Id-Dijabete—“Il-Qattiela Silenzjuża”
META kellu 21 sena, Ken, bla ma jaf kif, beda jaqbdu ħafna għatx li ma setaʼ jinqatagħlu b’xejn. Hu kien jagħmel l-awrina taʼ spiss—eventwalment madwar kull 20 minuta. Ken malajr beda jħoss riġlejh u dirgħajh tqal. Kien dejjem iħossu għajjien ħafna, u ma bediex jara ċar.
Il-bidla f’ħajtu saret meta Ken qabdu virus. Meta eżaminah, it-tabib ikkonferma li Ken kellu iktar minn sempliċi influwenza—kellu wkoll id-dijabete mellitus tat-Tip 1—dijabete għall-qasir. Dan l-iżbilanċ kimiku jfixkel lill-ġisem milli juża ċerti sustanzi nutrittivi, primarjament ċertu zokkor fid-demm li jissejjaħ glukosju. Ken qattaʼ sitt ġimgħat fl-isptar qabel ma l-livell tiegħu taz-zokkor fid-demm ġie stabbli.
Dan ġara iktar minn 50 sena ilu, u matul dan l-aħħar nofs seklu l-kura għal din il-marda tjiebet b’mod konsiderevoli. Minkejja dan, Ken għad għandu d-dijabete, u m’huwiex l-uniku wieħed. Huwa stmat li madwar id-dinja, hemm iktar minn 140 miljun ruħ li għandhom id-dijabete u skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, hemm ċans li dan in-numru jirdoppja sas-sena 2025. Nistgħu nifhmu għala l-esperti huma mħassbin dwar kemm qed issir komuni d-dijabete. “Meta nikkunsidraw il-ħafna każijiet taʼ dijabete li qegħdin naraw,” tgħid it-Tabiba Robin S. Goland, ko-direttriċi taʼ ċentru għall-kura fl-Istati Uniti, “din tistaʼ tkun il-bidu taʼ epidemija.”
Ikkunsidra din l-informazzjoni li ġejja minn madwar id-dinja.
AWSTRALJA: Skond l-Istitut Internazzjonali tad-Dijabete fl-Awstralja, “id-dijabete tippreżenta waħda mill-iktar problemi tas-saħħa diffiċli biex jitfejqu għas-seklu 21.”
INDJA: Minn taʼ l-inqas 30 miljun ruħ għandhom id-dijabete. “Sa madwar 15-il sena ilu, ma tantx kellna pazjenti taħt l-40 sena bid-dijabete,” jgħid wieħed tabib. “Illum il-ġurnata, nofs il-pazjenti li għandhom id-dijabete huma taħt dik l-età.”
SINGAPOR: Kważi terz mill-popolazzjoni taʼ bejn it-30 u d-69 sena għandhom id-dijabete. Ħafna tfal—xi wħud saħansitra t’għaxar snin—għandhom id-dijabete.
STATI UNITI: Madwar 16-il miljun ruħ għandhom id-dijabete, u kull sena qed ikun hemm madwar 800,000 każ ġdid. Miljuni għandhom din il-marda imma għadhom ma jafux b’dan.
Il-kura għad-dijabete hija iktar diffiċli minħabba li persuna jistaʼ jkollha din il-marda ħafna żmien qabel ma ssir taf b’dan. “Minħabba li s-sintomi tal-bidu huma kemxejn ħfief,” tinnota r-rivista Asiaweek, “taʼ spiss dak li jkun ma jindunax mill-ewwel li għandu d-dijabete.” Għalhekk, id-dijabete ġiet imsejħa l-qattiela silenzjuża.
Peress li din il-marda hija daqshekk komuni u qalila, l-artikli li ġejjin se jiddiskutu dawn il-mistoqsijiet:
● X’jikkaġuna d-dijabete?
● Dawk li għandhom id-dijabete, kif jistgħu jkampaw magħha?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
Għala Tissejjaħ Hekk
It-terminu “dijabete mellitus” ġej mill-kelma Griega li bejn wieħed u ieħor tfisser li “jgħaddi minn pajp” u mill-kelma Latina li tfisser “ħelu bħall-għasel.” Dan il-kliem jiddeskrivi sew din id-diżordni, għax l-ilma jgħaddi mill-persuna dijabetika bħallikieku jkun għaddej minn pajp li jkun ġej mill-ħalq għal ġos-sistema taʼ l-awrina u dritt ’il barra mill-ġisem. Barra minn hekk, l-awrina tkun ħelwa biz-zokkor. Fil-fatt, qabel ma ġew skoperti metodi iktar effiċjenti, test wieħed għad-dijabete kien li jitfgħu l-awrina tal-pazjent ħdejn bejta tan-nemel. Jekk l-insetti kienu jiġu attirati lejha, kien jindika li fl-awrina hemm iz-zokkor.