Kif il-Bibbja Tistaʼ Tgħin lil Dawk li Jbatu bid-Dijabete
GĦAS-SAĦĦA u l-benesseri taʼ xi ħadd li għandu d-dijabete huwa vitali b’mod speċjali li jkollu l-kontroll fuqu nnifsu u ħarsa pożittiva. Iżda biex jikkultiva kwalitajiet bħal dawn, dak li jbati mid-dijabete għandu bżonn t’appoġġ kontinwu. Għalhekk, il-membri tal-familja u l-ħbieb m’għandhomx iħajru lil xi ħadd li għandu d-dijabete biex jiekol ikel li ma jkunx tajjeb għalih, forsi billi jgħidulu, ‘U ejja, billi tieħu darba biss m’hu se jagħmillek xejn.’ “Il-mara tiegħi tappoġġani ħafna,” jgħid Harry, li għandu marda tal-qalb u d-dijabete tat-Tip 2. “Hi ma żżommx ikel id-dar li mhux suppost niekol. Imma xi wħud ma jifhmux, u ma jafux kemm dan jistaʼ jkun diffiċli xi drabi.”
Jekk tassoċja regolarment maʼ persuna li għandha d-dijabete, żomm f’moħħok dawn iż-żewġ prinċipji sbieħ li jinsabu fil-Bibbja: “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor,” u “L-imħabba . . . ma tfittixx dak li hu tagħha.”—1 Korintin 10:24; 13:4, 5.
Dawk kollha li huma mħassbin dwar saħħithom—kemm jekk għandhom id-dijabete u kemm jekk le—għandhom bżonn jeżerċitaw kontroll fuq l-ikel. Il-Bibbja tgħin f’dan, għax turi l-bżonn li kull wieħed minna jiżviluppa kontroll fuqu nnifsu. Determinat int li tikkultiva din il-kwalità f’ħajtek? (Galatin 5:22, 23) Iktar għajnuna tistaʼ tingħata minn eżempji Bibliċi, bħal dak taʼ l-appostlu Kristjan Pawlu. “Hu kellu xewka permanenti f’ġismu,” tgħid waħda li għandha d-dijabete, “madankollu hu xorta baqaʼ jaqdi lil Alla b’mod leali u komplut. Anki jien nistaʼ nagħmel dan!”
Iva, l-appostlu Pawlu aċċetta dak li ma setax ibiddel u gawda suċċess kbir bħala missjunarju. (2 Korintin 12:7-9) Dustin, li għandu 18-il sena, ilu agħma minn meta twieled, u ilu bid-dijabete minn meta kellu 12-il sena. Hu jikteb: “Jien naf li ħadd fid-dinja m’għandu kollox perfett. Inħares ’il quddiem meta fid-dinja l-ġdida t’Alla mhux se jkolli d-dijabete. Għalija, id-dijabete hija xi ħaġa temporanja biss. Hemm mnejn li ddum iktar minn riħ jew influwenza, imma eventwalment se tinġieb fi tmiem.”
Meta għamel din l-istqarrija, Dustin kellu f’moħħu t-tama bbażata fuq il-Bibbja taʼ saħħa perfetta f’art magħmula ġenna taħt is-Saltna t’Alla. (Apokalissi 21:3, 4) Il-Kelma t’Alla twiegħed li taħt ħakma divina bħal din, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24; Mattew 6:9, 10) Tixtieq tkun taf iktar dwar din il-wegħda bbażata fuq il-Bibbja? Ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah lokalment, jew ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista fl-indirizz li japplika għalik imniżżel f’paġna 5.
[Stampa f’paġna 12]
Kontroll fuqek innifsek u ħarsa pożittiva huma vitali