Irġiel Sempliċi Jittraduċu l-Bibbja
FL-1835, Henry Nott, bennej Ingliż, u John Davies, apprendist f’ħanut tal-merċa minn Wales, temmew proġett enormi. Wara li kienu ilhom jaħdmu iebes għal iktar minn 30 sena, irnexxielhom fl-aħħar jispiċċaw it-traduzzjoni tal-Bibbja kollha bit-Taħitjan. Xi sfidi ffaċċjaw dawn iż-żewġt irġiel sempliċi, u x’kienu r-riżultati taʼ dan ix-xogħol iebes li huma għamlu minn qalbhom?
“Il-Qawmien il-Kbir”
Fl-aħħar nofs tas-seklu 18, membri t’għaqda Protestanta li tissejjaħ il-Qawmien il-Kbir, jew sempliċement Qawmien, kienu qed jippridkaw fil-pjazez taʼ l-irħula u qrib il-minjieri u l-fabbriki fil-Britannja. L-iskop tagħhom kien li jilħqu lill-klassi tal-ħaddiema. Il-predikaturi tal-Qawmien bil-ħeġġa kollha inkuraġġew it-tqassim tal-Bibbja.
Dak li oriġina dan il-moviment, William Carey, li kien Battista, ikkontribwixxa għall-ftuħ tal-London Missionary Society (LMS, Is-Soċjetà Missjunarja taʼ Londra), li ġiet stabbilita fl-1795. L-LMS kienet tħarreġ lin-nies li kienu lesti jitgħallmu l-lingwi taʼ l-indiġeni, jew in-nies tal-lokal, u jaqdu bħala missjunarji fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Paċifiku. Il-mira taʼ dawn il-missjunarji kienet li jippridkaw l-Evanġelju bil-lingwa taʼ l-indiġieni.
Il-gżira taʼ Taħiti, li kienet għadha kif ġiet skoperta, saret l-ewwel għalqa missjunarja taʼ l-LMS. Għall-membri tal-Qawmien, dawn il-gżejjer kienu ‘postijiet mudlamaʼtal-paganiżmu, għelieqi lesti għall-ħsad.
Nies Sempliċi Jirnexxu fl-Isfida
Biex jiġbru l-ħsad, madwar 30 missjunarju magħżulin malajr malajr u mingħajr ma kienu mħejjijin sew telgħu fuq id-Duff, vapur mixtri mil-LMS. Rapport wieħed isemmi “erbaʼ saċerdoti ordnati [mingħajr taħriġ formali], sitt mastrudaxxi, żewġ skarpani, żewġ bennejja, żewġ nissieġa, żewġ ħajjata, bejjiegħ, sillar, seftur, ġardinar, tabib, ħaddied, buttar, wieħed li jimmanifattura l-ħajt, wieħed li jagħmel il-kpiepel, wieħed li jimmanifattura d-drapp, wieħed li jagħmel l-għamara, ħames nisa, u tlett itfal.”
L-uniċi għodod li kellhom dawn il-missjunarji biex jidraw il-lingwi oriġinali tal-Bibbja kienu dizzjunarju mill-Grieg għall-Ingliż u Bibbja b’dizzjunarju Ebrajk. Matul is-sebaʼ xhur li għamlu fuq il-baħar, il-missjunarji tgħallmu bl-amment xi kliem bit-Taħitjan li ħallew bil-miktub uħud li żaru l-post qabilhom, l-iktar il-baħrin ribelli tal-vapur Bounty. Fl-aħħar id-Duff wasal Taħiti, u fis-7 taʼ Marzu, 1797, il-missjunarji żbarkaw hemmhekk. Madankollu, sena wara ħafna minnhom qatgħu qalbhom u telqu. Sebaʼ missjunarji biss baqgħu hemm.
Wieħed minn dawn is-sebgħa, Henry Nott, dak li qabel kien bennej, kellu biss 23 sena. Mill-ewwel ftit ittri li kiteb jidher li hu kellu biss edukazzjoni bażika. Minkejja dan, sa mill-bidunett hu wera li kien kapaċi sew jitgħallem it-Taħitjan. Ġie deskritt bħala bniedem sinċier, faċli tingwalaha miegħu, u pjaċevoli.
Fl-1801, Nott intgħażel biex jgħallem it-Taħitjan lil disaʼ missjunarji li kienu għadhom kif waslu. Fosthom kien hemm John Davies taʼ 28 sena minn Wales, li wera li kien student kapaċi u bieżel, taʼ karattru ħelu u ġeneruż. F’qasir żmien, dawn iż-żewġt irġiel iddeċidew li jittraduċu l-Bibbja għat-Taħitjan.
Biċċa Xogħol Tassew Diffiċli
Madankollu, it-traduzzjoni għat-Taħitjan kienet biċċa xogħol tassew diffiċli, għax din kienet għadha lingwa li qatt ma nkitbet. Il-missjunarji kellhom jitgħallmuha biss billi jisimgħuha. La kellhom dizzjunarju u lanqas ktieb tal-grammatika. Il-ħsejjes tal-lingwa li joħorġu man-nifs interrotti minn waqfiet bi ħsejjes kbar, b’għadd kbir taʼ vokali wara xulxin (sa ħamsa f’kelma waħda biss), u l-konsonanti li m’humiex spissi, kienu għoddhom ġennewhom lil dawn il-missjunarji. Huma lmentaw: “Ħafna mill-kliem ħlief vokali ma fihx, u kull waħda għandha ħoss.” Stqarrew ukoll li ma setgħux ‘jisimgħu l-ħoss tal-kliem b’mod ċar biżżejjed daqskemm kien hemm bżonn.’ Huma saħansitra ħasbu li bdew jisimgħu ħsejjes li lanqas biss kienu jeżistu!
Biex tgħaxxaqha, kultant xi kliem kien ikun projbit, jew iċċensurat, fit-Taħitjan u b’hekk kellhom jużaw kliem ieħor minfloku. Bis-sinonimi kellhom biċċa wġigħ taʼ ras oħra. Għall-kelma “talb,” kien hemm iktar minn 70 terminu bit-Taħitjan. Il-mod kif titfassal sentenza b’din il-lingwa ppreżentalhom sfida oħra x’jiffaċċjaw peress li kien differenti għalkollox mill-Ingliż. Minkejja d-diffikultajiet, bil-ftit il-ftit il-missjunarji għamlu listi tal-kliem li Davies eventwalment ippubblikahom xi 50 sena wara f’dizzjunarju li kien fih 10,000 kelma.
Imbagħad kellhom l-isfida tal-kitba bit-Taħitjan. Il-missjunarji pprovaw jagħmlu dan billi użaw l-ortografija li kienet diġà tintuża fl-Ingliż. Iżda, l-alfabet Latin li jużaw fl-Ingliż ma kienx jaqbel mal-ħsejjes tat-Taħitjan. Għalhekk, kellhom diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt dwar il-fonetika u kif tispelli l-kliem. Spiss il-missjunarji kellhom jgħaqqdu kliem ġdid, għaliex huma kienu l-ewwel uħud fl-Ibħra tan-Nofsinhar li pproduċew lingwa mitkellma f’waħda miktuba. Lanqas biss bassru li iktar tard xogħolhom kien se jkun mudell għal ħafna mil-lingwi l-oħra tan-Nofsinhar tal-Paċifiku.
Ftit Għodod, iżda Riżorsi Abbundanti
It-tradutturi kellhom biss ftit kotba tar-referenzi disponibbli għalihom. L-LMS tathom l-istruzzjoni biex jużaw it-Textus Receptus u l-King James Version bħala testi bażiċi. Nott talab lil-LMS biex tibgħatlu iktar dizzjunarji u Bibbji bl-Ebrajk u l-Grieg. Ma nafux jekk qattx irċieva dawn il-kotba. Mill-banda l-oħra, Davies irċieva xi kotba edukattivi mingħand sħabu minn Wales. Hemm dokumenti li juru li kellu minn taʼ l-inqas dizzjunarju Grieg, Bibbja bl-Ebrajk, it-Testment il-Ġdid bil-Grieg, u s-Settanta.
Sadanittant, l-attività taʼ l-ippridkar tal-missjunarji baqgħet ma tatx riżultati. Għalkemm il-missjunarji kienu ilhom Taħiti 12-il sena, lanqas abitant wieħed ma kien għadu tgħammed. Maż-żmien, il-gwerra ċivili kontinwa ġagħlet lill-missjunarji kollha, minbarra lil Nott li tant kien determinat, jaħarbu lejn l-Awstralja. Għal xi żmien hu kien l-uniku missjunarju li baqaʼ fuq il-Gżejjer Windward, parti mill-grupp tal-Gżejjer Society, iżda hu kellu jsegwi lir-Re Pomare II meta dan ir-re ħarab lejn il-gżira fil-qrib taʼ Moorea.
Madankollu, iċ-ċaqliqa li għamel Nott ma waqqfitx ix-xogħol tat-traduzzjoni, u wara li Davies għamel sentejn l-Awstralja hu reġaʼ ngħaqad maʼ Nott. Sadanittant, Nott kien studja l-Grieg u l-Ebrajk u rnexxielu jitgħallem sew dawn il-lingwi. Wara dan, hu beda jittraduċi xi partijiet mill-Iskrittura Ebrajka għat-Taħitjan. Hu għażel xi siltiet Bibliċi li kellhom rakkonti li kienu se jolqtu lin-nies indiġeni.
Waqt li ħadem mill-qrib maʼ Davies, Nott imbagħad beda jittraduċi l-Evanġelju taʼ Luqa, li tlesta f’Settembru taʼ l-1814. Hu ħoloq traduzzjoni li kienet tinstemaʼ naturali bit-Taħitjan, waqt li Davies iċċekkja t-traduzzjoni mat-testi oriġinali. Fl-1817, ir-Re Pomare II talab biex hu personalment jistampa l-ewwel paġna taʼ l-Evanġelju taʼ Luqa. Dan għamlu fuq stamperija manwali żgħira li l-missjunarji kienu ġabu magħhom lejn Moorea. L-istorja tat-traduzzjoni tal-Bibbja bit-Taħitjan ma nkunux għednieha kollha jekk ma nsemmux lil Tuahine, raġel leali minn Taħiti, li baqaʼ mal-missjunarji tul is-snin u għenhom jifhmu d-dettalji tal-lingwa.
It-Traduzzjoni Titlesta
Fl-1819, wara sitt snin taʼ xogħol iebes, tlestiet it-traduzzjoni taʼ l-Evanġelji, l-Atti taʼ l-appostli, u l-ktieb tas-Salmi. Magna taʼ l-istampar li ġabu magħhom il-missjunarji li kienu għadhom kif waslu, għamlithielhom iktar faċli biex jistampaw u jqassmu dawn il-kotba tal-Bibbja.
Imbagħad segwa perijodu t’attività intensiva taʼ traduzzjoni, iċċekkjar, u reviżjoni. Wara li kien ilu jgħix f’Taħiti għal 28 sena, fl-1825 Nott marad u l-LMS ħallietu jbaħħar lura lejn l-Ingilterra. B’ferħ, sa dan iż-żmien it-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Griega kienet kważi lesta għalkollox. Hu kompla jittraduċi l-kumplament tal-Bibbja matul il-vjaġġ tiegħu lejn l-Ingilterra u ż-żmien li dam hemmhekk. Nott mar lura Taħiti fl-1827. Tmien snin wara, f’Diċembru taʼ l-1835, hu waqaf jittraduċi. Wara iktar minn 30 sena taʼ xogħol iebes, il-Bibbja kienet ġiet tradotta kollha kemm hi.
Fl-1836, Nott ivvjaġġa lura lejn l-Ingilterra sabiex jistampa l-Bibbja kollha bit-Taħitjan f’Londra. Fit-8 taʼ Ġunju taʼ l-1838, b’ferħ kbir Nott ippreżenta l-ewwel edizzjoni stampata tal-Bibbja bit-Taħitjan lir-Reġina Vittorja. Min jaf kemm kien mument mimli emozzjoni għal dak li qabel kien bennej, li 40 sena qabel kien baħħar fuq id-Duff u daħal fil-fond fil-kultura taʼ Taħiti u spiċċa din il-biċċa xogħol enormi li kien iddedika ħajtu għaliha.
Xahrejn wara, Nott reġaʼ mar lura lejn in-Nofsinhar tal-Paċifiku b’27 kaxxa li kien fihom l-ewwel 3,000 kopja tal-Bibbja kompluta bit-Taħitjan. Wara li waqaf Sydney, reġaʼ marad, iżda ma riedx jissepara mill-kaxxi prezzjużi tiegħu. Malli rkupra, telaq u wasal Taħiti fl-1840, fejn in-nies letteralment qabżu fuqu biex jaħtfulu t-tagħbija tiegħu għaliex riedu jiksbu kopja tal-Bibbja bit-Taħitjan. Nott miet f’Taħiti f’Mejju taʼ l-1844 fl-età taʼ 70 sena.
Effett li Baqaʼ Jinħass
Madankollu, l-effett tax-xogħol taʼ Nott baqaʼ jinħass. It-traduzzjoni tiegħu effettwat ħafna l-lingwi tal-Polinesja. Minħabba l-fatt li għamlu l-lingwa taʼ Taħiti waħda li tistaʼ tinkiteb, il-missjunarji ppreservaw din il-lingwa. Awtur wieħed stqarr: “Nott ħalaq il-grammatika klassika taʼ Taħiti. Dejjem se jkun hemm bżonn li nħarsu lejn il-Bibbja biex nitgħallmu t-Taħitjan oriġinali.” Ix-xogħol ħabrieki taʼ dawn it-tradutturi għen biex eluf taʼ kliem jibqgħu jeżistu. Seklu wara, awtur ieħor qal: “Il-Bibbja rimarkevoli bit-Taħitjan li għamel Nott hija kapulavur tal-lingwa taʼ Taħiti—kulħadd jaqbel dwar dan.”
Din il-biċċa x-xogħol importanti mhux biss kienet taʼ benefiċċju għan-nies taʼ Taħiti iżda wkoll stabbiliet bażi għal traduzzjonijiet oħra fil-lingwi tan-Nofsinhar tal-Paċifiku. Per eżempju, it-tradutturi fil-Gżejjer Cook u Samoa mxew fuqha. “Bilfors kelli nsegwi l-eżempju tas-Sur Nott wara li eżaminajt bir-reqqa t-traduzzjoni tiegħu,” iddikjara traduttur wieħed. Ġie rapportat li traduttur ieħor ‘żamm quddiemu s-Salmi bl-Ebrajk u l-verżjonijiet bl-Ingliż u bit-Taħitjan’ waqt li kien qed ‘jittraduċi wieħed mis-Salmi taʼ David għas-Samoan.’
Peress li segwew l-eżempju tal-membri tal-Qawmien fl-Ingilterra, il-missjunarji f’Taħiti ħeġġew lin-nies biex jitgħallmu jaqraw. Fil-fatt, għal iktar minn seklu, il-Bibbja kienet l-uniku ktieb disponibbli għall-popolazzjoni taʼ Taħiti. Għalhekk saret parti vitali mill-kultura taʼ Taħiti.
Wieħed mill-iktar aspetti tajbin tan-Nott Version hu li l-isem divin jidher bosta drabi fl-Iskrittura Ebrajka u Griega. Bħala riżultat, illum isem Jehovah huwa magħruf sew f’Taħiti u l-gżejjer tagħha. Saħansitra jidher f’xi knejjes Protestanti. Madankollu, isem Alla llum huwa assoċjat mill-qrib max-Xhieda taʼ Jehovah u l-attività żeluża tagħhom taʼ l-ippridkar, li fiha spiss jużaw il-Bibbja bit-Taħitjan li ġiet tradotta minn Nott u sħabu. U l-isforzi kbar li għamlu tradutturi bħal Henry Nott ifakkruna f’kemm għandna nkunu grati li l-Kelma t’Alla hija disponibbli għall-maġġuranza tal-bnedmin illum.
[Stampi f’paġna 26]
L-ewwel traduzzjonijiet tal-Bibbja bit-Taħitjan, fl-1815. Jidher isem Jehovah
Henry Nott (1774-1844), it-traduttur prinċipali tal-Bibbja bit-Taħitjan
[Sorsi]
Bibbja bit-Tahitjan: Copyright the British Library (3070.a.32); Henry Nott u ittra: Collection du Musée de Tahiti et de ses Îles, Punaauia, Tahiti; katekiżmu: Bil-permess tal-London Missionary Society Papers, Alexander Turnbull Library, Wellington, New Zealand
[Stampa f’paġna 28]
Il-Katekiżmu f’żewġ lingwi, dik taʼ Taħiti u taʼ Wales, fl-1801, li fiha jidher l-isem t’Alla
[Sors]
Bil-permess tal-London Missionary Society Papers, Alexander Turnbull Library, Wellington, New Zealand
[Stampa f’paġna 29]
Knisja Protestanta bl-isem taʼ Jehovah fuq il-faċċata, fil-gżira taʼ Huahine, fil-Polinesja Franċiża
[Sors]
Avec la permission du Pasteur Teoroi Firipa