Bijografija
Naqdi lil Oħrajn u Ntaffi t-Tbatija
KIF RAKKONTATA MINN JULIÁN ARIAS
Fl-1988, meta kelli 40 sena, il-futur tal-karriera tiegħi kien jidher ċert. Kont id-direttur reġjonali taʼ kumpanija multinazzjonali. Il-kumpanija tatni karozza mill-isbaħ, paga tajba, u uffiċċju lussuż fiċ-ċentru taʼ Madrid, fi Spanja. Saħansitra kienu tawni x’nifhem li kienu se jlaħħquni direttur nazzjonali tal-kumpanija. Lanqas qatt m’għaddieli minn moħħi li ħajti dalwaqt kienet se tinbidel bil-kbir.
DARBA MINNHOM, f’dik l-istess sena, it-tabib tiegħi tani l-aħbar li għandi l-isklerożi multipla, marda li ma titfejjaqx. Bqajt miblugħ. Iktar tard, meta qrajt x’tagħmillek l-isklerożi multipla, tgħidx kemm bżajt.a Kien jidher bħallikieku l-mewt kienet imdendla fuq rasi għall-bqija taʼ ħajti. Kif kont se nieħu ħsieb marti, Milagros, u ibni Ismael, li kellu tliet snin? Kif konna se nkampaw? Waqt li kont għadni qed infittex it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, qlajt daqqa taʼ ħarta oħra.
Xi xahar wara li t-tabib qalli bil-marda tiegħi, id-direttur sejjaħli fl-uffiċċju tiegħu u qalli li l-kumpanija riedet nies li jkollhom “dehra tajba.” U xi ħadd b’marda qerrieda bħal tiegħi—anki fil-bidu tagħha—ma kienx se jagħti dik id-dehra. Minħabba f’hekk, dak il-ħin stess l-imgħallem tiegħi keċċieni mix-xogħol. Ħabta u sabta, il-karriera sekulari tiegħi spiċċat fix-xejn!
Quddiem il-familja tiegħi pprovajt naħbi dak li kont qed inħoss, iżda kont mejjet biex inkun waħdi, biex noqgħod naħseb dwar is-sitwazzjoni l-ġdida tiegħi, u nimmedita dwar il-futur tiegħi. Għamilt ħilti biex niġġieled kontra d-dipressjoni li kienet qed taqbadni. L-iktar li weġġagħni kien li mil-lejl għan-nhar sirt ma niswa għalxejn f’għajnejn il-kumpanija li kont naħdem magħha.
Nikseb is-Saħħa mid-Dgħjufija
F’dan iż-żmien taʼ niket, kemm jien grat li stajt nistrieħ fuq diversi affarijiet li saħħewni. Xi 20 sena qabel kont sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Għalhekk, tlabt lil Jehovah minn qalbi dwar dak li bdejt inħoss u dwar id-dubji li kelli għall-futur. Marti, li hija taʼ l-istess twemmin, kienet torri qawwi u b’saħħtu għalija, u kelli l-appoġġ taʼ xi ħbieb tal-qalb li l-mogħdrija u l-qalb tajba tagħhom kienet imprezzabbli.—Proverbji 17:17.
Kien t’għajnuna wkoll il-fatt li ħassejtni responsabbli għal ħaddieħor. Ridt irrabbi lil ibni sew, ngħallmu, nilgħab miegħu, u nħarrġu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Għal din ir-raġuni ma stajtx naqtaʼ qalbi. Barra minn hekk, kont anzjan f’waħda mill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, u ħuti l-Kristjani kellhom bżonn l-appoġġ tiegħi. Kieku ħallejt it-tbatija ddgħajjifli l-fidi tiegħi, x’eżempju kont se nagħti lil oħrajn?
M’għandniex xi ngħidu, ħajti nbidlet kemm fiżikament kif ukoll ekonomikament—f’xi affarijiet għall-agħar iżda f’oħrajn għall-aħjar. Darba smajt lil tabib jgħid: “Marda ma teqridx lill-individwu; minflok, tibdlu.” U jien tgħallimt li l-bidliet m’humiex kollha għall-agħar.
L-ewwelnett, ix-“xewka f’ġismi” għenitni nifhem aħjar il-problemi tas-saħħa t’oħrajn u stajt nissimpatizza magħhom. (2 Korintin 12:7) Fhimt iktar minn qatt qabel il-kliem taʼ Proverbji 3:5: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek.” Fuq kollox, iċ-ċirkustanzi l-ġodda tiegħi għallmuni x’inhu verament importanti fil-ħajja u x’inhu dak li jġiblek sodisfazzjon veru u li jġagħlek tħoss li tiswa għal xi ħaġa. Kien għad hemm ħafna x’nistaʼ nagħmel fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Skoprejt xi jfisser verament il-kliem taʼ Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.
Ħajja Ġdida
Ftit wara d-dijanjosi tal-marda tiegħi, ġejt mistieden nattendi seminar f’Madrid fejn xi volontieri Kristjani ġew mgħallmin kif jiżviluppaw kooperazzjoni bejn it-tobba u l-pazjenti tagħhom li jkunu Xhieda. Iktar tard, dawn il-volontieri ġew organizzati f’Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet. Għalija, dan is-seminar ġie fl-iktar żmien ideali. Skoprejt karriera aqwa, waħda li kienet se tagħtini ħafna iktar sodisfazzjon minn kwalunkwe xogħol kummerċjali.
Fis-seminar tgħallimna li l-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet li kienu għadhom kif ġew ifformati kellhom iżuru l-isptarijiet, jintervistaw lit-tobba, u jagħmlu preżentazzjonijiet lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Dan kollu bl-iskop li jiżviluppaw kooperazzjoni u jevitaw li jinqalgħu xi argumenti bla bżonn. Il-kumitati jgħinu lil Xhieda sħabhom biex isibu tobba li huma lesti li jagħtu kura medika mingħajr l-użu tad-demm. M’għandniex xi ngħidu, peress li m’iniex tabib, kelli ħafna x’nitgħallem dwar it-termini mediċi, l-etika medika, u dwar il-mod kif ikun organizzat sptar. Minkejja dan, wara s-seminar mort lura d-dar raġel ġdid, armat bi sfida eċċitanti ġdida.
Żjajjar fl-Isptar —Sors taʼ Sodisfazzjon
Avolja l-marda tiegħi ftit ftit bdiet tgħakkisni bla ħniena, ir-responsabbiltajiet tiegħi bħala membru tal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet żdiedu. Ngħatajt pensjoni minħabba d-diżabilità tiegħi, allura kelli l-ħin disponibbli biex nagħmel iż-żjajjar fl-isptarijiet. Minkejja d-diżappunti li ġieli kelli, dawn iż-żjajjar kienu iktar faċli u premjanti milli stennejt. Għalkemm issa ma nistaʼ mmur imkien mingħajr is-siġġu tar-roti, dan m’huwiex ostaklu kbir għalija. Dejjem ikolli miegħi lil xi ħadd minn sħabi li hu membru tal-kumitat. Barra minn hekk, it-tobba mdorrijin ikellmu lin-nies li huma fis-siġġu bir-roti, u kultant kważi kważi jisimgħuni b’iktar rispett meta josservaw l-isforz li nagħmel biex inżurhom.
Matul dawn l-aħħar għaxar snin żort lil mijiet taʼ tobba. Xi wħud kienu lesti li jgħinuna kważi mill-bidunett. It-Tabib Juan Duarte—tabib tal-qalb f’Madrid li l-għaxqa tiegħu jirrispetta l-kuxjenza tal-pazjent—mill-ewwel offra s-servizzi tiegħu. S’issa diġà għamel iktar minn 200 operazzjoni mingħajr l-użu tad-demm fuq pazjenti li huma Xhieda minn diversi partijiet taʼ Spanja. Tul is-snin, iktar u iktar tobba bdew jagħmlu operazzjonijiet bla demm. Iż-żjajjar regulari tagħna kellhom xi sehem f’dan, iżda l-progress kien ukoll minħabba l-avanzi fil-mediċina u r-riżultati mill-aqwa li nkisbu mill-operazzjonijiet li saru mingħajr l-użu tad-demm. U aħna konvinti li Jehovah bierek l-isforzi tagħna.
Ġejt inkuraġġit ħafna mill-mod kif wieġbu xi kirurgi tal-qalb li jispeċjalizzaw fil-kura tat-tfal. Għamilna sentejn sħaħ inżuru tim wieħed taʼ żewġ kirurgi u l-anestetisti tagħhom. Tajniehom letteratura medika li tispjega x’inhuma jagħmlu tobba oħra f’dan il-qasam. L-isforzi tagħna ġew premjati fl-1999 matul il-Konferenza Medika dwar l-Operazzjonijiet tal-Qalb fuq it-Tfal. Dawn iż-żewġ tobba—li kellhom id-direzzjoni taʼ tabib kapaċi mill-Ingilterra li jikkoopera magħna—għamlu operazzjoni diffiċli ħafna fuq tarbija tax-Xhieda. Din kellha bżonn li l-valv taʼ l-aorta jiġi rranġat.b Kemm fraħt mal-ġenituri meta wieħed mit-tobba ħareġ mit-teatru biex iħabbrilna li l-operazzjoni rnexxiet u li l-kuxjenza tal-familja ġiet rispettata. Issa dawn iż-żewġ tobba spiss jaċċettaw pazjenti li huma Xhieda minn madwar Spanja kollha.
L-iktar li jferraħni f’każi bħal dawn hu l-fatt li nirrealizza li jien nistaʼ ngħin lil ħuti Kristjani. Ġeneralment, meta jikkuntattjaw lill-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet ikun wieħed mill-iktar mumenti diffiċli f’ħajjithom. Ikunu se jiffaċċjaw operazzjoni, u t-tobba fl-isptar lokali ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jikkurawhom mingħajr l-użu tad-demm. Madankollu, meta l-aħwa jsiru jafu li f’Madrid stess hawn tobba li jikkooperaw fl-oqsma mediċi kollha, huma jserrħu rashom bil-kbir. Darba rajt ħu li wiċċu kien jidher inkwetat iżda malli morna ħdejh fl-isptar wiċċu xegħel u kkalma.
Id-Dinja taʼ l-Imħallfin u l-Etika Medika
F’dawn l-aħħar snin, il-membri tal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet żaru wkoll lill-imħallfin. Matul dawn iż-żjajjar, aħna tajniehom pubblikazzjoni intitolata Family Care and Medical Management for Jehovah’s Witnesses (Nieħdu Ħsieb il-Familji u l-Affarijiet Mediċi tax-Xhieda taʼ Jehovah), li tħejjiet apposta biex tinforma lil uffiċjali bħal dawn dwar il-waqfa tagħna dwar l-użu tad-demm u dwar l-alternattivi mingħajr demm li huma disponibbli. Dawn iż-żjajjar kienu verament bżonnjużi, peress li kien hemm żmien meta fi Spanja l-imħallfin kienu jawtorizzaw lit-tobba biex jagħtu d-demm lill-pazjent anki jekk dan ma jkunx irid.
Il-kmamar taʼ l-imħallfin jimpressjonawk, u fl-ewwel żjara li għamilt, ħassejtni verament ċkejken meta għaddejt bis-siġġu tar-roti mill-kurituri. Biex tgħaxxaqha, kellna aċċident żgħir meta waqajt minn fuq is-siġġu tar-roti u spiċċajt fuq irkopptejja. Xi mħallfin u avukati li raw xi ġrali b’qalb tajba ġew jgħinuni, iżda tgħidx kemm stħajt quddiemhom.
Għalkemm l-imħallfin ma kinux ċerti dwar ir-raġuni għala konna qed inżurhom, ħafna minnhom ittrattawna tajjeb. L-ewwel imħallef li żort kien diġà ilu jaħseb dwar il-waqfa tagħna u xtaq ikellimna fit-tul. Fit-tieni żjara tagħna hu stess imbotta s-siġġu tar-roti biex jiħodni fil-kamra tiegħu u qagħad attent jismaʼ. Ir-riżultati mill-aqwa li kellna fuq din iż-żjara tagħna tal-bidu inkuraġġew lili u lil sħabi biex negħlbu l-biżaʼ tagħna, u ma domniex ma rajna iktar riżultati tajbin.
Matul dik l-istess sena, ħallejna kopja tal-Family Care maʼ mħallef ieħor, li laqagħna tajjeb u wegħedna li se jaqra l-informazzjoni. Tajtu n-numru tat-telefon tiegħi ħalli jekk ikollu bżonn jikkuntattjana f’każ t’emerġenza jkun jistaʼ jagħmel dan. Ħmistax wara ċempilli biex jgħidli li tabib lokali talbu jawtorizza trasfużjoni fuq Xhud li kellha bżonn tiġi operata. L-imħallef qal li riedna ngħinuh isib soluzzjoni li kienet se tirrispetta x-xewqa tax-Xhud li ma tiħux demm. Ma kellna ebda diffikultà biex insibu sptar ieħor, fejn it-tobba rnexxielhom jagħmlu l-operazzjoni mingħajr l-użu tad-demm. L-imħallef tgħidx kemm ħa pjaċir bir-riżultati, u żgurana li kien se jfittex soluzzjonijiet simili fil-futur.
Waqt iż-żjajjar li għamilt fl-isptar, spiss kienet tqum il-kwistjoni taʼ l-etika medika minħabba li ridna li t-tobba jikkunsidraw id-drittijiet u l-kuxjenza tal-pazjent. Sptar li jikkoopera magħna f’Madrid stidinni nieħu sehem f’kors li huma kienu qed jorganizzaw dwar l-etika. Dan il-kors tani l-opportunità li nippreżenta l-ħarsa tagħna bbażata minn fuq il-Bibbja lil ħafna speċjalisti f’dan il-qasam. Għenni wkoll nifhem il-ħafna deċiżjonijiet diffiċli li jridu jieħdu t-tobba.
Wieħed mill-għalliema tal-kors, il-Professur Diego Gracia, jorganizza kors prestiġjuż fuq bażi regulari dwar l-etika għat-tobba Spanjoli u sar wieħed li jappoġġa sew id-dritt tagħna għall-waqfa informata fil-kwistjoni tat-trasfużjonijiet tad-demm.c Il-kuntatt regulari tagħna miegħu wassal biex hu stieden lil xi rappreżentanti mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah taʼ Spanja biex jispjegaw il-waqfa tagħna lill-istudenti tal-Professur Gracia li jkunu għadhom kif iggradwaw. Xi wħud minn dawn l-istudenti huma meqjusa bħala wħud mill-aqwa tobba fil-pajjiż.
Niffaċċja r-Realtà
M’għandniex xi ngħidu, dan ix-xogħol sodisfaċenti għan-nom taʼ sħabi fit-twemmin ma neħħiex il-problemi tiegħi kollha. Il-marda tiegħi sejra bla ħniena mill-ħażin għall-agħar. Madankollu, bil-ferħ nistaʼ ngħid li moħħi għadu jaħdem sew. Grazzi għal marti u ibni, li qatt ma jilmentaw, għadni nistaʼ nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħi. Mingħajr l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom dan ma kienx ikun possibbli. Lanqas biss nistaʼ naqfel il-qalziet jew nilbes ġakketta. L-iktar ħaġa li nieħu gost nagħmel hi li nippriedka nhar taʼ Sibt maʼ ibni, Ismael, li jsuqni bis-siġġu tar-roti ħalli nkun nistaʼ nkellem lill-inkwilini differenti. U xorta għadni nistaʼ nwettaq id-dmirijiet tiegħi bħala anzjan fil-kongregazzjoni.
Għaddejt minn mumenti trawmatiċi f’dawn l-aħħar 12-il sena. Kultant meta nara kif id-diżabilità li għandi teffettwa lill-familja tiegħi nħoss iktar uġigħ milli dak kaġunat mill-marda nfisha. Naf li qed ibatu, avolja ma jurunix. M’ilux, fi żmien sena mietu l-kunjata u missieri. F’dik l-istess sena sibt ruħi ma nistaʼ mmur imkien mingħajr is-siġġu tar-roti. Missieri, li kien qed jgħix magħna, miet minħabba marda qerrieda oħra. Milagros, li ħadet ħsiebu, ħassitha qisha qed tara dak li se jiġri lili fil-futur.
Iżda, mill-banda l-oħra l-familja tagħna tinsab magħquda hekk kif niffaċċjaw id-diffikultajiet flimkien. Bdilt is-siġġu t’uffiċjal esekuttiv mas-siġġu tar-roti, iżda ħajti issa hija fil-fatt aħjar għaliex hija dedikata kompletament biex naqdi lil oħrajn. L-għoti jistaʼ jtaffi t-tbatija, u Jehovah tassew iżomm il-wegħda tiegħu li jsaħħaħna meta jkollna bżonn. Bħal Pawlu, nistaʼ verament ngħid: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:13.
[Noti taʼ taħt]
a L-isklerożi multipla hija marda fis-sistema nervuża ċentrali. Spiss iddgħajjiflek il-bilanċ, l-użu tar-riġlejn, u kultant anki l-vista, id-diskors, jew ma tħallikx tibqaʼ tifhem.
b Din l-operazzjoni hija magħrufa bħala r-Ross procedure (proċedura li skopra t-Tabib Ross).
c Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Marzu taʼ l-1997, paġni 19-20.
[Kaxxa fuq paġna 24]
Kif Tħossha Martu
Għal mara miżżewġa, il-fatt li tgħix maʼ raġel li jbati mill-isklerożi multipla, huwa diffiċli kemm mentalment, emozzjonalment, kif ukoll fiżikament. Irrid inkun raġunevoli f’dak li nippjana u nkun lesta li ma noqgħodx ninkwieta bla bżonn dwar il-futur. (Mattew 6:34) Minkejja dan, ħajja taʼ tbatija tistaʼ tikxef kemm kwalitajiet sbieħ ikollu individwu. Iż-żwieġ tagħna huwa iżjed b’saħħtu minn qabel, u r-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah hija iktar mill-qrib. Il-bijografiji t’oħrajn li jinsabu f’sitwazzjonijiet stressanti bħal tagħna saħħewni ħafna wkoll. Inħoss l-istess sodisfazzjon li jħoss Julián minħabba s-servizz imprezzabbli tiegħu għal ħutna, u skoprejt li Jehovah qatt ma jiddiżappuntana, avolja kull jum jistaʼ jġib miegħu sfidi ġodda.
[Kaxxa fuq paġna 24]
Kif Iħossu Ibnu
Fis-sabar u l-ispirtu pożittiv taʼ missieri sibt eżempju mill-aqwa, u jien inħossni utli meta nsuqu bis-siġġu biex imur xi mkien. Naf li ma nistax dejjem nagħmel dak li nkun nixtieq. Issa għadni żagħżugħ, imma la nikber nixtieq naqdi bħala membru tal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet. Permezz tal-wegħdi tal-Bibbja naf li t-tbatija hija temporanja u li ħafna aħwa jbatu iktar minna.
[Stampa f’paġna 22]
Marti hija sors taʼ saħħa għalija
[Stampa f’paġna 23]
Nitkellem mal-kirurgu tal-qalb, it-Tabib Juan Duarte
[Stampa f’paġna 25]
Jien u ibni nieħdu pjaċir naħdmu flimkien fil-ministeru