pressjoni taʼ l-​ilma żżomm stabbli l-​pressjoni taʼ l-​arja.” Kull pajp kien jagħmel il-​ħoss permezz taʼ njama rqiqa ħafna li titħaddem meta jingħafas wieħed mit-​tasti kbar. Peress li l-​hydraulus kien jipproduċi noti qawwija u ħoxnin, dan l-​istrument kien ideali għal waqt wirjiet taċ-​ċirklu, fieri, u festi għall-​apert. L-​iktar li kien sar popolari kien matul l-​Imperu Ruman—anki l-​Imperatur Neruni kien deskritt bħala li kien jaf idoqqu tajjeb.

Għala l-​Orgni li Jaħdem bl-​Arja?

Maż-​żmien, minflok il-​kompressur taʼ l-​ilma beda jintuża tip taʼ minfaħ li jimbotta l-​arja taħt pressjoni, u permezz t’hekk inħoloq l-​orgni li jaħdem bl-​arja. Permezz tal-​minfaħ, min kien idoqq l-​istrument setaʼ jpoġġi bil-​qiegħda ħdejh u juża saqajh jew idejh biex jipprovdi r-​riħ ħalli jdoqq. Fi tħaffir li sar instab orgni taʼ l-​arja li ġie datat li jmur lura sat-​tielet seklu E.K., u dan l-​istrument baqaʼ jintuża ħafna matul id-​diversi mijiet taʼ snin taʼ wara. Peress li kienet għadha qed tintuża tastiera sempliċi ħafna, il-​melodiji kienu jindaqqu b’temp wisq bil-​mod. Ir-​raġuni kienet li d-​daqs taʼ kull tast kellu jkun skond id-​daqs tal-​pajp taʼ l-​orgni tiegħu stess. Biex jagħmel nota baxxa, min idoqq x’aktarx li kien ikollu bżonn juża idu kollha jew saħansitra jagħmel idu ponn biex jagħfas it-​tast wiesaʼ.

Sas-seklu 14, l-​orgni kien sar “kważi esklużivament strument li jindaqq fil-​knisja fil-​punent taʼ l-​Ewropa.” (The Encyclopedia of Music) L-​iżvilupp taʼ mekkaniżmu bir-​rombli biddel drastikament id-​dehra u x-​xogħol li tagħmel it-​tastiera taʼ l-​orgni. Permezz taʼ dan il-​mekkaniżmu, il-​pajpijiet setgħu jitpoġġew ’il bogħod mit-​tastiera u t-​tasti ma baqgħux daqshekk wesgħin. Sa fl-​aħħar, id-​daqqâq setaʼ juża sabaʼ wieħed għal kull tast u jdoqq b’mod grazzjuż mużika iktar mgħaġġla. Mozart tant kien jogħġbu l-​orgni li sejjaħlu r-​re taʼ l-​istrumenti mużikali.

L-​Ewwel Tastieri bil-​Kordi

L-​ewwel darba li l-​Bibbja ssemmi strument bil-​kordi hija f’Ġenesi 4:​21, u jerġgħu jissemmew diversi drabi oħra f’konnessjoni mal-​ġens taʼ Iżrael. Imma kien biss madwar is-​seklu 15 E.K. li seħħet unjoni bejn l-​istrumenti bil-​kordi (li kienu jinġibdu bis-​swabaʼ jew jintlaqtu permezz taʼ martell jew ħabbata) u t-​tastiera. L-​ewwel darba li dehret it-​tastiera kif nafuha llum kien fuq strument imsejjaħ il-​klavikordju. Dan kien strument sempliċi qisu kaxxa li kellu l-​kordi minn tarf sa tarf. Meta d-​daqqâq kien jagħfas waħda mit-​tasti, kienet titlaʼ ħadida tar-​ram u tolqot il-​korda minn taħt.

Wara dan kien hemm il-​klaviċembalu, l-​ispinetta, u l-​verġinali.a Dawn, speċjalment il-​klaviċembalu, saru l-​istrumenti bit-​tastiera li kienu jintużaw l-​iktar matul is-​sekli 16 u 17. Il-​mekkaniżmu l-​ġdid tal-​klaviċembalu ġab bidla kbira fl-​istrumenti. The History of Musical Instruments jiddeskrivih b’dan il-​mod: “Il-​kordi kienu jindaqqu permezz tal-​qasab tar-​rix minflok ma jintlaqtu [bl-imrietel] bħal fil-​klavikordji. Fit-​tarf taʼ wara taʼ kull tast kien ikun hemm jack, jew biċċa njama żgħira wieqfa, u minnha kienet toħroġ qasba taʼ rixa jew biċċa ġilda rqiqa. . . . Meta jingħafas it-​tast [l-injama] kienet titlaʼ, il-​qasba tar-​rix tolqot il-​korda, u mbagħad, permezz taʼ molla, tmur lura mingħajr ma terġaʼ tolqot il-​korda.”

Il-klaviċembalu kiseb ħoss distint permezz taʼ dan il-​mekkaniżmu ġdid. Pjanista li qabel kienet iddoqq fil-​kunċerti ddeskriviet il-​ħoss tal-​klaviċembalu, li hu differenti mill-​pjanu taʼ llum, b’dan il-​mod: “Għandu ħoss irqiq u metalliku, u n-​noti m’humiex twal.”

L-għamla tal-​klaviċembalu nbidlet ħafna matul is-​snin. Dawk tal-​bidu kellhom tastiera waħda u kull tast kellu korda waħda biss. Iktar tard, mudelli iktar elaborati kellhom żewġ tastieri, diversi kordi għal kull tast, u mekkaniżmi oħra biex jinbidel it-​ton. Diversi kompożituri kbar taʼ dak iż-​żmien, bħal Johann Sebastian Bach (1685-1750) u Domenico Scarlatti (1685-1757), użaw b’mod effettiv it-​ton u l-​abbiltajiet tekniċi tal-​klaviċembalu u kitbu ħafna biċċiet sbieħ taʼ mużika, li bosta minnhom għadhom jindaqqu sa llum.

L-akkordji ġew żviluppati fis-​seklu 19, u lpjanu akkordju sar l-​iktar popolari fis-​seklu 20. Dan huwa taħlita taʼ tastiera u strument li jaħdem bl-​arja, peress li jinkludi mniefaħ li jġagħlu l-​arja tgħaddi minn qasab li jivvibra. L-​akkordju taʼ llum fih iktar minn 140 nota baxxa permezz taʼ sebaʼ ringieli buttuni u tastiera li fiha minn żewġ ottavi sa erbgħa.

L-​Era Elettronika

Is-​seklu 20 introduċa l-​era tat-​tastieri elettroniċi. L-​eqdem waħda minn dawn kienet it-​telharmonium, li ġiet żviluppata fl-​1906 minn Thaddeus Cahill. L-​orgni taʼ l-​elettriku deher wara l-​1930 u ftit warajh ħareġ il-​klaviċembalu u l-​pjanu taʼ l-​elettriku. Kuntrarju totalment għall-​mekkaniżmu użat fil-​hydraulus, meta jingħafas tast f’orgni taʼ l-​elettriku, sinjal elettroniku jipproduċi nota, u din tiġi mibdula u l-​volum tagħha jitqawwa.

Illum, waħda mill-​iktar tastieri elettroniċi popolari hija s-​sintesajżer, li beda jiġi żviluppat mill-​1940 ’il quddiem u sar l-​iktar strument bażiku favorit minn bosta gruppi mużikali moderni. Maʼ kull tast li jingħafas fis-​sintesajżer, tistaʼ tgħid li joħroġ kwalunkwe ħoss li jeżisti—minn ħoss taʼ kelb jinbaħ għal dak taʼ orkestra sinfonika.

Il-kompjuter ukoll qed jintuża ħafna fil-​qasam tal-​mużika moderna, u din mhix xi ħaġa taʼ l-​iskantament. Taʼ spiss is-​sintesajżers taʼ llum ikun fihom kompjuter, jew inkella l-​kompjuter jistaʼ jintuża biex jipproduċi l-​ħsejjes, u b’hekk dan stess jagħmel ix-​xogħol taʼ strument mużikali. Ġeneralment, biex wieħed jikkontrolla l-​kompjuter ikollu juża tastiera mużikali, imma llum il-​ġurnata l-​mużiċisti għandhom l-​għażla li jipprogrammaw il-​kompjuter tagħhom permezz tal-​mouse, jew minn tastiera normali tal-​kompjuters. The Encyclopedia of Music issemmi li llum il-​ġurnata kważi kull kumpanija tad-​diski għandha abbundanza taʼ apparat li jaħdem bil-​kompjuter. Il-​mużika tiġi merfugħa fuq hard disk u mbagħad editjata permezz taʼ software sofistikat qabel ma l-​verżjoni finali titpoġġa fuq awdjo tejp diġitali.

B’dan l-​iżvilupp kollu li sar dan l-​aħħar, ifisser li t-​tastiera mużikali se tispiċċa dalwaqt? ’Il bogħod minn hekk, speċjalment meta niftakru fl-​emozzjonijiet li ħarġu fil-​melodiji sempliċi taʼ Beethoven, “Moonlight Sonata” u “Für Elise,” jew dik taʼ Debussy, “Clair de Lune.” Imma x’ħin nirriflettu fuq il-​mijiet taʼ snin taʼ mużika bit-​tastiera u l-​effett li kellha fuq il-​ħajjiet taʼ miljuni bla għadd taʼ nies, ikollna nirrikonoxxu li matul is-​sekli, it-​tastiera tat kontribut tremend lid-​dinja tal-​mużika u ferrħet lil ħafna nies.

[Nota taʼ taħt]

a Il-verġinali jmur lura għas-​seklu 15. Dan kellu 32 korda tal-​metall u kellu l-​għamla tal-​klavikordju imma l-​ħoss tal-​klaviċembalu. L-​ispinetta kienet tixbah lill-​klaviċembalu imma iżgħar.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 20, 21]

Għala Ġie Vvintat il-​Pjanuforti?

Mill-​1775 sa l-​1800, l-​istrument bit-​tastiera l-​iktar popolari ma baqax il-​klaviċembalu imma sar ilpjanuforti, magħruf iktar bħala l-​pjanu. Minfejn ġabu dan l-​isem? Intqalu ħafna affarijiet dwar min setaʼ vvinta dan l-​istrument u meta, imma raġel Taljan bl-​isem taʼ Bartolomeo Cristofori kien qed jesperimenta bil-​pjanuforti fil-​bidu tas-​seklu 18. L-​isem li Cristofori ta lil dan l-​istrument, gravicembalo col piano e forte, (klaviċembalu b’volum baxx u għoli), enfasizza wieħed mill-​vantaġġi li kellu iktar mill-​klaviċembalu, strument li ftit li xejn kien iħalli lil min idoqqu jikkontrolla l-​volum tal-​mużika. Meta kien jingħafas tast fuq il-​pjanuforti, mekkaniżmu li kien għadu kif ġie żviluppat kien iċaqlaq il-​martell u dan jitlaʼ fuq il-​korda. Il-​volum tan-​nota kien jikkorrispondi mas-​saħħa li tintuża meta jingħafas it-​tast. B’dan il-​mod, il-​mużiċist issa kien iktar liberu li jesprimi s-​sentiment u l-​volum mixtieq fil-​mużika, kemm jekk kienet piano, bil-​mod, u kemm jekk forte, qawwija.

Fattur ieħor kien l-​użu taʼ tliet tipi taʼ pedali—il-​pedala taʼ l-​ismorzatur, is-​sostenuto, u dik li tbaxxi l-​ħoss. Dawn it-​tlieta jippermettu li l-​ħoss tan-​nota jdum iktar, li jibqaʼ għaddej minn battuta mużikali għal oħra, jew li jitbaxxa.

Matul is-​seklu 18, il-​pjanuforti kompla jiġi żviluppat u mibdul fl-​Ewropa. Fl-​1740 u fis-​snin taʼ wara, ġie żviluppat il-​pjanu kwadru, mudell iżgħar u iktar ekonomiku. Il-​pjanu kbir, jew tal-​kunċerti, jokkupa iktar spazju, għax għandu l-​kordi taʼ tulijiet differenti mifruxin b’mod orizzontali. Fil-​bidu tas-​seklu 19 ġie vvintat il-​pjanu wieqaf, li għadu mudell popolari sa llum.

Stenbaħ! staqsa lil waħda pjanista dwar id-​differenzi prinċipali fil-​ħoss bejn pjanu kbir u pjanu vertikali. Hi qalet: “Fi tliet kelmiet, il-​ħoss, iċ-​ċarezza, u l-​intensità. Il-​ħoss tal-​pjanu kbir jidwi ħafna iktar, u għandu ċerta safa u qawwa fih. Meta tqabbilhom, il-​pjanu wieqaf għandu ħoss iktar baxx. Dan jistaʼ wkoll ikun minħabba l-​fatt li l-​pjanu wieqaf taʼ spiss jitpoġġa mal-​ħajt, u dan inaqqas il-​ħoss mit-​tavla li taħbat wara l-​kordi.”

[Stampa]

Pjanu kbir tal-​kunċerti twil 2.7 metri

[Stampi f’paġna 18]

Verġinali b’xena taʼ ġnien, 1666, l-​Ingilterra

Klaviċembalu, bit-​tasti maħdumin mill-​qoxra tal-​fkieren (stampa taʼ ġewwa), 1760, il-​Ġermanja

Klavikordju, 1906, l-​Istati Uniti

Pjanu akkordju, 1960, l-​Italja

Sintesajżer u kompjuter modern

[Sors]

Erbaʼ ritratti taʼ fuq: Courtesy of the Yale University Collection of Musical Instruments

[Stampa f’paġna 19]

Hydraulus

[Sors]

Courtesy Macedonian Heritage

[Stampa f’paġna 19]

Orgni, Sydney Opera House, Awstralja

[Sors]

By courtesy of Australian Archives, Canberra, A.C.T.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja