Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Skond Lhud 2:14 (NW), għala jingħad li Satana “għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt”?
Fi ftit kliem, Pawlu ried ifisser li Satana, personalment jew permezz taʼ l-aġenti tiegħu, jistaʼ jikkaġuna l-mewt fiżika tal-bnedmin. Fi qbil maʼ dan, Ġesù sejjaħ lil Satana “qattiel sa mill-bidu.”—Ġwanni 8:44.
L-iskrittura taʼ Lhud 2:14 tistaʼ tinftiehem ħażin minħabba l-mod kif xi traduzzjonijiet ipoġġuha peress li jgħidu li Satana “kellu l-mewt f’idejh,” jew li “kellu l-ħakma tal-mewt.” (Għaqda Biblika; Saydon; Karm Żammit) Dawn it-traduzzjonijiet lil Satana jistgħu jagħmluh jidher bħala li għandu l-abbiltà mingħajr ebda limitu biex joqtol lil min irid. Madankollu, żgur li dan m’huwiex il-każ. Li kieku dan kien minnu, x’aktarx li hu kien jiknes lill-aduraturi taʼ Jehovah minn fuq wiċċ l-art ħafna snin ilu.—Ġenesi 3:15.
L-espressjoni Griega “kraʹtos tou tha·naʹtou” tingħata bħala “ħakma tal-mewt” f’xi traduzzjonijiet u “għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt” fin-New World Translation. Tou tha·naʹtou hija forma taʼ l-espressjoni li tfisser “mewt.” Kraʹtos bażikament tfisser “forza, saħħa, setgħa.” Skond it-Theological Dictionary of the New Testement, din il-kelma tindika “l-preżenza u l-qawwa taʼ din il-forza jew is-saħħa iktar milli l-użu tagħha.” Għalhekk, f’Lhud 2:14, Pawlu ma jimplikax li Satana għandu l-qawwa assoluta fuq il-mewt. Minflok, hu qed jirreferi għall-abbiltà jew il-potenzjal li Satana għandu biex jikkaġuna l-mewt.
Satana kif “għandu l-mezzi biex jikkaġuna l-mewt”? Fil-ktieb taʼ Ġob naqraw dwar ġrajja waħda li kienet kemxejn mhux tas-soltu. Ir-rakkont jgħid li Satana uża maltempata biex “jikkaġuna l-mewt” taʼ wlied Ġob. Innota, però, li Satana setaʼ jagħmel dan biss jekk jagħtih il-permess Alla, u tahulu għaliex kellha tittieħed deċiżjoni fuq kwistjoni importanti. (Ġob 1:12, 18, 19) Tabilħaqq, Satana ma setax joqtol lil Ġob stess. Dan il-permess ma ngħatalux. (Ġob 2:6) Dan juri li għalkemm xi drabi Satana setaʼ jikkaġuna l-mewt taʼ xi bnedmin leali, aħna m’għandniex għalfejn nibżgħu li jistaʼ jiħdilna ħajjitna meta jfettillu.
Satana kkaġuna l-mewt ukoll permezz t’aġenti umani. Għalhekk, ħafna Kristjani mietu għall-fidi tagħhom, xi wħud inqatlu minn marmalji rrabjati jew ngħataw il-mewt inġustament bl-ordni t’uffiċjali governattivi jew imħallfin korrotti.—Apokalissi 2:13.
Iżjed minn hekk, Satana kultant ikkaġuna l-mewt billi pprofitta ruħu mid-dgħjufijiet tal-bniedem. Fi żmien l-Iżraelin, il-profeta Bagħlam ta l-parir lill-Mowabin biex iħajru lill-Iżraelin “jidinbu kontra l-Mulej.” (Numri 31:16) Dan wassal għall-mewt taʼ iktar minn 23,000 Iżraeli. (Numri 25:9; 1 Korintin 10:8) Bl-istess mod, illum xi wħud jaqgħu għat-“tnassis” taʼ Satana u jiġu mħajrin għall-immoralità jew prattiċi oħra li ma jogħġbux ’l Alla. (Efesin 6:11) Veru, uħud bħal dawn ma jitilfux ħajjithom mill-ewwel. Imma huma qed jirriskjaw li jitilfu l-ħajja taʼ dejjem, u b’dan il-mod Satana jkun qed jikkaġuna l-mewt tagħhom.
Avolja nirrikonoxxu l-potenzjal li Satana għandu biex jagħmel il-ħsara, m’għandniex għalfejn nibżgħu żżejjed minnu. Meta Pawlu qal li Satana għandu l-mezz biex jikkaġuna l-mewt, hu qal ukoll li Kristu miet sabiex “jeqred. . . [lil Satana] u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biżaʼ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu.” (Lhud 2:14, 15) Iva, Ġesù ħallas il-prezz tal-fidwa, u għalhekk ħeles lill-bnedmin mill-jasar tad-dnub u l-mewt.—2 Timotju 1:10.
M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li Satana għandu l-kapaċità li jikkaġuna l-mewt jinkwetana xi ftit, iżda aħna fiduċjużi li Jehovah jistaʼ jneħħi l-ħsara li jikkaġunaw Satana u l-aġenti tiegħu. Jehovah jassigurana li Ġesù rxoxtat se “jħott kull ma għamel ix-Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Bil-qawwa li tah Jehovah, Ġesù se jqajjem lill-mejtin u għalhekk il-mewt infisha se jġibha fix-xejn. (Ġwanni 5:28, 29) Eventwalment, Ġesù se juri b’mod drammatiku kemm hi limitata l-qawwa taʼ Satana billi jaqflu fl-abbiss. Fl-aħħar Satana se jiġi kundannat għall-qerda taʼ dejjem.—Apokalissi 20:1-10.