Kif Inċident Biddilli Ħajti
KIF RAKKONTAT MINN STANLEY OMBEVA
Fl-1982, tajritni karozza li kienet għaddejja b’veloċità kbira. Tawni l-kura u malajr erġajt bdejt ir-rutina taʼ l-attivitajiet taʼ kuljum, minkejja li minn żmien għal żmien kont inkun muġugħ minħabba li kelli disk tas-sinsla spostat bejn għonqi u sidri. Madankollu, 15-il sena wara, ġejt wiċċ imbwiċċ maʼ l-iktar esperjenza f’ħajti li kienet taʼ sfida għall-fidi tiegħi.
QABEL u, sa ċertu punt, wara l-inċident, kont mimli enerġija. Fir-rutina tajba taʼ eżerċizzju li kelli, kont immur niġġoggja għal madwar għaxar sa tlettax-il kilometru fi tmiem il-ġimgħa, nilgħab skwoxx, u nagħmel xogħol manwali iebes. Kont ngħin fil-bini tas-Swali tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah kif ukoll għent f’dak taʼ Sala taʼ l-Assemblea kbira ġo Najrobi, il-Kenja, fejn noqogħdu.
Imbagħad, fl-1997, il-weġgħat f’sidri bdew ikunu iktar regulari u qawwijin. Eżami mediku wera li disk bejn l-irkiekel ħareġ minn postu u kien qed jagħfas il-mudullun tas-sinsla taʼ dahri. Dan kollu kien konsegwenza taʼ l-inċident li ssemma fil-bidu.
Qabel ma saħħti marret għall-agħar, kont sibt xogħol bħala bejjiegħ. Dan ix-xogħol inkluda polza t’assigurazzjoni għas-saħħa tal-familja. Il-prospetti tiegħi fid-dinja tan-negozju kienu jidhru li se jkunu eċċellenti. Imma f’nofs l-1998, ma bqajtx inħoss iktar il-parti taʼ ġismi minn sidri sa saqajja. Jum wara l-ieħor, saħħti bdiet tmur lura.
Ftit wara dan, tlift ix-xogħol, bil-benefiċċji kollha tiegħu. Kellna żewġt ibniet, Sylvia u Wilhelmina. Waħda kellha 10 snin u l-oħra 13-il sena. Peress li ma kellix xogħol ridna niddependu biss minn dak li marti, Joyce, kienet iġġib id-dar fl-aħħar tax-xahar. B’dawn iċ-ċirkustanzi ġodda maʼ wiċċna, kellna naddattaw ħajjitna billi ma nonfqux flus fuq affarijiet li ma kellniex bżonn. B’hekk irnexxielna nkampaw.
Sentimenti Negattivi
Irrid nammetti li hekk kif bdejt nifhem sewwa r-realtà tas-sitwazzjoni tiegħi, sirt negattiv, moħħni fija nnifsi, u kollox beda jdejjaqni. Kultant kont inkun irrabjat u niħodha kontra kulħadd, u nagħmel għaġeb minn kull ħaġa żgħira. Kont dejjem inkun fix-xifer li taqbadni dipressjoni. Ħadd fil-familja ma ħelisha mill-istress. Marti u wliedi ġew iffaċċjati b’sitwazzjoni unika li ftit li xejn kienu jafu dwarha.
Dak iż-żmien kont naħseb li kelli raġun inħossni hekk. Żidt ħafna piż. Kelli diffikultajiet serji biex nikkontrolla l-bżonnijiet naturali tiegħi. Ħafna drabi kont nistħi bil-kbir. Mhux l-ewwel darba li kont tarani waħdi f’rokna, b’għajnejja mimlijin dmugħ. Xi drabi kważi kien ikun tad-daħq tant kemm kont nirrabja. Kont naf li mhux qed nirreaġixxi kif suppost għas-sitwazzjoni li kont fiha.
Bħala anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana tiegħi tax-Xhieda taʼ Jehovah, kemm-il darba tajt il-parir lil sħabi l-Kristjani biex qatt ma jwaħħlu f’Jehovah għall-ebda tip taʼ tbatija. Madankollu, sibt lili nnifsi nistaqsi—u mhux darba—‘Jehovah għala ppermetta xi ħaġa bħal din tiġri lili?’ Għalkemm użajt skritturi bħall-1 Korintin 10:13 biex isaħħu u jinkuraġġixxu lil oħrajn, ħassejt li dak li kont għaddej minnu jien kien iebes wisq biex nissaportih!
Sfida Medika
Biex nikseb trattament mediku tajjeb kien sfida. Kont immur għall-fiżjoterapija, nagħmel il-messaġġi għall-ġogi, u mmur għall-agupuntura, kollha f’ġurnata waħda. Is-serħan, jekk kien hemm, kien ikun għal ftit ħin biss. Ikkonsultajt diversi tobba, fosthom kirurgu ortopediku u newrokirurgu. Kollha qablu fuq punt wieħed: Kien hemm bżonn taʼ kirurġija biex jittaffa l-uġigħ tad-disk tas-sinsla spostat. Minħabba t-twemmin tiegħi bbażat fuq il-Bibbja, jien spjegajt biċ-ċar lil dawn l-esperti mediċi li ebda demm m’għandu jintuża fuqi taħt l-ebda ċirkustanza.—Atti 15:28, 29.
L-ewwel kirurgu qal li kieku kellu jopera kien se jaqsam minn dahri. Spjegawli li din il-proċedura tkun daqsxejn riskjuża. Madankollu, il-kirurgu ma setax jiggarantili li ma kien se jintuża l-ebda demm. Ma rġajtx mort għandu.
It-tieni wieħed qal li setaʼ jilħaqli s-sinsla minn għonqi. Din il-proċedura kienet tinstemaʼ li twaħħax. Għalkemm ma kellu l-ebda problema biex ma jagħtinix demm, hu ried li l-operazzjoni ssir immedjatament u ma tantx tani dettalji. M’għażiltx lilu lanqas.
Madankollu, bl-għajnuna tax-Xhieda taʼ Jehovah li jaħdmu fil-Kumitat tagħna taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet stajt insib tabib li jikkoopera. Il-proċedura li ssuġġerixxa t-tielet kirurgu kienet tixbah lil dik li offra t-tieni wieħed; kienet tinvolvi qasma mill-għonq. Ir-riskji, spjegalna hu, kienu ftit.
It-turija dettaljata taʼ kif kienet se ssir il-kirurġija werwritni. Imma l-iktar li beżżagħni kien il-fatt li l-operazzjoni kienet se ssir madwar organi delikati tal-ġisem bħalma huma l-qalb u l-pulmun. Kont se noħroġ ħaj mill-operazzjoni? Ovvjament, ħsibijiet negattivi bħal dawn ma tantx għenuni negħleb il-biżgħat tiegħi.
Fil-25 taʼ Novembru, 1998, għamilt operazzjoni taʼ erbaʼ sigħat fl-isptar taʼ Najrobi li kienet suċċess. Il-kirurġija kienet tinvolvi li titneħħieli biċċa mill-għadma tal-pelvi taħt iż-żaqq. Il-biċċa mbagħad ġiet ifformata u mwaħħla maʼ fejn kien effettwat permezz taʼ pjanċa tal-metall bil-viti. Dan għen. Imma ma neħħiex il-problemi kollha tiegħi. Kont nimxi b’ħafna skumdità. Taʼ spiss, xorta għadni ma nkunx nistaʼ nħoss partijiet minn ġismi.
Attitudni Pożittiva
Kif semmejt qabel, jien qattajt ħafna mill-ħin tiegħi nitħasseb u ninkwieta fuq is-sitwazzjoni kerha tiegħi. Ironikament, ħafna minn dawk fil-qasam mediku kienu jfaħħruni għall-kalma u l-attitudni pożittiva li kont nuri. Għalfejn kienu jħossuhom hekk? Għax huma setgħu jaraw li waqt li kont muġugħ ħafna, xorta bqajt inkellimhom dwar il-fidi tiegħi f’Alla.
Għalkemm xi drabi kont inkun irrabjat u diżappuntat bil-kbir minħabba dak li kont għaddej minnu, xorta striħajt fuq Jehovah. Hu dejjem għenni f’dak li kont għaddej minnu—tant li xi drabi kont nitkaża bija nnifsi. Għamilt ukoll wegħda soda miegħi nnifsi li naqra u nimmedita fuq skritturi li kont naf li huma inkuraġġanti għas-sitwazzjoni tiegħi. Ftit minnhom huma dawn:
Apokalissi 21:4: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” Il-ħsieb dwar il-wegħda fil-Bibbja taʼ dinja ġdida fejn id-dmugħ u t-tbatija se jkunu spiċċaw għal dejjem farraġni mhux ftit.
Lhud 6:10: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu.” Għalkemm issa sirt fiżikament limitat, naf li Jehovah jgħożż l-isforzi tiegħi fis-servizz tiegħu.
Ġakbu 1:13: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” Kemm hu veru! Għalkemm Jehovah ippermetta t-tbatija tiegħi, bl-ebda mod ma kien hu l-wieħed li kkaġunaha.
Filippin 4:6, 7: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” It-talb għenni biex ikolli s-serħan tal-moħħ li tant kelli bżonn sabiex inkun nistaʼ nittratta s-sitwazzjoni b’iktar għaqal.
Jien kont użajt dawn l-iskritturi biex infarraġ lil oħrajn li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli—u veru kienu t’għajnuna! Però, irrealizzajt li dak iż-żmien ma kontx napprezza l-valur sħiħ tagħhom. Kelli nkun marid bħalma jien biex nifhem l-umiltà u biex nitgħallem nistrieħ kompletament fuq Jehovah.
Sorsi Oħrajn taʼ Faraġ
Ħafna jitkellmu dwar is-sħubija Kristjana bħala li hija pilastru u għajnuna fi żminijiet diffiċli. Imma kemm huwa faċli li nonqsu li napprezzaw biżżejjed lil ħutna rġiel u nisa Kristjani! Veru, jistgħu jkunu limitati f’dak li jistgħu jagħmlu biex jgħinu, imma dejjem qegħdin hemm għalina. Dan kien minnu fil-każ tiegħi. Ma kinitx xi ħaġa rari li ssibhom qrib is-sodda tiegħi fl-isptar, xi drabi anki kmieni ħafna fil-għodu. Huma saħansitra offrew li jgħinuni biex inħallas il-kontijiet għall-kura medika. Jien grat minn qiegħ qalbi għal dawk kollha li tqanqlu minħabba l-istat ikrah tiegħi u ġew jagħtuni l-għajnuna.
Fil-kongregazzjoni lokali tiegħi, ix-Xhieda issa jafu li jiena limitat f’dak li nistaʼ nagħmel. Bħalissa naqdi bħala l-indokratur li jippresiedi u naħdem flimkien maʼ ġemgħa t’anzjani Kristjani li jikkooperaw ħafna. Qatt ma sirt irregulari fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Matul l-iktar żmien diffiċli li kelli, għent lil tnejn min-nies sal-punt li ddedikaw ħajjithom lil Jehovah. Wieħed qiegħed jaqdi bħala qaddej ministerjali f’kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah ġewwa Najrobi.
Għadni ma nistax insib kliem biżżejjed biex nirringrazzja lil marti, li għenitni matul din il-prova kollha. Hi ssaportiet ir-rabja tiegħi, il-bidla fil-burdati, meta ma kontx inkun raġunevoli, u l-frustrazzjonijiet tiegħi. Kulmeta kont inkun muġugħ jew imbikki hi qawwietli qalbi u kkonslatni. Jien għadni mistagħġeb bil-kuraġġ li wriet u għall-fatt li ma ħalliet xejn jaqtagħlha qalbha. Hi kienet verament ‘ħabiba kull ħin.’—Proverbji 17:17.
Iż-żewġt ibniet tagħna tgħallmu jkampaw mas-sitwazzjoni. Jagħmlu li jistgħu biex jgħinuni. Huma jifhmu l-bżonnijiet tiegħi u jgħinuni minnufih, u jkunu ċerti li ninsab tajjeb meta ma jkunx hemm ommhom. Sylvia saret il-“bastun” tiegħi, billi fid-dar tgħinni mmur fejn ikolli bżonn meta nħossni dgħajjef.
U xi ngħidu dwar Mina, iż-żgħira? Darba minnhom niftakar li waqajt id-dar u ma stajtx inqum. Hi biss kien hemm id-dar. Għalhekk, billi użat is-saħħa kollha tagħha, hi refgħetni u mexxietni bil-mod sal-kamra tiegħi. Għadha lanqas taf kif irnexxielha. Dik it-turija taʼ kuraġġ ma nistaʼ ninsieha qatt.
Li nkampa maʼ din is-sitwazzjoni kienet l-iktar battalja qalila li qatt iġġilidt f’ħajti. Hija battalja li għadni niġġilidha s’issa. Xejn ma kien daqshekk taʼ sfida għal ħajti u għall-fidi tiegħi. Tgħallimt ħafna dwar l-umiltà, ir-raġunevolezza, u l-empatija. Fiduċja u fidi sħiħa f’Jehovah għenuni nibqaʼ nissaporti din il-problema b’suċċess.
Tgħallimt kemm huma veri l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor taʼ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” (2 Korintin 4:7) Insib faraġ mill-akbar fil-wegħda t’Alla taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” li ġejjin. (2 Pietru 3:13) Jien nitlob li Jehovah ikompli jappoġġani waqt li nistenna dik id-dinja l-ġdida, għax jien għadni dgħajjef u ftit li xejn nistaʼ nagħmel bis-saħħa tiegħi.
[Stampi f’paġna 28]
Attività Kristjana mal-familja tiegħi għenitni nissaporti